informazzjoni dwar il-proċess tal-ħruġ tal-liċenzji tal-kummerc
Numru ta’ applikazzjonijiet pendenti li għaddew lill-Awtoritajiet rispettivi
Il-proċess tal-ħruġ tal-liċenzji issa beda u l-ewwel pass f’dan il-proċess ġdid kien: it-trasferiment ta’ l-applikazzjonijiet li kienu qed jinħadmu mill-Pulizija biex jgħaddu għal għand l-Awtoritajiet rispettivi.
Mingħand il-pulizija ġew trasferiti 693 applikazzjoni. Dawn l-applikazzjonijiet pendenti tqassmu hekk:
Trade Licensing Unit 488
Department of Public Health 4
Malta Financial Services Centre 1
Malta Tourism Authority 160
Malta Maritime Authority 3
Malta Transport Authority 28
Malta Resources Authority 7
Veterninary Services Department 2
M’hemmx bżonn li l-applikanti jmorru jkellmu lil dawn l-Awtoritajiet
L-Awtoritajiet u l-Entitajiet li rċivew dawn l-applikazzjonijiet pendenti mingħand il-Pulizija, fil-ġranet li ġejjin ser jiltaqgħu ma’ l-applikanti ndividwali. M’hemmx bżonn li l-applikanti jmorru jkellmu lil dawn l-Awtoritajiet minnufih, iżda ser ikunu dawn l-istess Awtoritajiet li ser javviċinaw lill-applikanti rigward is-sitwazzjoni ta’ l-applikazzjoni tagħhom.
L-Indirizz fejn jintbagħtu l-applikazzjonijiet
Għall-kategoriji ta’ negozji li l-permess tagħhom irid jinħareġ mit-TradeLicensing Unit, kull min irid japplika għal-liċenzja tan-negozju, issa jista’ jiġbor il-formola mingħand il-Kunsill Lokali. Kull formola tista’ tintbagħat bil-posta f’dan l-indirizz:
Trade Licensing Unit
Commerce Division
Lascaris Wharf
Valletta – CMR 02
Tel. No. 21 243 071
Qed tingħata l-informazzjoni rigward dan id-Dipartiment, għaliex dan id-Dipartiment ser ikollu l-aktar applikazzjonijiet għal-liċenzji tan-negozju.
Pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet f’ġurnali
Għall-formoli A, C u D, li huma formoli għall-applikazzjonijiet ġodda ta’ negozju, jew change of use, l-applikant ser ikun mitlub li jħallas Lm10 ma’ dawn l-applikazzjonijiet, skond kif ikun il-każ. Dan il-ħlas ser isir biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta’ publikazzjoni ta’ l-applikazzjoni biex hekk, kull min irid jagħmel xi oġġezzjoni għall-ħruġ ta’ xi liċenzja, jkun jista’ jagħmel dan fi żmien għaxart ijiem mill-pubblikazzjoni. Din il-proċedura ser tkun minflok il-ġbir tal-firem mingħand il-ġirien, li kienet magħrufa bħala n-neighbours’ consent.
Small Business Unit (SBU) bħala ċentru ta’ informazzjoni
L-iSmall Business Unit huwa ċ-ċentru ta’ informazzjoni rigward il-proċess kollu tal-ħruġ tal-liċenzji tan-negozju. Kull applikant huwa mitlub li jinforma jew jitlob l-informazzjoni rigward is-sitwazzjoni ta’ l-applikazzjoni tiegħu fuq it-telephone numru: 21 226 688. Ghaldaqstant, kull min ikollu xi lment ta’ ineffiċjenza f’dan il-proċess, ghandhu jirrapporta dwaru f’din it-Taqsima (Small Business Unit (Tel. 21 226 688).
Konsultazzjoni ma’ l-Awtorita’ tas-Saħħa
Kull min ser japplika għal-liċenzja tan-negozju taħt l-ewwel kategorija, jiġifieri l-manifattura u l-bejgħ ta’ prodotti ta’ l-ikel, dan ser ikun mitlub biex, wara li tinħariġlu n-no objection għal-liċenzja li jkun talab, jikkonsulta ma’ l-Food SafetyUnit, sabiex tkun tista tinhariġlu l-liċenzja. L-istess uffiċjali fiċ-ċentri tas-sanita’ ser ikunu disponibbli biex jagħtu pariri lil min ikun qed jippjana n-negozju ġdid tiegħu fir-rigward ta’ xi jkun mitlub mingħand l-istess Awtoritajiet tas-Saħħa.
Formola għal car boot sales
Skond ir-regolamenti li ħarġu fl-Avviż Legali 102/2002, ma jistgħux jibqgħu jiġu organizzati car boot sales fuq art pubblika, jew bejgħ permezz ta’ vetturi kummerċjali, u minn persuni li għandhom permess tan-negozju. Għaldaqstant, biex ikollna car boot sales organizzati skond l-avviż legali msemmi, ser ikun hemm formola apposta.
Formola għall-fieri kummerċjali
Il-fieri kummerċjali wkoll qegħdin ikunu rregolati bl-Avviż Legali msemmi, u issa għandna wkoll il-formola għal min irid jorganizza dawn il-fieri kummerċjali, li ser ikunu jinkludu l-bejgħ bl-imnut. Il-permess għal dawn il-fieri kummerċjali ser ikun regolat biex naraw li ma jkollniex abbuż ta’ bejgħ kemm minn postijiet mhux awtorizzati, kif ukoll minn persuni li ma jkollhomx il-permess biex ibiegħu.
Milqugħa l-applikazzjonijiet għall-ħwienet li jbiegħu l-groceries nhar ta’ Ħadd
Sa l-24 ta’ Mejju, 2002, it-Trade Licensing Unit ser jilqa’ applikazzjonijiet li jridu jsiru bil-formola apposta, minn dawk li huma diġa’ illiċenzjati biex ibiegħu affarijiet ta’ groceries u li juru li għandhom interess li jiftħu l-Ħadd fuq roster li ‘l quddiem ser tkun ippubblikata.
Il-late night shopping
It-Trade Licensing Unit qed jilqa’ wkoll applikazzjonijiet fuq il-formoli li ġew imqassma fil-Kunsilli Lokali, biex hanut jibqa’ miftuħ għal late night shopping. Permezz ta’ din il-formola, l-applikant għandu l-opportunita’ li: jew japplika għal perjodu ta’ żmien li fih jagħżel il-ġurnata li ser jibqa’ miftuħ sa l-10.00 p.m. jew jista’ japplika għal dak il-jum partikolari li jiddeċiedi li għalih jibqa’ miftuħ.
L-Użu tal-makkinarju fil-ħwienet, azjendi tal-manifattura jew servizzi issa m’għandhomx iżjed bżonn ta’ permess
Kull applikazzjoni pendenti li ġiet trasferita lit-Trade Licensing Unit kienet tinkludi wkoll l-applikazzjoni għall-permess ta’ makkinarju, li kien ser ikun użat f’dawn l-azjendi. Minn issa ‘l quddiem, dan il-permess m’għadux aktar meħtieġ. Għalhekk l-applikazzjonijiet kollha li hemm pendenti, u li għad iridu jidħlu fit-Trade licensing Unit, mhux ser ikunu mitluba li jgħaddu minn proċess ta’ permess għall-użu tal-makkinarju. Minkejja dan, huwa l-obbligu ta’ kull imprenditur li juża l-makkinarju b’mod li ma joħloqx inkonvenjent lill-ġirien, u li jara li joqgħod għar-regolamenti kemm dawk tal-health and safety, kif ukoll għall-istandards tal-makkinarju, kif indikati mill-Malta Standards Authority.
L-Estensjoni tal-ħin tal-ftuħ tal-bars sas-1.00 a.m.
Sabiex bar jew catering establishment ikun jista’ jibqa’ miftuħ sas-1.00 a.m. m’għandux bżonn aktar permess. Mil-lum ‘l quddiem, min kellu l-permess li jiftaħ sal-11.00 p.m. issa awtomatikament, skond ir-regolamenti l-ġodda, jista’ jibqa’ miftuħ sas-1.00 a.m. Minkejja dan il-permess, xorta trid issir applikazzjoni separata biex f’dawk il-bars, ikollhom amplified music. Dan il-permess irid jintalab mill-Awtorita’ tat-Turiżmu.
Ħlasijiet tal-permessi
Il-ħlasijiet tal-permessi ser ikun jista’ jsir fil-Kunsilli Lokali minn Ġunju 2002, ‘l quddiem. It-talba għall-ħlas ser issir mill-Awtoritajiet li issa ser ikunu responsabbli mill-ħruġ tal-liċenzji, u l-pagamenti jkunu jistgħu jsiru fil-Kunsilli, kif ukoll b’metodi oħra, li ghad iridu jithabbru fil-futur.
Ħlasijiet ta’ arretrati
Fi ftit taz-zmien iehor, ser titħabbar il-proċedura li biha ser ikunu mitluba l-ħlasijiet ta’ permessi li għadhom m’humiex imħallsa.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN