Żvilupp ta' strateġija għall-esplojtazzjoni ta' sorsi ta' enerġija li tiġġedded
Meta kien qed jipprezenta 'Consultation Paper' dwar l-izvilupp ta' strategija ghall-esplojtazzjoni ta' rizorsi ta' energija li tiggedded, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, Dr. Francis Zammit Dimech qal li fl-aħħar snin pajjiżna kellu żieda qawwija fil-livell tal-għajxien u fl-iżvilupp ekonomiku. Dan irid jiġi sostnut minn żieda fil-provvista ta' l-enerġija.
Francis Zammit Dimech qal li t-titjib fl-iżvilupp ekonomiku jqiegħed quddiemna sfidi ġodda. Il-mod kif iħares il-Gvern lejn is-settur ta' l-enerġija irid ikun konsistenti mal-prinċipju ta' l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli. Hu qal li filwaqt li nifhmu li rridu nżommu grad ta' kontroll fuq dan is-settur, minħabba l-importanza strateġika tar-riżorsi ta' enerġija, ir-rwol tal-Gvern qiegħed jigi bil-mod il-mod trasformat minn wieħed ta' parteċipant ewlieni fis-suq, għal wieħed regolatorju. It-twaqqif ta' l-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi hu intenzjonat li jipprovdi lil dan is-settur regolamentazzjoni trasparenti u effettiva.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li il-viżjoni tal-Gvern għal dan is-settur hi konsistenti mal-politika ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, iżda b'riferenza partikolari għall-qagħda f'Malta. Din tinkludi l-immaniġġjar effettiv tar-riżorsi kollha disponibbli, iffrankar u effiċjenza fl-enerġija u taħlita bilanċjata fejn ir-riżorsi ta' l-enerġija jappoġġjaw żvilupp ekonomiku sostenibbli.
Francis Zammit Dimech qal li Malta għandha numru ta' obbligazzjonijiet Ewropej u internazzjonali, li jpoġġu fuqna l-ħtieġa li naddottaw u nimplimentaw strateġiji, fi żmien qasir u fi żmien medju, li jwasslu għal ħarsien ambjentali u żvilupp sostenibbli. Dawn jinkludu sistema sostenibbli ta' enerġija, kontribuzzjoni lejn sforzi internazzjonali biex jitnaqqsu l-effetti serra minn gassijiet skond il-miri stabbiliti mill-Konferenza Dinjija dwar l-Ambjent li saret fi Kyoto u skond il-United Nations Framework Convention on Climate Change (UNFCCC). Malta kienet wieħed mill-pajjiżi li nstigat il-proċess tal-UNFCCC, meta fl-1988 ġibdet l-attenzjoni tal-komunita' internazzjonali biex il-klima titħares fl-interess ta' l-umanita'. Malta rratifikat l-UNFCCC fl-1994 u l-Protokoll ta' Kyoto fl-2001. Hu qal li bħala pajjiż parteċipant fl-UNFCCC, Malta qiegħda bhalissa tahdem biex tipprepara l-Ewwel Komunikazzjoni Nazzjonali tagħha kif meħtieġ mill-Artiklu 12 fejn irridu niġbru inventarju nazzjonali ta' minn fejn oriġinaw l-emmissjonijiet tal-gass li wasslu għall-effett serra u dwar policies u miżuri biex nimplimentaw dak li wegħdna. Hu qal li l-enerġija li tiġġedded hi kunsidrata li tagħmel parti importanti mill-pakkett ta' miżuri li huma meħtieġa biex pajjizi josservaw il-Protokoll ta' Kyoto u l-UNFCCC. Is-settur tal-ġenerazzjoni ta' l-enerġija hu meqjuz li hu kontibutur ewlieni nazzjonali għall-emissjonijiet mill-gass li joħolqu l-effett serra permezz tal-ħruq ta' żejt fossili u emissjonijiet ta' carbon dioxide, liema emmissjonijiet huma stmati li jilħqu 75 fil-mija ta' l-emissjonijiet kollha ta' dan it-tip f'Malta.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li minbarra li nsiru ambjentalment aktar konxji biex innaqsu l-gassijiet li joħolqu l-effett serra, u emmissjonijiet oħra li jniġġsu u minbarra l-obbligazzjonijiet internazzjonali ta' pajjiżna, is-sħubija fl-Unjoni Ewropea għandha tixprunana biex nilħqu l-miri tagħna. Din toffri sfidi, opportunitajiet u oqsfa ta' appoġġ biex nippromwovu d-diversifikazzjoni, l-innovazzjoni teknoloġika u l-investiment f'sorsi ta' enerġija li tiġġedded. Hu qal li d-Direttiva 2001/77/EC ta' l-Unjoni Ewropea tħares lejn l-izvilupp ta' elettriku fis-suq intern minn sorsi ta' enerġija li tiġġedded.
Hu qal li filwaqt li l-livell ta' żvilupp ta' sorsi ta' enerġija li tiġġedded jvarjaw bejn l-Istati Membri ta' l;-UE minħabba kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi differenti u policies ta' appoġġ, l-Unjoni Ewropea hi minn ta' quddiemnett biex tappoġġja din it-tip ta' enerġija. Hu għalhekk li qed tindika miri nazzjonali għal sorsi ta' enerġija li tiġġedded fl-Istati Membri u qed tinkoraġġixxi lill-istess stati biex jaddottaw il-passi meħtieġa ħalli jipproduċu l-elettriku minn dan is-sors. Francis Zammit Dimech qal li anke aħna marbuta mal-proċess li jkollna miri indikattivi għall-elettriku li nipproducu minn sorsi ta' enerġija li tiġġedded.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li s'issa, minkejja l-potenzjal li din it-tip ta' enerġija għandha f'benefiċċji soċjali, ekonomiċi u ekoloġiċi, l-użu ta' din l-enerġija f'Malta kien prattikament insinifikanti u pajjiżna jiddependu totalment minn żjut impurtati għall-generazzjoni ta' l-elettriku. Hu qal li sorsi ta' enerġija li tiġġedded jistgħu iżda jikkontribwixxu pożittivament lejn sostituzzjoni ta' l-importazzjoni, sigurta' fil-provvista ta' enerġija, li nilħqu mal-ħtiġiet dejjem jikbru għall-enerġija u kompetittivita' ekonomika partikolarment biż-żieda fid-domanda għal prodotti u servizzi ambjentali. Hu qal li għalkemm l-ispejjeż għall-produzzjoni tagħhom huma ġeneralment ogħla minn dawk ta' sorsi oħrajn, dawn ma jurux l-istess volatilita' fil-prezzijiet ta' sorsi konvenzjonali.
Francis Zammit Dimech qal li waħda mill-aktar sfidi importanti li jiffaċċjaw is-sorsi ta' enerġija li tiġġedded hi dik ekonomika. Kien għalhekk meħtieġ li li ssir investigazzjoni biex ikunu riveduti r-regoli eżistenti u strutturi operattivi biex niddeterminaw il-possibilta' li nippentraw aktar is-suq tat-teknoloġija tar-riżorsi li jiġġeddu.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li din il-Consultation Paper hi l-ewwel minn sensiela ta' passi li qed jittieħdu mill-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġija għall-esplojtazzjoni ta' sorsi ta' enerġija li tiġġedded għall-ġenerazzjoni ta' l-elettriku f'Malta. Il-miri ġenerali ta' din l-inizjattiva hi l-esplojtazzjoni ta' teknoloġiji effiċjenti u aktar nadifa biex nilħqu ma' ħtiġiet ta' enerġija, biex intejjbu l-kwalita' ta' l-ambjent permezz ta' tnaqqis f'emmissjonijiet li jniġġsu li huma r-riżultat ta' produzzjoni ta' l-elettriku minn żjut fossili u biex fl-istess waqt nissodisfaw l-obbligazzjonijiet internazzjonali ta' pajjiżna.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li kien mahsub li jinhatar konsulent li jwettaq l-aħjar analiżi ta' l-informazzjoni rilevanti, ta' sitwazzjonijiet u karatteristiċi lokali, li fuq bażi tagħhom tiġi żviluppata u rrikomandata strateġija dettaljata u programm ta' implimentazzjoni li jinkludi miri ta' penetrazzjoni u timeframes għall-introduzzjoni strutturata u ordnata tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni f'Malta ta' enerġija li tiġġedded.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-Consultation Paper tfisser dawn it-terms of reference ġenerali u speċifiċi għall-konsulenti li jinħatru biex jagħmlu assessment komprensiv u indipendenti ta' l-esplojtazzjoni ta' enerġija li tiġġedded f'Malta. Darba titlesta din il-ħidma hu maħsub li jkun hemm qafas u deskrizzjoni oriġinali ta' pjan għall-introduzzjoni strutturata ta' l-enerġija li tiġġedded.
Francis Zammit Dimech inkoraggixxa lill-partijiet kollha interessati, organizazzjonijiet u l-pubbliku ingenerali biex jissottomettu l-kummenti tagħhom għal din il-Consultation Paper u qal li kien jistenna parteċipazzjoni attiva mill-pubbliku f'dan il- proċess.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN