Diskors mill-Onor. Ninu Zammit, Ministru ta’ l-Agrikoltura u Sajd, fil-ftuħ tal-Wirja Annwali tal-Fniek organizzata mill-Malta Rabbit Club - Ġonna ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard - 4 ta’ Mejju 2002
Hu ta’ sodisfazzjon għalija li ntlabt niftaħ din il-wirja li kull ma tmur qed iżżid fil-popolarità tagħha mhux biss mil-lat ta’ parteċipazzjoni minn dawk li jrabbu l-fniek għar-razza iżda wkoll min-naħa tal-pubbliku. Nista’ ngħid li din hi waħda mill-akbar wirjiet annwali li jsiru f’dawn il-ġonna u m’għandi l-ebda dubju li qed tilħaq l-iskop ewlieni tagħha: dak li teduka u żżid l-interess fit-trobbija tal-fniek mhux biss għar-razza jew għall-qatla, iżda wkoll biex jinżammu bħala annimali domestiċi.
Il-fenek għandu rabta tradizzjonali twila ma’ pajjiżna. Jingħad li l-fenek selvaġġ kien introdott fil-kampanja Maltija fi żmien il-Feniċi, madwar 3,600 sena ilu. Bdew jitkabbru b’mod domestiku u fuq skala kbira fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann u kien ukoll f’dak il-perjodu li oriġinat il-fenkata bħala l-ikla nazzjonali tagħna.
Illum hu ikkalkulat li hawn madwar 15,000 persuna li jkabbru l-fniek, kemm għall-qatla kif ukoll għar-razza. Fosthom hemm dawk, għalkemm f’numru żgħir, li jkabbru l-fniek fuq skala kummerċjali. Fejn qabel kien jeżisti biss il-fenek Malti, illum sar hawn ferm aktar razez u anki taħlita akbar ta’ razez. Fost l-aktar popolari meta niġu għat-taħlit biex jitkabbru l-fniek għall-qatla nsibu n-New Zealand White, il-Californian u l-Flemish Giant.
L-industrija tal-fniek f’pajjiżna hi waħda żgħira, b’bejgħ ta’ madwar Lm2 miljun fis-sena, li forsi hi ċifra li ma turix ir-realtà sħiħa meta wieħed jikkunsidra kemm fniek jiġu ikkunsmati minn min irabbihom jew jingħataw b’xejn lill-qraba tagħhom. Biss jidher li din l-industrija, li fil-każ ta’ pajjiżna nqisuha bħala cottage industry, tidher li qed tipproduċi biżżejjed fniek biex tintlaqa’ d-domanda, għalkemm hawn min hu tal-fehma li għad hemm lok fejn tista’ tiżdied il-produzzjoni.
Hu fatt magħruf li minn ras għal ras il-Maltin huma l-aktar nies li jieklu fniek fid-dinja. Kull Malti, bħala medja, jikkonsma kważ 10 kilogrammi ta’ fniek fis-sena. Warajna jiġu t-Taljani b’medja ta’ madwar 6 kilogrammi fis-sena. F’diversi pajjiżi oħra Ewropej, il-konsum hu baxx ħafna peress li aktar jikkunsidraw il-fenek bħala annimal domestiku.
Għalkemm din l-industrija tħalli l-qligħ, fiha wkoll il-problemi tagħha. Nafu li r-rata ta’ mortalità għadha kemmxejn għolja. Il-kawżi għal dan jistgħu jkunu diversi, fosthom il-kwalità tal-gwiez. Nifhem li qed ikomplu jsiru riċerki, anki bl-għajnuna ta’ esperti barrannin, biex il-kwalità tal-ġwież tkompli titjieb.
Nemmen li l-industrija tal-fniek f’pajjiżna għandha futur sabiħ quddiemha anki jekk Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. L-importazzjoni tal-fniek għall-konsum hi waħda baxxa ħafna. Nemmen li l-poplu Malti se jibqa’ jfittex il-fenek imkabbar f’Malta għax, meta jiġi għall-fniek, il-poplu Malti jrid prodott frisk u garanzija li hu prodott ta’ kwalità. Nemmen li l-poplu Malti se jibqa’ jfittex il-fenek imkabbar Malta, filwaqt li min jipproduċi jista’ jibqa’ mhux biss jibqa’ jiggarantixxi iżda wkoll ikabbar is-suq li għandu billi ma jitħanżirx għal profitti esaġerati kif seta’ kien il-każ meta s-sena l-oħra żdiedet ferm id-domanda għall-fniek fid-dawl tal-kriżi li kien hawn fis-settur taċ-ċanga.
Hu tajjeb ukoll li f’dan is-settur minn jipproduċi jassigura li jkollu l-aħjar ambjent u faċilitajiet possibbli għat-trobbija tal-fniek. B’hekk biss jistgħu jtejbu l-kwalità u jnaqqsu t-telf. Wasal iż-żmien ukoll li din l-industrija tibda torganizza ruħha aħjar. Il-Gvern qed jipprovdi l-għodda meħtieġa għal dan l-iskop permezz tal-leġislazzjoni ġdida favur it-twaqqif tal-għaqdiet tal-produtturi, kif ukoll permezz tal-liġi dwar l-Animal Welfare.
Inħoss ukoll li wasal iż-żmien li jinħoloq reġistru għal dawk li jrabbu l-fniek, b’mod partikolari għal dawk li jrabbu fuq bażi full-time, jiġifieri b’400 gaġġa jew aktar, u għal dawk li jrabbu fuq bażi part-time b’200 sa 300 gaġġa. Din ir-reġistrazzjoni nħoss li għandha ssir fl-interess tal-produtturi stess ħalli flimkien inkunu nistgħu nilqgħu għal kwalunkwe eventwalità u anki biex flimkien inkomplu ntejbu l-kwalità kemm fil-proċess tal-produzzjoni kif ukoll fil-prodott innifsu. Għax hu ferm importanti li nkompli ntejbu l-kwalità u l-effiċjenza f’kull qasam tas-settur agrikolu.
M’għandi l-ebda dubju li l-livell edukattiv u tekniku fit-trobbija tal-fniek kiber ħafna f’dawn l-aħħar snin. Kellu u għad għandu sehem ferm importanti f’dan it-kollu l-Malta Rabbit Club, li fit- 38 sena li ilu mwaqqaf ħadem ħafna biex iżomm lil dawk li jrabbu l-fniek mgħarrfa bl-aktar żviluppi moderni f’dan is-settur. Grazzi għall-ħidma ta’ din l-għaqda, it-trobbija tal-fenek tar-razza żdiedet ħafna f’dawn l-aħħar snin. Dan wieħed jista’ jinnotah ukoll mill-fatt li l-wirja ta’ din is-sena, minbarra li hi l-akbar waħda li qatt saret, qed tikser kull rekord billi ddaħħlu, minn 37 esebitur, 532 esebit minn 40 razza differenti. Ninnota wkoll b’sodisfazzjon l-interess li reġa’ hawn fit-tkabbir mill-ġdid ta’ fniek tar-razza Maltija.
Nifirħilkom ta’ dan is-suċċess u nawguralkom futur b’ħafna opportunitajiet ġodda. Persważ li l-industrija tal-fniek f’pajjiżna għandha futur sabiħ quddiemha għax il-poplu Malti se jibqa’ jfittex il-fenek imkabbar f’pajjiżu.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN