Left arrow Go Back

DISKORS TAL-CO-CHAIRMAN TAL-KUMITAT U MINISTRU TA’ L-EDUKAZZJONI, DR LOUIS GALEA, FIS-17-IL LAQGĦA TAL-KUMITAT KONĠUNT BEJN IL-PARLAMENT EWROPEW U L-PARLAMENT TA’ MALTA - ST JULIANS, 29 TA’ APRIL 2002

PR583
Date Icon 29/04/2002

Kollegi,

Kif diġa aċċennajt fid-diskors tal-ftuħ tiegħi, fis-sessjoni tal-Kumitat ta’ llum għandna l-okkażjoni li għall-ewwel darba nużaw l-ilsien Malti bħala wieħed mill-ilsna tal-proċeduri ta’ dan il-Kumitat.

Għal dawk fostkom li qed jisimgħu l-ilsien Malti għall-ewwel darba, m’għandix dubju li qed inqanqlu l-interess tagħkom biex tifhmu u tixtarru x’qafas u x’għeruq jista’ jkun mibni fuqhom l-ilsien nazzjonali ta’ dan il-pajjiż. Bħala Ministru ta’ l-Edukazzjoni huwa wkoll parti minn xogħli li nara li l-ilsien Malti jissaħħaħ u li jingħata l-istima u l-post li ħaqqu f’soċjeta’ li għalkemm żgħira fid-daqs hija kbira ferm fis-sens ta’ kburija nazzjonali u fl-identita’ nazzjonali distinta tagħha.

L-ilsien Malti, li huwa mitkellem minn mal-ħamsa w disgħin fil-mija tal-popolazzjoni ta’ dan il-pajjiż, huwa mibni u minsuġ fuq għeruq semitiċi. Iżda huwa mogħni wkoll b’elementi rumanzi minn bosta ilsna Ewropej, mhux l-anqas it-Taljan, il-Franċiż kif ukoll l-Ingliż. Bla dubju din hija riflessjoni ċara ta’ l-istorja mlewwna ta’ dan il-pajjiż, li niftakru, kien wara kollox għal ‘il fuq minn mitejn sena is-sit uffiċjali ta’ l-ewwel għamla ta’ Kunsill ta’ l-Ewropa jew ta’ għaqda Ewropea fil-forma ta’ l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, bl-ilsna diversi ta’ l-Ordni minn kull rokna ta’ l-Ewropa.

L-ilsien Malti, mela, huwa xiehda ta’ storja li tagħmel lil dan il-pajjiż, kbir ferm fl-istorja, fil-wirt kulturali tiegħu, kif ukoll fil-kontribut tiegħu għall-istess Ewropa.

Iżda aktar minn ħaġa oħra, l-ilsien Malti huwa t-timbru, biex insejjaħlu hekk, ta’ ġens b’identita’ distinta u kburija.

Dan il-ġens issa qiegħed fuq l-għatba ta’ deċiżjoni storika dwar il-futur tiegħu, id-deċizjoni dwar jekk għandux jissieħeb jew le f’għaqda bħal ma hija l-Unjoni Ewropea.

U l-kwistjoni ta’ l-identita’ nazzjonali hija proprju waħda mill-punti ewlenin li jitqajjmu fid-dibattitu dwar din il-kwistjoni. U huwa ġust u xieraq li jkun hekk. X’se jiġri mill-identita’ ta’ pajjiżna jekk jissieħeb fl-Unjoni Ewropea? Se tinbela’? Se titgħattan taħt il-piż ta’ l-uniformita’? Jew se tibqa' ħajja daqs qatt qabel jew saħansitra tifjorixxi u tikseb milja akbar fiż-żmien li ġej?

U huwa proprju dan il-punt li jiena xtaqt nagħmel. Jiena nqis, u naħseb li l-istorja ta’ kif inbniet u żviluppat l-Unjoni Ewropea tagħtini raġun, li l-identita’ nazzjonali ta’ pajjiżna tissaħħaħ u mhux tiddgħajjef bi sħubija fl-Unjoni Ewropea. Anzi, nżid ngħid li tissaħħaħ sew u lil hinn mill-aspettivi ta’ ħafna.

Għaliex ngħid dan?

Ngħid dan għaliex hawn qed nitkellmu fuq Unjoni li hija mibnija fuq prinċipju li ħafna jagħmlu żball li jinjoraw. Qed nirreferi għall-prinċipju ta’ "l-għaqda fid-diversita’" (unity within diversity). Jien nqis dan il-prinċipju bħala l-ingredjent ewlieni li wassal għas-suċċess tar-riċetta Ewropea li tħalltet matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin. Ingredjent ewlieni għaliex ixejjen mill-ewwel kull dubju li jista’ jkun hemm li l-Unjoni Ewropea hija jew trid twassal għal xi forma ta’ eġemonija.

L-istess preambolu tat-Trattat li jwaqqaf l-Unjoni Ewropea ma jistax ikun aktar ċar milli hu. Jghid li l-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni iridu “jkattru s-solidarjeta’ bejn il-popli tagħhom filwaqt li jirrispettaw l-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħhom".

U allura wieħed tajjeb li jistaqsi: fil-prattika, l-Unjoni Ewropea, li llum għandha ħmistax-il pajjiż u li minn hawn u ftit xhur oħra se tieħu d-deċiżjoni sabiex tkabbar u ddaħħal fi ħdanha ma’ l-għaxar pajjiż ġdid ieħor, din l-Unjoni x’rekord għandha fuq din il-wegħda, fuq dan il-prinċipju, li ntrabtet bih sa mill-bidu? Il- mod kif evolviet l-Unjoni Ewropea huwa xiehda ta’ tkasbir tal-prinċipju ta’ l-għaqda fid-diversita’ jew inkella huwa xiehda ta’ rispett sħiħ u konkret lejn dan il-prinċipju daqstant importanti? Fi kliem ieħor, fuq dan il-prinċipju, l-Unjoni Ewropea għaddiet mill-kliem għall-fatti?

Jiena ngħid illi x-xiehda qegħda tgħix u hija ħajja quddiemna. Mhux talli l-Unjoni Ewropea ma għattnet l-ebda identita’, mhux talli l-Unjoni Ewropea ma wasslet għall-ebda tip ta’ eġemonija, mhux talli l-Unjoni Ewropea ma ħolqot l-ebda uniformita’ fl-identita’ tal-popli li jagħmlu parti minnha, talli l-Unjoni Ewropea għamlet proprju l-oppost.

Liema minn dawk il-popli li daħal biex jagħmel parti mill-Unjoni Ewropea tilef

l-identita’ nazzjonali tiegħu? Liema minn dawk il-popli tgħattan jew inbelgħha fl-identita’ tiegħu? Liema minn dawk il-pajjiżi li daħlu jagħmlu parti mill-Unjoni Ewropea sparixxa minn fuq il-mappa politika?

L-ebda minnhom. Lanqas l-iżgħar fost iż-żgħar.

Mhux talli hekk, talli ġara proprju l-oppost. Ġara illi mhux talli ħadd ma tilef l-identita’, talli hemm bosta li saħħuha.

Min per eżempju, jista’ jiċħad li l-poplu Irlandiż kabbar u mhux naqqas l-identita’ tiegħu kemm f’dik li hija fiduċja u kburija bl-identita’ nazzjonali fuq livell domestiku, iżda anki f’dik li hija preżenza fix-xena internazzjonali? Dan ma ġarax b’kumbinazzjoni.

Min jista’ jgħid li l-Lussimburgu tilef xi nitfa’ mill-identita’ distinta tiegħu? Jekk xejn, illum nafu kif dan il-pajjiż, imrekken kif inhu fost pajjiżi ġganti, għaraf jegħleb l-isfida mhux żghira li kienet ġejja mill-pożizzjoni ġeografika tiegħu. U għelibha a vantaġġ tiegħu. Nittama li ħadd illum m’għandu xi dubju li dan il-pajjiż tilef l-identita’ tiegħu jew inbela’ mill-pajjiżi ġganti ġara tiegħu.

U xi ngħidu għall-identitajiet li l-Unjoni Ewropea saħħet u mhux biss dawk li żammet.

Mill-Belġu sa Spanja insibu li l-identitajiet iżgħar minn dawk nazzjonali sabu l-milja ta’ l-espressjoni tagħhom fil-qafas ta’ l-isħubija ta’ pajjiżhom fl-Unjoni Ewropea. U mhux bil-maqlub.

U l-istess jiġri bil-pajjiżi membri ġodda. L-esperjenza u t-track rekord ta’ l-Unjoni Ewropea uriet li l-Unjoni hija forza li ssostni u mhux li ddgħajjef l-identita’ tal-popli Ewropej.

U l-istess jiġri b’pajjiżna jekk jissieħeb fl-Unjoni Ewropa.

L-identita’ Maltija tikber u mhux tiċkien. U ejja ma noqgħodux ngħidu li dak li ġara f’pajjiżi oħra ma japplikax għalina. Ejja ma naħsbux li aħna xi eċċezzjoni. Bħal dak li qallu, dak li japplika f’pajjiżi oħra, dak li għexu, dak li esperjenzaw pajjiżi oħra, dan ma jista’ qatt jgħodd għalina wkoll. Da żgur li mhux hekk!

U jiena ngħid li dan diġa beda jiġri anki minn issa saħansitra qabel il-pajjiżi kandidati ssieħbu. Min jista’ jiċħad li kemm ilhom jinnegozjaw sħubija, il-pajjiżi Baltiċi kattru u mhux tilfu l-identita’ tagħhom. Kibru fis-sens ta’ kburija u fis-sens ta’ fiduċja quddiem l-Ewropa u quddiem id-dinja.

L-istess jgħodd għal Malta. U dan joħroġ ukoll, u hawn ngħaqqad ma dak li għadna kif smajna minn kelliema oħra qabli, dan joħroġ ukoll mill-mod ta’ kif l-Unjoni Ewropea qegħda titratta mall-pajjiżi kandidati matul in-negozjati. Da żgur li hemm liġijiet komuni bejn il-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni. Li kieku ma kienx hekk m’hemmx skop għall-Unjoni. U da żgur li min irid jidħol irid jikkommetti ruħu li jonora l-obbligi ta’ sħubija. Iżda jibqa’ l-fatt li dan kollu jsir b’rispett sħiħ tal-prinċipju li semmejt ta’ l-għaqda fid-diversita’. U jibqa l-fatt ukoll li n-negozjati qed jirrispettaw ukoll l-eżiġenzi diversi tal-pajjiżi kandidati.

Ngħidu aħna, l-Unjoni Ewropea ma qalitx lil Malta li dwar il-proprjeta’ trid tikkuntenta b’perjodu ta’ tranżizzjoni u mhux b’arranġament permanenti għaliex hekk offriet lil ħaddieħor. Ma qalitx lil Malta li l-ħaddiema Maltin li se jinżammu l-kontrolli fuq id-dritt tagħhom li jfittxu xogħol f’pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea mill-ewwel jum ta’ sħubija għaliex hekk innegozjat ma’ l-għaxar pajjiżi kandidati ta’ l-Ewropa tal-Lvant.

U bl-istess mod mhux se tgħid “le” kapriċċożament għat-talbiet ta’ Malta fil-kumplament tan-negozjati li minkejja li bla dubju jitrattaw oqsma iebsa u sensittivi, xorta jibqa’ l-fatt li se jittieħed kont ta’ l-eżiġenzi partikolari ta’ kull pajjiż.

Tissemma’ ħafna l-famuża libsa Ewropea li trid tintlibes minn kulħadd. U huwa minnu li l-Unjoni Ewropea trid toqgħod attenta ferm li l-libsa tkun l-istess fejn jagħmel sens li dan isir hekk u mhux dejjem. Iżda jekk xejn, l-esperjenza ta’ dawn l-aħħar ħamsin sena uriet li ma hemm l-ebda kontradizzjoni, ma hemm l-ebda inkompatibilita’ bejn li tkun Ewropew u li tkun ukoll Mediterranju, bejn li tkun Ewropew u li tkun ukoll Malti, bejn li tkun Ewropew u li tkun ukoll Taljan, Franciż, Katalan, Fjamming, Skoċċiż u oħrajn.

It-tnejn jgħixu flimkien, anzi, jissaħħu flimkien.

Kif għidt, dan kollu jidher diġa f’pajjiżna anki saħansitra qabel isseħibna. U bħala Ministru ta’ l-Edukazzjoni irrid ngħid li jien sodisfatt li qed nagħti sehem jiena wkoll, żgħir kemm hu żgħir, biex dan iseħħ.

Jiena naf mill-qrib, per eżempju, x’qed tfisser l-esperjenza Ewropea għaż-żgħażagħ Maltin anki qabel ma sseħibna. X’qed tfisser b’mod partikolari għas-sens ta’ identita’ tagħhom, għas-sens ta’ fiduċja fihom infushom u għas-sens ta’ dinjita’ tagħhom.

Hawn ma nistax ma nsemmix l-importanza enormi ta’ l-esperjenza li pajjiżna qed ikollu fil-parteċipazzjoni attiva tiegħu fil-programmi ta’ l-Unjoni Ewropea li nfetħu għall-pajjiżi kandidati għal sħubija, inkluż Malta.

Ma nkunx ġust għal kollox jekk ngħid biss li l-esperjenza tal-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-programmi ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari dawk indirizzati lejn iż-żgħażagħ, kienet suċċess. Mhux biss kienet suċċess iżda kienet aktar minn hekk. Malta ilha biss sentejn tipparteċipa f’dawn il-programmi u nistqarr li l-aspetattivi li kellna, inkluż tiegħi bħala Ministru, kienu mhux biss ġew milħuqa, iżda maqbuża bil-kbir ukoll.

Bla dubju, in-numri jitkellmu waħedhom:

mitejn u tnejn u sebgħin (272) student u studenta Maltin marru jistudjaw f’Universita’ f’pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea taħt l-Erasmus u dan matul din is-sena akkademika biss li għadha qed tispiċċa issa;

Disa’ u ħamsin (59) għalliem jew għalliema ħadu sehem fi proġett ta’ mobilita’ ukoll taħt l-Erasmus;

Bosta skejjel ipparteċipaw fil-programm Comenius;

Wieħed u ħamsin (51) ħaddiema Maltin u erba’ u għoxrin (24) trainer Malti ħadu sehem fi proġett ta’ taħriġ taħt il-programm Leonardo;

Tliet mija u disa’ w ħamsin (359) żgħażugħ u żgħażugħa Maltin ħadu sehem fi progett tal-programm Youth għaż-Żgħażagħ.

Dawn huma n-numri ta’ sena waħda biss meta l-parteċipazzjoni tagħna għadha kif bdiet.

In-numri huma importanti għaliex jekk xejn jagħtu xiehda ta’ kemm l-Unjoni Eworpea tista’ tfisser xi ħaġa mhux biss għall-ftit magħżula, iżda għall-kotra. Dawn il-programmi jagħtu viżibilita’ kbira u sens kbir ta’ xi tfisser l-Unjoni Ewropea ferm aqwa minn kif kull wieħed minna hawn jista’ qatt jartikolaha.

Iżda n-numri waħedhom mhux kollox. Trid tieħu kont ukoll ta’ l-esperjenza individwali u personali ta’ kull wieħed u waħda minn dawn il-parteċipanti. Bla dubju, l-esperjenza li kisbu mhux biss se tgħin bla qies fil-formazzjoni tagħhom, iżda se tħalli wkoll tifsira, se tħalli wkoll marka għal dejjem ta’ xi tfisser l-Unjoni Ewropea bl-aktar mod viżibbli u bl-aktar mod konkret. U se tħalli wkoll marka fuq xi tfisser li tkun Malti fl-Ewropa.

Dawn iż-żgħażagħ, li jiena kelli l-opportunita’ li nitkellem ma ħafna minnhom, illum iħossu sens akbar u aktar b’saħħtu ta’ dinjita’, ta’ identita’ nazzjonali, ta’ fiduċja fihom infushom u ta’ kburija bihom infushom u b’pajjiżhom. Dan ma ġarax b’kumbinazzjoni. Ma ġarax għaliex sakemm kienu barra xi ħadd ħaslilhom moħħhom biex jinħabbu ma’ l-Unjoni Eworpea akkost ta’ kollox. Ġara għaliex għexu l-esperjenza direttament huma u ħassew b’idejhom xi tfisser li tkun Malti fost l-Ewropej - bit-tajjeb u anki bil-ħażin tagħha.

U din hija l-esperjenza li għad ngħaddu minna aħna lkoll bħala pajjiż, bħala poplu. F’ċertu sens, iż-żgħażagħ tagħna waslu qabilna fl-Unjoni Ewropea. U forsi kien bix-xieraq li jiġri hekk. Issa rridu li l-kumplament tal-pajjiż jasal ukoll u jasal mill-aktar fis.

Jiena bdejt l-intervent tiegħi b’aċċenn għall-fatt li llum jiena kburi li qed nindirizza din il-laqgħa bl-ilsien nazzjonali ta’ pajjiżi. Jiena nittama li fi ftit xhur oħra u fis-snin li ġejjin, rappreżentanti ta’ pajjiżi jkollhom ukoll l-opportunita’ illi jindirizzaw lill-pajjiżi oħra sħab tagħna u lill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea bl-ilsien nazzjonali tagħna. Dan ikun simbolu wieħed, iżda mhux l-uniku, ta’ kemm l-Unjoni Ewropea tfisser u tirrapreżenta għaqda ta’ popli li għarfu jgħixu flimkien għaliex għarfu jirrispettaw id-differenzi ta’ xulxin. Dan huwa r-rispett li m’għandix dubju li pajjiżi wkoll jixraqlu u li se jingħata bħala membru ta’ l-Unjoni Ewropea.

Grazzi ħafna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow