IL-GVERN JAPPROVA L-PJAN LOKALI GĦALL-PORT IL-KBIR
Il-Gvern illum approva l-Pjan Lokali għall-Port il-Kbir li tħejja mill-Awtorità ta’ l-Ippjanar. Il-Pjan jiġbor fih 237 policy li jittrattaw l-użu ta' l-art għall-10 snin li ġejjin fl-inħawi tal-Belt, il-Floriana, il-Marsa, Kordin, Birgu, l-Isla, Bormla, il-Kalkara, Rikasoli u l-inħawi industrijali tal-madwar. Il-popolazzjoni ta' dawn l-inħawi tlaħħaq madwar 38,000.
Il-miri prinċipali ta' dan il-Pjan huma li jkun hemm titjib fl-ambjent urban permezz ta’ miżuri ta' riġenerazzjoni, il-manutenzjoni tal-wirt mibni, aktar attività turistika, titjib f'faċilitajiet soċjali u komunitarji u għajnuna lill-industrija bil-proviżżjoni ta’ siti ġodda, fost inizjattivi oħra.
B'mod ġenerali l-policies li hemm fil-pjan ikopru l-oqsma ta’ l-akkomodazzjoni, il-wirt storiku, it-trasport, l-ambjent, il-faċilitajiet soċjali, il-funzjoni tal-Port il-Kbir u l-iżvilupp ekonomiku.
Għall-Belt Valletta il-Pjan jaħseb biex isaħħaħ ir-rwol tagħha bhala belt kapitali, iħeġġeġ ir-riġenerazzjoni ekonomika u jtejjeb l-ambjent urban. Ġew identifikati tlett lokalitajiet għall-iżvilupp mill-ġdid: Bieb il-Belt u Pjazza Ħelsien; is-sit tat-Teatru ta’ l-Opra; Forti Sant'Iermu u l-Evans Buildings.
Policy partikolari li mistennija tgħin fir-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta u l-Floriana hija dik li tittratta l-iżvilupp ta' uffiċini. Uffiċini jistgħu jinfetħu jekk ikunu parti minn ministeru jew dipartiment tal-Gvern jew biex ikunu l-uffiċċju nazzjonali ta’ xi entità filantropika. Għal uffiċini oħra, dawn jistgħu jsiru kemm-il-darba l-uffiċini jkunu proposti li jsiru f’bini li jkun skedat jew li jimmerita li jkun skedat u dan il-bini jiġi rijabilitat u konservat.
Barra minn dan fiz-zoni residenzjali jista’ jingħata permess lil uffiċini iżda dawn ma jistgħux jokkupaw fond li jkun ikbar minn 50m2. Permess għal uffiċini ikbar jingħata biss jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu kollha sodisfatti-
- l-uffiċċju jkun propost li jsir fi blokk ta’ appartamenti ta’ żewġ jew iktar units residenzjali li m’humiex okkupati jew huma parzjalment okkupati (l-applikant irid jipprova dan), u
- b’mod kumulattiv l-ispazju ta’ l-uffiċċju ma jieħux iktar minn 50% tal-floorspace kollu tal-blokk ta’ appartamenti fejn il-blokk jikkonsisti f’żewġ units residenzjali u ma jieħux iktar minn terz tal-floorspace tal-blokk ta’ appartamenti meta hemm iktar minn żewġ units residenzjali, u
- preferibilment l-uffiċċju jkollu aċċess separat mill-units residenzjali.
Bħala kondizzjoni oħra biex jingħata permess għal spazju ta’ uffiċini li jkunu ikbar minn 50m2, l-applikant jintalab, fejn iċ-ċirkostanzi japplikaw, li
- jagħmel il-bini kollu strutturalment sod,
- jagħmel il-bini kollu aċċessibbli (preferibilment billi jipprovdi lifts, anke jekk dan ifisser nuqqas ta’ spazju għall-uffiċċini) u
- jpoġġi fuq is-suq unit vojt għal skop residenzjali.
Għall-Floriana inpartikolari, il-Pjan jaħseb biex minbarra li jsostni l-karattru residenzjali, iżomm u jtejjeb l-ispazji miftuħa u jsebbaħ l-ambjent ġenerali. Fost il-miżuri proposti għall-Floriana hemm proġett ta' żvilupp residenzjali fl-inħawi tal-Balzunetta (Housing Improvement Action Area), titjib fl-immaniġġar tat-traffiku u fl-inħawi tal-moll f'Sa Maison, Heritage Trail madwar is-swar, u s-sistema tal-Park and Ride.
Fejn Ta' Ċeppuna fil-Marsa il-Pjan Lokali qed jipproponi 'Marsa Park' fejn jkun jista' jsir żvilupp ta' uffiċini, showrooms, industriji żgħar u mħażen, apparti minn proġett ta' landscaping u post ta’ rikreazzjoni għall-pubbliku. Il-Pjan Lokali iqis il-bżonn ta' titjib fl-ambjent residenzjali u anki jipproponi l-bini ta' djar għall-anzjani f'Tas-Samra. Fost il-policies għall-Marsa hemm ukoll waħda li taħseb għar-riżenerazzjoni ta' l-inħawi tal-Menqa u ta' Albert Town.
Policies simili qegħdin jiġu applikati f'Kordin fejn jeżistu opportunitajiet għall-iżvilupp ta' park industrijali u żoni għall-industriji żgħar jew ta' daqs medju. Il-Pjan Lokali jaħseb ukoll għall-protezzjoni tal-fortifikazzjonijiet u għal titjib fil-faċilitajiet ta’ max-xatt.
Għat-Tlett Ibliet tal-Birgu, Bormla u l-Isla il-Pjan jaħseb biex itejjeb l-ambjent urban ta' dawn il-postijiet waqt li jagħti attenzjoni partikolari għall-wirt storiku li jinsab f'dawn l-inħawi fortifikati. Fost il-proposti li hemm fil-pjan wieħed isib faċilitajiet għall-isports u r-rikreazzjoni f'Bormla, faċilitajiet edukattivi fil-Verdala, faċilitajiet sportivi fl-Isla, ir-restawr u l-użu mill-ġdid ta' Forti Sant' Anġlu bħala ċentru turistiku u kulturali u proġett li jaħseb għat-tiġdid tax-xatt tal-Kalkara.
Fil-Kalkara tneħħew 12,000m2 miz-żona ta’ żvilupp biex ikun salvat il-Wied tal-Kalkara. Il-Pjan Lokali jsemmi wkoll ċentru ta' rikreazzjoni fir-Rinella, l-użu ta' l-isptar ta' Bighi għal skopijiet ta' edukazzjoni u riċerka, l-iżvilupp turistiku ta' Forti Rikasoli u siti għall-industriji żgħar, fost inizjattivi oħra.
Permezz tal-policies tal-Pjan Lokali għall-Port il-Kbir il-Gvern qed joffri qafas strateġiku għall-iżvilupp ta' l-użu ta' l-art fl-inħawi ta' madwar il-Port il-Kbir.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN