Left arrow Go Back

Aktar minn Lm6 miljun f’għajnuna lis-settur tal-majjal

PR535
Date Icon 23/04/2002

B’riferenza għal rapporti li dehru fl-istampa lokali dwar is-settur tal-majjal f’pajjiżna, fid-dawl tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-Ministeru ta’ l-Agrikoltura u Sajd jixtieq jirrimarka li fit-tliet snin u nofs li fihom se jitneħħew - b’mod gradwali - il-levies fis-settur tal-majjal, se tingħata għajnuna finanzjarja ta’ ’l fuq minn sitt miljun liri Maltin.

L-għajnuna, marbuta mat-tneħħija tal-levies, titkompla sas-sena 2013. Dan minbarra l-għajnuna ta’ natura permanenti minn fondi marbuta mal-Pjan ta’ Żvilupp Rurali għall-Gżejjer Maltin, skond il-Politika Agrikola ta’ l-Unjoni Ewropea. L-ewwel Pjan ta’ Żvilupp Rurali se jibda jitwettaq mis-sena 2003.

Din l-għajnuna se tissarraf f’roħs tal-prodott tal-majjal, għajnuna lir-raħħala biex jagmlu t-tisħiħ meħtieġ, kif ukoll se jingħataw fondi lill-proċessuri biex itejbu l-operat tagħhom.

Kif tħabbar f’dawn l-aħħar jiem, mill-1 ta’ Lulju ta’ din is-sena, il-prezz tal-majjal mill-biċċerija se jorħos b’seba’ ċenteżmi kull kilo, kemm dak li jkun se jinbiegħ bħala frisk, kif ukoll dak li jinxtara mill-proċessuri. Minbarra dan, ir-raħħala se jingħataw centezmu fuq kull kilo, biex ikunu jistgħu jagħmlu dak li hu meħtieġ biex titjieb l-effiċjenza fl-irziezet tagħhom, filwaqt li l-proċessuri se jkunu jistgħu jibbenifikaw minn fond ta’ madwar Lm75,000 li se jgħinhom fit-tibdil meħtieġ.

Mis-sena 2003 sas-sena 2005, is-sussidju se jkun ta’ 18c5 kull kilo, li minnhom 8c kull kilo se jkun roħs fil-prezz tal-laħam tal-majjal, jiġifieri mis-sena d-dieħla, l-prezz se jorħos bi 15-il ċenteżmu kull kilo. Ir-raħħala se jingħataw ukoll żewġ ċenteżmi kull kilo - li jissarrfu f’madwar Lm700,000 - fuq perjodu ta’ tliet snin, mill-2003 sa l-2005, u l-proċessuri se jkunu meghjuna b’madwar Lm450,000 fuq l-istess perijodu. Fl-istess perjodu, il-proċessuri lokali se jibdew jixtru l-prodott primarju tagħhom fuq l-istess livelli tal-proċessuri Ewropej u b’hekk se jkunu jistgħu jikkompetu mal-prodott li jista’ jiġi mpurtat.

Fir-rigward tal-proċessuri, il-Ministeru jfakkar li fl-aħħar ġimgħat, inkariga espert, li wara li spezzjona kull proċessur lokali, tfassal pjan fuq bażi individwali. Dawn il-pjani jindikaw it-tibdil li hemm bżonn biex jittejjeb l-operat ta’ kull wieħed minn dawn l-impjanti. Biex dan it-tibdil iseħħ, il-Gvern se jghin finanzjarjament lil kull proċessur.

Sadanittant, fost diversi laqgħat li kellu l-Ministeru, kemm mal-FOI kif ukoll mal-proċessuri nfushom, intwera interess qawwi biex qabel Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, il-Gvern jinnegozja biex prodotti lokali jkunu jistgħu jiġu esportati fl-UE. Għal dan l-iskop, l-FOI identifikat lista ta’ prodotti (inkluż majjal proċessat) li l-istess organizzazzjoni temmen li hemm suq għalihom fl-UE. Dan jista’ jsir qabel id-data tas-sħubija fl-UE.

Fil-jiem li ġejjin se jsiru laqgħat bejn uffiċjali tal-Ministeru ta’ l-Agrikoltura u Sajd u dawk tal-Kummissjoni Ewropea fejn se jkunu diskussi dawn it-talbiet.

Il-Ministeru jisħaq ukoll li l-pakkett ta’ għajnuna marbut mat-tneħħija tal-levies hu biss parti minn programm ta’ għajnuna għas-settur agrikolu u dak agro-industrijali. Għajnuniet oħra se jiġu mill-Pjan ta’ Żvilupp Rurali li qed jitħejja b’konsultazzjoni sħiħa ma’ kull minn hu nvolut fis-settur. Fost miżuri li qed ikunu proposti hemm fost l-oħrajn, marketing u pproċessar ta’ prodotti lokali, immodernizzar tar-rziezet, miżuri biex insebbħu l-ambjent rurali. Minn dan il-programm se jkun hemm fondi addizzjonali li se jkomplu jgħinu fit-tisħiħ meħtieġ.

Fis-sena 2003 Malta se tibbenefika minn fondi ta’ l-UE biex jibda jitwettaq il-Pjan ta’ Żvilupp Rurali. B’dawn il-fondi se jkunu finanzjati ukoll studji biex jinstabu swieq ġodda u biex issir analiżi ta’ l-operat ta’ proċessuri biex il-prodott Malti jsir aktar kompetittiv fis-swieq barranin.

Il-Ministeru jsostni li la l-Gvern u lanqas l-UE ma jridu li l-industrija tal-majjal tinqered u dan qed jintwera bil-fatti; għax filwaqt li l-protezzjoni se tibda titneħħa gradwalment, se jibda jingħata sussidju sostanzjali, kif ukoll għajnuna oħra skond il-pjan rurali biex l-agrikoltura ta’ pajjiżna tissaħħaħ u tikkompeti għall-benefiċċju kemm tal-raħħala, tal-proċessuri, u tal-konsumaturi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow