STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-INFRASTRUTTURA DWAR TITJIB FIS-SISTEMA TAD-DRENAĠĠ F’BIRŻEBBUĠA
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jixtieq jirreferi għal stqarrija maħruġa mill-Kunsill Lokali B’Buġia dwar is-sistema tad-drenaġġ fil-lokalità. Il-Ministeru irid ifakkar li f’Wied Żnuber kien inbena ħafna snin ilu impjant biex isaffi d-drenaġġ ta’ l-inħawi li ma ħadem qatt għax twieled zopp.
Il-kwistjoni tad-drenaġġ li nieżel f’Wied Żnuber tqajjmet dan l-aħħar minn NGO’s u residenti ta’ l-inħawi. Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura talab lit-Taqsima li qed tmexxi s-Sewage Masterplan biex tittratta din il-problema b’urġenza u flok tħalliha għal tliet snin oħra, kif hemm fil-pjan, issolviha din is-sena. Peress li l-impjant għat-tisfija tad-drenaġġ li kien inbena bl-ebda mod ma jista’ jitħaddem minħabba n-nuqqasijiet serji li fih, ġie deċiż li s-sistema taż-żona industrijali f’Ħal Far titqabbad mas-sistema ta’ Birżebbuġa permezz tal-bini ta’ main li jgħaqqad iż-żewġ sistemi. Dan il-main hu wieħed twil tliet kilometri. Biex ma titgħabbiex is-sistema ta’ Birzebbuġa, anzi biex din is-sistema jsirilha l-upgrading meħtieġ, il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ħa ħsieb ukoll li jibdel ir-rising main bejn B’Buġia u Bir id-Deheb. Darba dan jinbidel is-sistema tad-drenaġġ f’Birżebbuġa tkun f’qagħda li tiflaħ ma’ l-iskart likwidu kollu mitfugħ fiha.
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qed jaħseb li r-rising main il-ġdid ikun f’postu f’Jannar 2003 u s-sistema ta’ Ħal Far titqabbad mas-sistema ‘upgraded’ ta’ Birżebbuġia fi Frar 2003. B’hekk fl-ebda ħin is-sistema ta’ B’Buġia ma tkun mgħobbija minn dik ta’ Ħal Far.
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jixtieq ifakkar li kienet din l-amministrazzjoni li għamlet l-upgrading kollu meħtieġ lis-sistema tad-drenaġġ f’Birżebbuġia biex waqqfet milli d-drenaġġ jisbokka fil-baħar kif kien jiġri qabel l-1990. Dan sar permezz ta’ investiment qawwi f’mains ġodda u fil-pumping stations.
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jixtieq jagħmilha ċara li ebda theddid ta’ konnotazzjoni politika mill-Kunsill Lokali Birżebbuġia m’hu se jwaqqfu milli jkompli jaħdem biex itejjeb l-ambjent fiżiku f’Birżebbuġia kif diġà għamel bl-upgrading tas-sistema tad-drenaġġ, bit-tisbiħ tal-promenade mill-bajja ta’ San Ġorġ sal-Bajja s-Sabiħa, bil-bini ta’ żewġ car parks, ta’ bypass quddiem Għar Dalam, ta’ bini ta’ Public Convenience ġdida, tat-tindif ta’ l-inħawi f’Bengħajsa u Għar Ħasan.
Għal Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura l-ġid tar-residenti ta’ Birżebbuġia jiġi qabel kull interess ieħor.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN