STRATEĠIJA BIEX JITĦARES IL-WIRT STORIKU TA' PAJJIŻNA
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, Francis Zammit Dimech qal li fl-1988 twaqqaf il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta u kienu vvutati l-ewwel fondi għar-riabilitazzjoni u restawr ta' bini storiku fil-kapitali ta' pajjiżna. Il-Ministru qal dan meta kien qed jakkumpanja lill-E.T. il-President ta' Malta, Guido de Marco li kien qed jaghmel zjara fil-Kappella tal-Madonna tad-Duluri, fil-Pieta'.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li permezz ta' dawn il-fondi, li baqgħu jiġu vvutati minn sena għal oħra, sar xogħol ta' restawr fil-Kon Kattidral ta' San Ġwann, fil-Palazz tal-President fejn għadha qed issir ħidma kbira biex ikunu restawrati l-affreski ta' D'Aleccio, fid-diversi knejjes tal-Belt, f'Bereġ, palazzi u niċeċ.
Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt twessa biex jilħaq ukoll il-Floriana, filwaqt li twaqqfu Proġetti oħra ta' Riabilitazzjoni ghall-Imdina u l-Kottonera. Permezz ta' dawn it-tliet proġetti ta' riabiltazzjoni, ħafna bini storiku u fortifikazzjonijiet ingħataw il-ħajja mill-gdid u qed ikunu apprezzati mill-Maltin u l-barranin.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li f'dawn l-aħħar snin twaqqaf ukoll Unit għar-Restawr fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Dan il-Unit qed iwettaq ħidma ta' restawr ma' Malta kollha u bħall-proġetti ta' riabilitazzjoni, għandu wkoll il-vot tiegħu. Hu qal li bejniethom dawn iż-żewg taqsimiet qed jingħataw aktar minn miljun lira fis-sena biex jirrestawraw u jirriabilitaw bini storiku f'pajjiżna, li sofra ħsara matul is-snin, għaliex ma saritlux il-manutenzjoni meħtieġa.
Francis Zammit Dimech fakkar li f'dawn l-aħħar snin il-Gvern beda jdaħħal il-kunċett li fi proġetti kapitali li jkopru bini storiku l-iżviluppatur qed issirlu kundizzjoni li jrid jirrestawra dan il-bini storiku. Qal li dakinhar stess, kien żar il-proġett ta' Manoel Island u l-Ponta ta' Tigne'. Hu fakkar li f'dawn iż-żewġ siti hemm il-Forti Manoel, li hu ġojjel ta' arkitettura u storja ta' żmien il-Kavallieri ta' San Ġwann, filwaqt li fil-Ponta ta' Tigne' hemm il-Forti Tigne' li nbena fi żmien l-Ingliżi. Dawn iż-żewġ siti storiċi se jkunu restawrati mill-konsorzju MIDI. Qal li fil-Forti Manoel qed jitwettaq proġett ta' restawr li se jiswa Lm2.5 miljun, li hu investiment importanti fil-wirt storiku ta' pajjiżna.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li f'żewġ proġetti oħra li bdew jitwettqu f'dawn l-aħħar xhur, dak tal-Kottonera u l-Cruise Passenger Terminal ukoll hemm bini storiku li se jkun restawrat. Qal li bħala parti mill-proġett tal-Kottonera kien restawrat il-Palazz tal-Kaptan tax-Xwieni, li llum inbidel fil-Casinò di Venezia. Qal li r-restawr ta' dan il-palazz sewa lill-kumpannija Port Cottonera Ltd Lm1.5 miljun, filwaqt li l-Casinò di Venezia investew Lm3 miljun oħra. Diversi palazzi oħra fl-inħawi ta' dan il-proġett se jkunu wkoll restawrati u jingħataw użu biex ikunu jistgħu jinżammu fi stat ajjeb.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-konsorzju VISET li kien qed iwettaq il-proġett tal-Cruise Passenger Terminal u tas-Sea Passenger Terminal ukoll kellu programm vast ta' restawr ta' l-Imħażen ta' Pinto u Forni, u tal-Power Station il-qadima.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li xogħol ieħor ta' restawr kien qed isir minn kumpaniji privati li ħassew li għandhom ukoll jagħtu sehemhom biex inħarsu l-patrimonju storiku ta' pajjiżna. Hemm ukoll l-għaqdiet volontarji bhal 'Din l-Art Helwa' u l-Fondazzjoni 'Wirt Artna', li wkoll qed jagħtu sehem importanti ħafna biex jitħares il-wirt storiku ta' pajjiżna. Hu qal li permezz ta' din l-istrateġija qed ikun imħares il-wirt storiku ta' pajjiżna li hu wieħed vast ħafna u li jeħtieġ investiment qawwi u kontinwu.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li xi żmien ilu kien avvicċinat mill-Kunsill Lokali Pieta' li wrew ix-xewqa li l-Gvern jgħinhom fir-restawr tal-kappella tal-Madonna tad-Duluri. Hu qal li anke jekk bħalissa r-rizorsi tal-Unit għar-Restawr huma mġebbda fuq medda ta' aktar minn 50 proġett, ħass li l-Gvern kellu jagħti l-kontribut tiegħu biex din il-kappella terġa' tingħata l-ħajja billi jsirulha t-tiswijiet li hemm bżonn.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li f'dan il-proġett ta' restawr, li jiswa madwar Lm10,000, se jsir xogħol fuq barra u fuq ġewwa tal-kappella. Fuq barra se jsir xogħol biex jitwaqqaf ilma milli jidħol fil-kappella, se jinbena gandott fuq wara tal-kappella biex jissepara l-ħamrija mill-ħajt, se jsir waterproofing tal-bejt, tindif u tikħil tal-faċċata. Fuq ġewwa, il-ħitan se jitnaddfu, se jsir test għall-kontenut ta' l-umdita' fil-ħitan li se jitkaħħlu u jsirilhom dak kollu meħtieġ biex jigu riabilitati.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura rringrazzja lill-President ta' Malta Guido de Marco ta' l-interess li jieħu fil-wirt storiku ta' pajjiżna. Fakkar li jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed nistgħu nsalvaw dak kollu li ħallewlna missierijietna, biex inħalluh aħjar lil min għad irid jiġi warajna. Il-Gvern flimkien ma' l-għaqdiet volontarji qed jagħtu sehemhom biex jitħares il-wirt storiku ta' pajjiżna. Hu appella lill-pubbliku biex ikun kburi b'dak li għandna u biex ma jippermetti lil ħadd jagħmel atti ta' vandaliżmu u ħsara lil dan il-patrimonju li jmur lura 7,000 sena.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN