Left arrow Go Back

DISKORS TA’ L-ONOR. AUSTIN GATT, MINISTRU GĦALL-ĠUSTIZZJA U GVERN LOKALI, FL-OKKAŻJONI TA’ L-GĦOTI TAL-ĠURAMENT TAL-ĦATRA LILL-KUNSILLIERA LOKALI - SALA TA’ L-AMBAXXATURI, BERĠA TA’ KASTILJA, VALLETTA – 21 MARZU, 2002

PR365
Date Icon 21/03/2002

Sinjuri Kunsilliera,

Filwaqt li fostkom hawn min tliet snin ilu kien f’din is-sala u quddiem il-Liġi ta’ pajjiżna wiegħed li jaqdi lill-ġirien tiegħu bl-aħjar mod possibli u fil-limiti ta’ l-istess ligi, hemm oħrajn li llum bdew avventura ġdida. Għaldaqstant, il-jum ta’ llum huwa jum ta’ sinjifikat kbir.

Meta konna qed innisslu l-idea ta’ Gvern Lokali fis-sistema li issa ilna nħaddmu dawn is-snin, kienet tissemma’ l-biża li ma konniex se nsibu min jidħol għal dan ix-xogħol iebes li m’għandu ebda ħlas ħlief l-iskrutinju tal-ġirien u, meta l-affarijiet imorru tajjeb, is-sodisfazzjon li tajt kontribut. Dik il-biża kienet għalxejn.

Wieħed mill-ewwel werrejja tas-suċċess tal-Gvern Lokali, hu l-kandidati u l-Kunsilliera li juru li lesti jidħlu għal dan ix-xogħol.

Meta bdew il-Kunsilli, lkoll ittamajna li l-ibliet u l-irħula tagħna jisbieħu u jitnaddfu. Fil-parti l-kbira, it-telqa u t-traskuraġni ċedew posthom għal ambjent aħjar fejn ngħixu. Kull Kunsill elett irid jkompli jsawwar l-ibliet u l-irħula tagħna fuq it-tajjeb li għamel ta’ qablu. Ikun ħażin jekk Kunsill jitraskura xi ġnien jew xi spazju pubbliku sempliciment għax għamlu ta’ qablu.

Ilkoll kemm intom ġejtu eletti bi programm t’impenji li għamiltu ma’ l-elettorat li ħatarkom. Jinftiehem għallhekk li l-prijoritajiet u l-aġenda tal-Kunsill joqogħdu għal dawn l-impenji li għamiltu. Kull wieħed u waħda minnkom tridu żżommu quddiem għajnejkom li l-pajjiż fdalkom f’idejkom għadd ta’ responsabiltajiet u funzjonijiet u li għallhekk dawn iridu jitwettqu, u f’kull każ jitwettqu tajjeb.

Ir-responsabiltajiet tal-Kunsilli Lokali huma varji. Bdejna bl-ambjent u bil-ġbir ta’ l-iskart. Komplejna biż-żamma u l-kisi tat-toroq u bil-bankini; biż-żamma tal-ġonna u spazju pubbliċi biż-żamma ta’ playing fields u spazji għar-rikreazzjoni u l-mistrieħ imbagħad il-Kunsilli bdew jinfurzaw xi liġijiet fil-konfini tagħhom biex dawk ir-residenti li jobdu l-liġi jkunu protetti minn dawk li jiksruha. Qed ngħaddu lill-Kunsilli libreriji, u partijiet mill-wirt storiku li għamlu wisq żmien minsija u mitluqa. Bdejna l-proċess tad-devoluzzjoni tar-responsabilta taż-żamma u t-tiswija tad-dwal tat-toroq.

Aspett ieħor tas-suċċess tal-Kunsilli Lokali huwa l-fatt li mingħajr dubju l-Kunsilli Lokali raddew identita lil-lokalitajiet fejn ngħixu. Dan kollu jixhed li llum il-Kunsilli Lokali saru parti mil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Il-pass li jmiss issa hu li nistaqsu kif flimkien nistgħu nikkoperaw f’oqsma fejn l-għaqda hi aħjar mill-individwalita. It-triq diġa nbdiet f’żewġ oqsma. Iżda nemmen li dan l-esperiment jeħtieġ jissaħħaħ.

Ilkoll naqblu li rridu li l-pubbliku jinqeda aħjar. Il-Gvern għaddej b’politika li permezz tagħha jrid li jibdel l-mod kif jinqeda l-pubbliku biex verament jibda jigi l-ewwel.

Ftit jiem ilu nidejna politika li għandha żżewweġ il-viżjoni tal-Gvern għall-futur ma' l-aspirazzjonijiet tagħkom ta' Kunsilliera Lokali. B’din il-politika rridu nużaw il-ftit riżorsi li għandna biex nutiliżżawhom bl-aktar mod tajjeb għal-ġid tal-poplu tagħna.

Il-viżjoni li għandu l-Gvern hija li minn pajjiżna nagħmlu soċjeta tal-informazzjoni u l-kommunikazzjoni ta’l-ogħla livell. Inħossu li l-Kunsilli Lokali għandhom rwol importanti x’ jaqdu f’dan ir-rigward. Il-Gvern qed jaħdem biex jaħsad dak li nżera fl-imgħoddi f’dan il-qasam, u jutiliżżah halli l-poplu jkollu servizz ta’l-ogħla livell.

L-eGovernment, pilastru ewlieni fir-rivoluzzjoni li qed nagħmlu, għandu jwassal għat-tiġdid li għandna bżonn biex inwelldu mill-ġdid l-istrutturi ta’ kif naqdu lill-pubbliku.

Il-Gvern Elettroniku m’hux proġett tal-Gvern ċentrali waħdu. Kullħadd jiġifieri, l-organizazzjonijiet u l-aġenziji tas-settur pubbliku, il-Gvern lokali u s-settur privat kollha għandhom rwol kruċjali. Il-Gvern Elettroniku jkun biss implimentat b’suċċess, jekk ikun hemm koperazzjoni bejn dawk kollha nteressati li taħdem u li tibqa’.

M’hemmx dubju li sieħeb ewlieni f’dan il-proċess huwa intom, il-Kunsilli Lokali.

Il-Gvern Elettroniku jrid jilħaq kull dar, kull skola, kull negozju u kull ċentru tal-kommunità. M’hemmx alleat aktar b’saħħtu, biex jirnexxielna nagħmlu dan, mill-Kunsill Lokali li qiegħed fil-qalba ta’ kull belt u raħal ta’ Malta u Għawdex. Dan kollu jagħmel aktar sens meta tqis li l-Kunsilli Lokali stess jipprovdu servizzi tal-Gvern fil-kommunità u b’hekk ir-resident jkun iktar komdu u jinqeda mill-lokalita tiegħu.

Dan kollu għandu jkompli jagħmel il-Kunsilli Lokali ħolqa mportanti fil-ħajja tar-residenti tl-lokalitajiet li tirrapreżentaw. Huwa mportanti li fit-twettieq tad-dmirijietkom tpoġġu dejjem qabel kollox l-interessi tar-residenti. Il-Gvern ħoloq lill-Kunsilli biex id-deċiżjonijiet li jolqtu lir-residenti jittieħdu minn min huwa l-eqreb tar-residenti. Il-Gvern għax jafda lill-Kunsilli Lokali pprovda l-għodda biex inkunu nistgħu naqdu l-ħtiġijiet tar-residenti.

Persważ li intom li taraw minn tant qrib il-bżonnijiet tal-kommunitajiet tagħkom għandkom entużjażmu daqsna fix-xewqa li naqdu aħjar lill-Maltin u l-Għawdxin.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow