IT-TERMINALS U L-MOLLIJIET TAL-BELT JITMEXXEW MILL-KONSORZJU VISET
Dalghodu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, Dr. Francis Zammit Dimech ghamel zjara fix-Xatt ta' Pinto, biex jara x-xoghol li qed isir mill-Konsorzju VISET, sabiex dan ix-Xatt jinbidel fi Cruise Liner Passenger Terminal.
Fi tmien din iz-zjara l-Ministru qal li mill-1 ta' Marzu ta' din is-sena l-immaniġġjar tal-Cruise Liner Passenger Terminal, tas-Sea Passenger Terminal u tal-mollijiet għadda f'idejn il-konsorzju VISET Malta. Għalhekk mill-1 ta' Marzu, il-kumpanija VISET hi responsabbli għat-tmexxija regolari tat-terminal u għall-arranġamenti biex jorbtu mal-mollijiet. Hu qal li l-Kumpannija VISET bħalissa qed twettaq eżercizzju biex ittejjeb il-faċilitajiet bħala preparazzjoni għall-istagun tal-ġiti fuq il-baħar, li jibda f'April u jkompli sejjer tul ix-xhur tas-sajf sa Novembru.
Francis Zammit Dimech qal li x-xogħol fuq il-proġett tal-Cruise Liner Passenger Terminal jinsab miexi kif ippjanat. Fakkar li bħala parti mill-ftehim li ntlaħaq bejn il-Gvern u l-kumpanija VISET, il-Gvern assigura li ebda wieħed mis-sidien privati ta' proprjeta' fis-sit fejn se jinbena dan il-proġett ma jintlaqat b'mod negattiv mill-iżvilupp u għalhekk wasal biex jinnegozja ftehim mal-VISET li permezz tiegħu s-sidien privati li għandhom bini fis-sit li qed ikun żviluppat, jingħataw akkomodazzjoni alternattiva ftit metri 'il bogħod mill-proprjeta' li għandhom illum. Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-bini ta' tliet sulari għal dawn is-sidien beda jinbena mill-VISET f'Diċembru 2001 quddiem it-terminal eżistenti u mistenni jitlesta aktar tard din is-sena.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura tkellem ukoll dwar l-ewwel fazi ta' l-iżvilupp. Hu qal li l-kumpannija VISET kienet issottomettiet full development application biex ikunu riabilitati l-Imħażen ta' Pinto u Forni, li nbnew fis-Seklu 18. Dan ix-xogħol kien jinkludi l-bini mill-ġdid ta' parti mill-faċċata li twaqqgħet fit-Tieni Gwerra Dinjija. Ix-xogħol mistenni jibda darba jinħargu l-permessi għall-iżvilupp.
L-ewwel fażi tinkludi wkoll il-bini ta' triq ġdida li tgħaqqad il-Marsa mal-Belt Valletta u li se tgħaddi minn wara l-Imħażen ta' Pinto u Forni, bejn l-imħażen u s-swar. Din se tieħu post it-triq eżistenti li se tifforma parti mill-iżvilupp. Din il-parti tal-proġett għandha tieħu 12-il xahar biex titlesta u għalhekk it-triq il-ġdida u l-bini għandhom ikunu jiffunzjonaw madwar Settembru 2003.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li skond il-ftehim milħuq bejn il-Gvern u l-kumpannija VISET, il-kumpannija trid tibni blokk ta' uffiċini kif ukoll faċilitajiet ta' parking għall-Awtorita' Marittima ta' Malta. F'dan il-blokk, minbarra l-Awtorita' Marittima, se jkunu akkomodati uffiċji marbuta mal-ħidma fil-port u l-uffiċji tar-REMPEC. Diga' fil-fatt inħareġ l-outline development permit għal dan il-bini u kien mistenni li full development application tkun sottomessa lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar sa l-aħħar ta' dan ix-xahar. Hu qal li l-bini ta' dan il-blokk se jkun fis-sit ta' l-ex Gas Works fil-Marsa. Il-kumpannija VISET fi Frar li għadda wettqet l-investigazzjonijiet meħtieġa dwar l-art fejn se jinbena dan il-blokk. Il-bini tal-blokk mistenni jibda f'Settembru li ġej.
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura wettaq xogħol biex jipprovdi akkomodazzjoni temporanja għall-piloti u l-irmiġġaturi li ried jistabilhom post alternattiv biex tkun tista' tinbena t-triq il-ġdida bejn il-Marsa u l-Belt Valletta. Hu qal li kien ġie riabilitat wieħed mill-imħażen ta' Pinto taħt l-uffiċċji preżenti ta' l-Awtorita' Marittima.
Francis Zammit Dimech fakkar li l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u l-kumpannija VISET qed ikollhom laqgħat ta' l-isteering committee immexxija minnu u laqgħat tal-kumitat tekniku, immexxija mid-Direttur Ġenerali tat-Taqsima tax-Xogħlijiet. Hu qal li dawn il-laqgħat kienu jiżguraw mhux biss li l-provedimenti tal-kuntratt ikunu monitorjati mill-qrib miż-żewġ naħat u li l-obligazzjonijiet tal-kuntratt ikunu nfurzati, iżda wkoll li diffikultajiet li jinqalgħu jkunu riżolti immedjatament u b'hekk jinżamm il-programm ta' l-iżvilupp kif ippjanat.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li darba jitlesta dan il-proġett se jibdel ix-xatt tal-Belt, li għal bosta snin kien abbandunat u f'telqa li għamlet ħsara lill-bini storiku, f'wieħed mill-isbaħ ċentri għall-cruise liners fid-dinja. Francis Zammit Dimech qal li l-Cruise Liner Passenger Terminal, s-Sea Passenger Terminal u l-Proġett tal-Kottonera se jagħtu ħajja ġdida lill-Port il-Kbir li hu wieħed fost l-isbaħ portijiet naturali fid-dinja.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN