Left arrow Go Back

Laqgħa f’Malta tal-Bordijiet tal-Commonwealth ta’ l-Eżamijiet - ACEAB

PR347
Date Icon 18/03/2002

Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni flimkien ma’ l-Universita’ ta’ Malta qed jilqgħu t-tieni konferenza ta’ l-Association of Commonwealth Examination and Accreditation Bodies (ACEAB) li ssir darba kull sentejn. Din it-tieni konferenza qed issir f’Malta bejn illum 18 ta’ Marzu, sat-22 ta’ Marzu.

L-ACEAB twaqqfet fl-1998 bil-għan ewlieni li tipprovdi forum għal tpartit ta’ tagħrif u opinjonijiet dwar l-eżamijiet u l-akkreditazzjoni. Il-Bord Malti ta’ l-Eżamijiet, il-Matsec, kien membru fundatur ta’ din l-assoċjazzjoni. Mas-sittin delegat barrani minn pajjiżi differenti u numru ekwivalenti ta’ parteċipanti Maltin qed jattendu din il-konferenza li qed issir fl-Lukanda ewlenija f’San Ġiljan.

Fl-ewwel jumejn, il-konferenza se tiddiskuti perspettivi ġodda fuq il-problemi ta’ kwalita’, ekwita’ u ġustizzja fl-assessjar, minħabba li aktar studenti qed jersqu għaċ-ċertifikazzjoni tal-kapaċitajiet u tal-ħiliet tagħhom. It-tieni tema tal-konferenza għandha x’taqsam ma’ l-assessjar fil-klassi u kif l-għalliema u l-istudenti jistgħu jagħmlu assessment validu tax-xogħol imwettaq meta dawk li jkunu qegħdin jitgħallmu jkunu għadhom qegħdin jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jakkwistaw għerf ġdid. Din ix-xorta ta’ assessjar qiegħda kulma tmur issir aktar importanti minħabba li l-edukaturi qed jintebħu li l-eżamijiet miktuba jistgħu biss jassessjaw medda limitata ta’ ħiliet. Biex jittrattaw dawn is-suġġetti fundamentali għal kull sistema ta’ assessjar, se jiġu ppreżentati bosta studji mill-Awstralja, mill-Cameroon, New Zealand, l-Afrika t’Isfel, Tajwan, l-Ingilterra, minn Zambja u minn Malta.

Il-konferenza qed issir fi żmien tajjeb għal Malta għax bħalissa qegħdin fil-proċess li nfasslu strateġiji biex nimplimentaw il-Kurrikulu Nazzjonali l-ġdid għat-tfal ta’ bejn il-ħames snin u s-sittax-il sena. Element importanti fil-kurrikulu l-ġdid huwa l-enfasi li qed jingħata fuq xejriet ġodda ta’ assessjar. Il-kurrikulu jissuġġerixxi aktar użu ta’ assessjar formattiv mill-istadji bikrin tal-primarja sas-sittax, jiġifieri tul l-edukazzjoni obbligatorja. Fattur innovattiv huwa l-għaqda ta’ l-assessjar formattiv u dak summattiv sabiex ikun hemm aktar assessjar ħolistiku ta’ l-istudenti individwali.

Xi wħud minn dawn il-problemi jista’ jkun li diġa’ ġew solvuti f’xi nħawi tal-Commonwealth, imma xi pajjiżi għadhom jissarraw ma’ l-isfidi tax-xejriet il-ġodda ta’ l-assessjar. Din il-konferenza għalhekk tipprovdi opportunita’ eċċellenti għall-partiċipanti kollha, u b’mod partikulari għall-partiċipanti Maltin, sabiex jitgħallmu mill-esperjenzi ta’ pajjiżi oħra.

Waqt il-ftuħ tal-Konferenza, il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea qal li issa aktar minn qatt qabel qed nitkellmu dwar l-importanza ta' metodi differenti ta' assessjar bħal ma hu l-assessjar formattiv u ħolistiku biex naraw x'jafu l-istudenti minflok dak li ma jafux. Il-Ministru qal li l-assessjar summattiv jew dak permezz ta' eżamijiet m'għandhux storja twila ħafna għaliex qabel ma kien hawn l-eżamijiet formali kien hawn metodi differenti ta' assessjar inkluż l-apprendistat (fil-qasam tas-snajja) u l-portfolios (fil-qasam ta' l-arti). Il-Ministru qal li hemm wieħed mill-Focus Groups li qed jahdem fuq l-assessjar u l-użu tal-portfolios fl-iskejjel biex ikunu mplimentati l-prinċipji tal-Kurrikulu Nazzjonali f'dan il-qasam. Diġa tlesta studju dwar l-assessjar permezz tal-Portfolios intitolat "Portfolio Assessment" bl-iskop li ssir evalwazzjoni ta' l-impatt tal-portfolio u l-esperjenzi f'pajjiżi oħra. Dan l-istudju qed jitqassam lill-għalliema kollha.

Fit-tieni fażi ta' l-implimentazzjoni tal-Kurrikulu se jsir proġett pilota biex tkun evalwata s-sistema tal-portfolios, u fit-tielet fażi l-Focus Group, flimkien ma' l-iskejjel se jiddeċiedu x'forma għandhu jieħu l-Portfolio u kif dawn għandhom jidħlu fl-iskejjel u fil-klassijiet.

Il-Ministru temm billi għamel emfasi fuq l-importanza li l-metodi ta' assessjar li nużaw ma jkunux biss maħsuba biex ikejlu l-iżvilupp akkademiku iżda l-assessjar irid ikun wieħed li jkopri l-iżvilupp intellettwali, soċjali u emozzjonali tal-bniedem.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow