RAPPORT TAD-DISKORS MIS-SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU GHAS-SERVIZZI EKONOMICI L-ONOR. EDWIN VASSALLO FL-OKKAZJONI TAT-TNEDIJA TAS-SISTEMA L-ĠDIDA FIL-PROĊESS TA' APPLIKAZZJONI GHAL-LIĊENZA TAN-NEGOZJU MIT-TRADE LICENSING UNIT
· Tmien ġimgħat massimu biex tinħareġ liċenza ġdida għall-attivita' kummerċjali
· Tmien ġimgħat massimu għall-approvazzjoni taċ-Change of Use ta' attivita' kummerċjali
· Għaxart ijiem massimu biex tkun approvata applikazzjoni għat-trasferiment tal-liċenza kummerċjali
· Għaxart ijiem massimu biex tkun approvata applikazzjoni għat-trasferiment tal-liċenza f'każ ta' wirt.
· Tmien ġimgħat massimu biex tinħareġ il-liċenza ta' bejjiegħ tat-triq u tal-monti
Tmien ġimgħat massimu biex tinħareġ liċenza ġdida biex issir attivita' kummerċjali wara li tkun ġiet ivalidata l-applikazzjoni mill-Planning Authority. Dan ifisser li ser ikun possibbli li ssir applikazzjoni waħda għall-applikazzjoni tal-permess ta' żvilupp mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u għal-liċenza tan-negozju fl-istess waqt. Dan ser ifisser li kemm-il darba jinħareġ il-permess ta' żvilupp, il-liċenza tan-negozju tkun assigurata mingħajr l-ebda obbligu iehor mill-applikant u għaldaqstant ma jkollux għalfejn igħaddi mill-proċess kif inhu sal-lum.
Tmien ġimgħat massimu biex tinħareġ liċenza ġdida biex issir attivita' kummerċjali meta l-permess tal-bini jkun diġa' nħareġ.
Tmien ġimgħat massimu għall-approvazzjoni tac-Change of Use ta' attivita' kummerċjali f'każ li l-applikant ikollu l-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Fil-każijiet l-oħra kollha, meta imprenditur jixtieq jibdel il-kategorija jew it-tip tan-negozju tiegħu kif ukoll meta jżid attivitajiet oħra fin-negozju tiegħu, l-applikant għandu d-dmir li sempliċiment jinnotifika biss lit-Trade Licensing Unit
Għaxart ijiem massimu biex tkun approvata applikazzjoni għat-trasferiment tal-liċenza għal fuq persuna oħra (Change of Ownership). L-applikant għandu żmien sitt xhur mill-mewt tal-licence holder sabiex japplika
Għaxart ijiem massimu biex tkun approvata applikazzjoni għat-trasferiment tal-liċenza f'kaz ta' wirt. L-applikant għandu sitt xhur mill-mewt tal-license holder biex iressaq din it-talba. Hawnhekk tajna l-faċilita' wkoll biex min s'issa qata' qalbu għal xi raġuni jew oħra li japplika f'dan ir-rigward, qegħdin nagħtuh sitt xhur minn meta jkun ippubblikat l-avviz legali biex jaqleb il-permess minn fuq il-persuna l-mejta bl-inqas xkiel.
Tmien ġimgħat massimu biex tinħareġ il-liċenza ta' bejjiegħ tat-triq u tal-monti. Fil-każ tal-bejjiegħ tal-monti qegħdin nagħtu d-dritt għall-ewwel darba li b'mod uffiċjali jagħzlu li jkollhom bħala sostitut lil persuna oħra mill-familja tagħhom.
Il-Gvern jagħraf li ż-żmien fin-negozju jfisser spejjez għan-negozjant u għalhekk qiegħed jassigura li t-Trade Licensing Unit f'kull każ differenti ta' applikazzjoni tkun marbuta legalment bi żmien definit. Qagħdna attenti hafna wkoll li kull waħda mill-ħdax-il formola ta' applikazzjoni jkunu business friendly u jistgħu jkunu mimlija bla diffikulta' ta' xejn filwaqt li jagħtu għajnuna lil min ikun qiegħed japplika biex dan ikun jaf x'għandu bżonn bħala dokumentazzjoni oħra għal dik l-applikazzjoni partikolari.
Ħsibna li tkun okkazjoni tajba li din il-Unit iżżanżan uffiċini ġodda f'Lascaris wara proċess ta' refurbishment qawwi biex tkun tista' tagħti l-aħjar servizz. Qegħdin naraw ukoll li jingħata t-taħriġ lill-istaff sabiex titħaddem is-sistema l-ġdida bl-akbar effiċjenza. Kull individwu interessat ser ikun jista' jieħu l-informazzjoni dwar il-proċess il-ġdid mill-Small Business Unit fi ħdan id-Divizjoni tal-Kummerċ mingħajr ma joqgħod imur fit-Trade Licensing Unit.
Perswaz li din il-bidla mis-sistema kif inhi llum ser tagħmel differenza għat-tajjeb. Dan hu proċess ieħor ta' simplifikazzjoni ta' proċeduri li għandu jgħin biex jinħolqu l-aħjar ċirkostanzi li jagħmlu n-negozju jkun aktar sostenibbli.
Il-proċess ta' applikazzjoni għal-Liċenza tan-negozju mit-Trade Licensing Unit
It-Trade Licencing Unit ser ikun responsabbli mill-proċess tal-ħruġ tal-liċenzji għal 7 kategoriji ta' negozju. Dawm huma:
1)Licence Category 1 -Processing, Manufacturing and Sale of Food
Products and Beverages.
2)Licence Category 2 - Manufacturing Activities.
3) Licence Category 3 - Wholesale and Retail Trade
4)Licence Category 4 - Construction Services
5)Licence Category 5 - Professional and Business Services
6) Licence Category 6 -Social and Personal Services
7)Licence Category 7 -Activities carried out from the Street.
Kull persuna li tikkwalifika li twettaq attivita' kummerċjali f'waħda minn dawn is-siti kummerċjali hija obbligata li jkollha liċenza tan-negozju u li tapplika għaliha minn dan l-uffiċċju fejn qegħdin illum.
Ħdax-il formola ta' applikazzjoni ser ikunu disponibbli għall-pubbliku fl-uffiċini tal-Kunsilli Lokali kollha kif ukoll jekk jiġu mitluba mill-iSmall Business Unit.
Dawn il-formoli ġew magħmula bil-ħsieb li jkunu business friendly u li jistgħu jkunu mimlija bla diffikulta' ta' xejn filwaqt li jagħtu għajnuna lil min ikun qiegħed japplika biex dan ikun jaf x'għandu bżonn bħala dokumentazzjoni oħra għal dik l-applikazzjoni partikolari.
Il-formoli ta' applikazzjoni huma dawn:
Formola A:(Kap.441). Din l-applikazzjoni tingħata lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar fl-istadju li l-applikant ikun qiegħed japplika għall-permess ta' żvilupp tal-bini. B'hekk fl-istess waqt li ssir l-applikazzjoni għall-permess tal-bini, ssir l-applikazzjoni għal-liċenza tan-negozju.
L-Awtorita' ta' l-Ippjanar ser tirċievi l-applikazzjoni għal-liċenza tal-kummerċ f'isem it-Trade Licensing Unit. Kif ikun lest il-proċess ta' validazzjoni ta' l-applikazzjoni tal-permess ta' l-iżvilupp, tingħadda l-applikazzjoni lit- Trade Licensing Unit
Dan ifisser li ser ikun possibbli li ssir applikazzjoni għal-liċenza tan-negozju fl-istess waqt issir l-applikazzjoni għall-permess ta' żvilupp mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Dan ifisser ukoll li l-ebda talba għall-applikazzjoni tan-negozju ma tista' tiġi pproċessata mit- Trade Licensing Unit qabel ma dik l-applikazzjoni tal-permess ta' żvilupp ma tkunx ġiet validitata mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Avviż Legali li ser ikun ippubblikat fi ftit ġranet oħra, jobbliga lit-Trade Licensing Unit biex fi żmien tmien ġimgħat massimu, joħroġ in-notice of objection jew in-notice of no-objection għal dik l-applikazzjoni tal-liċenza tan-negozju. In-notice of no-objection f'dan il-każ isservi biex ladarba l-iżvilupp ikun sar, jissarraf fil-liċenza tan-negozju. Dan ifisser li l-applikant li jkollu n-no-objection ma jkollu l-ebda bżonn li jerġa' japplika mill-ġdid għal-liċenza tan-negozju. Filwaqt li jekk ikun hemm objection mill-uffiċċju tat Trade Licensing Unit - dan ikun ifisser li l-proċess ta' applikazzjoni għall-permess ta' żvilupp ikollu jieqaf sakemm isiru dawk l-emendi meħtieġa. Dan ser isir biex ikun assigurat li kemm-il darba jinħareġ il-permess ta' żvilupp, ikun assigurat ukoll li ser toħroġ il-liċenza tan-negozju.
FORMOLA B:Timtela biss minn dawk li diġa' għandhom liċenza tal-kummerċ u jixtiequ jaqilbu għas-sistema l-ġdida. Din il-formola ser timtela minn dawk li jridu jbiddlu l-liċenza li għandhom preżenti għas-sistema l-ġdida. Għalhekk għandha titqies bħala l-formola ta' tranżizzjoni bejn il-proċess tal-liċenzji tan-negozju kif maħruġa mill-Pulizija għal-liċenza kif maħruġa issa mit- Trade Licensing Unit bl-ordni l-ġdida tal-kategoriji tal-kummerċ li diġa' semmejt aktar kmieni.
Dan ifisser li liċenza tan-negozju bis-sistema l-ġdida tinħareġ immedjatament hekk kif tingħata lil dan l-uffiċċju l-liċenza tan-negozju l-antika kif inħarġet mill-Pulizija.
FORMOLA Ċ:Applikazzjoni għal-liċenza ġdida biex issir attivita' kummerċjali taht l-Att dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ (Kap.441) meta permess tal-bini jkun diġa' nħareġ. Din l-applikazzjoni għandha tkun il-formola li timtela minn dawk li diga' għandhom permess ta' żvilupp. F'dan il-każ il-proċess jitkompla bħal ma jsir meta tkun qed tiġi applikata liċenza tan-negozju taħt l-applikazzjoni ta' Formola A.
Dan ifisser li t-Trade Licence Unit għandha l-obbligu li fl-istess żmien ta' tmien ġimgħat joħorġu l-liċenza jew li juru li hemm rifjut tal-liċenza
FORMOLA D:Applikazzjoni għall-bidla tal-Kategorija jew żjieda ta' aktar attivitajiet kemm-il darba għandek bżonn il-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Din il-formola kif diġa' huwa indikat, ser ikun hemm bżonnha biss jekk l-imprenditur japplika għaċ-change of use mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Kemm-il darba ser issir bidla fil-ġeneru tan-negozju u mhux ser ikun hemm bżonn iċ-Change of use min-naħa ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, l-anqas m'hu ser jintalab li jsir iċ-ċhange of use mit- Trade licence Unit. F'dan il-każ kemm-il darba ser ikun hemm xi bidla f'xi kategorija jew tip ta' negozju, dan l-uffiċċju jinnotifika biss lit- Trade Licence Unit b'dik il-bidla.
F'dan il-każ it-tmien ġimgħat massimu jgħoddu wkoll għall-ħruġ tal-liċenza l-ġdida.
FORMOLA E:Applikazzjoni għat-trasferiment tal-liċenza għal fuq persuna oħra. Din l-applikazzjoni timtela meta negozju ser ikun ibiddel l-idejn. (Change of Ownership).
F'dan il-każ din l-applikazzjoni għandha għaxart ijiem massimu biex tkun ipproċessata u jsir it-trasferiment.
FORMOLA F:Applikazzjoni għal trasferiment f'każ ta' wirt. F'dan il-każ, din il-formola bħal formoli l-oħra tindika x'inhuma d-dokumenti li għandhom ikunu annessi ma' din l-applikazzjoni. Fosthom dikjarazzjoni minn nutar pubbliku jew avukat u kopja tal-liċenza oriġinali.
F'dan il-każ ukoll dan l-uffiċċju huwa obbligat li f'għaxart ijiem jagħmel dan it-trasferiment. L-applikant għandu sitt xhur mill-mewt tal-licence holder biex iressaq din it-talba.
Dawk li għadhom qatt ma applikaw biex isir trasferiment simili f'din iċ-ċirkustanza, ser ikollhom l-opportunita' li fi żmien sitt xhur mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviz legali jkunu jistgħu japplikaw għal dan it-trasferiment.
FORMOLA G:Avviż għal tħassir tal Liċenza. Din l-applikazzjoni ssir fil-każ ta' tħassir tal-liċanzja kif jindika mill-istess titlu tal-formola. Dan it-tħassir tal-liċenza jsir immedjatament, u l-liċenza tkun ikkunsidrata mħassra mid-data ta' l-applikazzjoni. Din l-applikazzjoni ma tħassar l-ebda obbligu ta' l-applikant li jħallas il-ħlasijiet pendenti tal-Liċenzji li jista' jkollu.
FORMOLA H:Applikazzjoni għal-liċenza ta' bejjiegħ tat-triq.
FORMOLA I:Applikazzjoni għal-liċenza ta' bejjiegħ tal-monti.
Dawn iż-żewġ formoli jimtlew mill-applikanti li jridu jaħdmu f'dan is-settur. Hawn ser ikollhom l-obbligu wkoll li jidentifikaw f'liema settur kummerċjali ser ikunu qegħdin jaħdmu.
Iż-żmien massimu biex tinħareġ din il-liċenza huwa wkoll ta' tmien ġimgħat.
FORMOLA J:Applikazzjoni għall-bidla tas-sostitut tal-Bejjiegħ tat-Triq. Din hija l-formola li ser tkun uzata mill-bejjiegħa tal-monti li ser ikun mogħti lilhom id-dritt li jagħzlu li jkollhom bħala sostitut lil persuna mill-familja tagħhom. Ladarba l-applikazzjoni tkun aċċettata, il-persuna li jkun inħarġilha l-permess ikollha d-dritt li tieħu post l-liċence holder ta' dik il-posta, iżda għal żmien limitat li ma jistax jeċċedi iżjed minn xahar f'sena.
Dan huwa dritt ġdid li qed jingħata lill-bejjiegħa tas-swieq tal-monti.
FORMOLA K:Avviż għal Late Night Shopping. Din il-formola timtela minn dawk il-ħwienet li għandhom l-obbligu li jinfurmaw lit-Trade Licensing Unit, jekk ikunu jridu jibqgħu miftuħa biex ibiegħu nhar ta' Ħamis, jew nhar ta' Ġimgħa jew nhar ta' Sibt sa l-10.00 p.m. Skond il-liġi ħadd ma jista' jiftaħ jekk ma jkunx avża lit-Trade Licensing Unit. permezz ta' din il-formola.
L-informazzjoni komuni li ser tkun qed tintalab f'dawn il-formoli, tirrigwardja:
· Informazzjoni rigward l-applikant,
· It-tip ta' kategorija kummerċjali
· Pjanta ċċertifikata minn Perit li tindika l-Floor Area tas-sit kummerċjali
· Fejn l-applikant mhux il-proprjetarju, dan ikun mitlub li juri l-kunsens tal-proprjetarju tas-sit għal dik l-applikazzjoni.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN