PROĠETT B'POTENZJAL AMBJENTALI U TURISTIKU
Meta kien qed jaghlaq Seminar dwar il-Konservazzjoni tal-Victoria Lines li sar fil-Furjana, il-Ministru għall-Ambjent, Francis Zammit Dimech qal li wara ż-żjara li għamel dan l-aħħar lix-xogħol ta' restawr u riabilitazzjoni li qed isir lill-Victoria Lines, jifhem dejjem aktar il-potenzjal ambjentali u turistiku li għandhom dawn il-linji ta' difiża u l-ħtieġa li l-ħidma ta' restawr tissokta bla waqfien.
Francis Zammit Dimech qal li l-Victoria Lines Action Committee ippubblika ritratti ta' kif kienet il-parti tal-Victoria Lines qabel ġiet restawrata u kif tidher wara r-restawr. Qal li d-differenza hi waħda sinifikattiva u turi kemm bil-ħidma li qed titwettaq minn diversi units fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent il-wirt storiku ta' pajjiżna jista' jingħata lura l-glorja u l-importanza li tixraqlu.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li f'dawn l-aħħar ftit xhur ħaddiema mit-Taqsima għall-Iżvilupp u l-Immaniġġjar ta' l-Ambjent, mit-Taqsima għar-Restawr u mit-Taqsima tad-Distretti kienu wettqu diversi xogħlijiet li jikkonsistu
· F'tindif tal-foss fix-Xagħra ta' Bingemma minfejn tneħħew 12-il trakk skart u materjal tal-bini;
· Tindif tal-passaġġ u l-inħawi ta' madwar tul parti mill-Victoria Lines magħrufa bħala l-Kunċizzjoni. Minn dawn l-inħawi tneħħew ħames trakkijiet ta' skart u materjal tal-bini.
· Ir-restawr tat-torri tan-Nadur, limiti ta' Binġemma.
· Stħarriġ ġeologiku ta' tliet kilometri tal-Victoria Lines li sar mill-Malta University Services.
· Il-ħolqien ta' database diġitali dettaljata tal-Victoria Lines li tqabbdet mal-GIS. Dan wassal biex ittieħdu aktar minn 500 ritratt diġitali li jiddokumentaw l-istat preżenti tal-ħajt u x-xogħol li qed jitwettaq.
· It-tindif ta' passaġġ tul il-pont li jaqsam il-wied. Minn dan il-passaġġ tneħħew erba' trakkijiet ta' ħamrija u skart li nġabar tul is-snin.
· It-tindif tal-gandotti oriġinali ta' l-ilma li hemm mal-parti tal-Linji tad-Dwejra. Aktar minn 600 metru ta' gandotti tnaddfu minn ħaxix u skart ta' xaħx u ġebel li nġabar tul is-snin.
· Ir-restawr tal-Linji tad-Dwejra tul il-Binġemma Gap. Issewwa u kien restawrat aktar minn 200 metru mill-ħajt.
· L-irkuprar ta' mijiet ta' ġebel li kienu nqalgħu mill-Victoria Lines u li xterdu ma' kullimkien. Dawn intużaw mill-ġdid fil-bini ta' partijiet li kienu waqgħu.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li ħafna minn dan ix-xogħol sar bl-idejn. Qal li f'ċerti partijiet, bħall-pont li jaqsam il-wied, ix-xogħol ta' tindif sar permezz ta' katina umana ta' ħaddiema billi l-aċċess għall-post kien diffiċli. Hu qal li x-xogħol li sar hu wieħed delikat u li dan ħareġ id-dedikazzjoni u l-kwalitajiet eċċellenti tal-ħaddiema fid-diversi taqsimiet tal-Ministeru.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Victoria Lines Action Committee kien ħejja pjan pilota ta' konservazzjoni maqsum fi tliet partijiet
§ Stħarriġ u ġbir ta' data u informazzjoni;
§ Żvilupp ta' strateġija u metodoloġija tar-restawr; u
§ Proġett ta' restawr tal-fortifikazzjonijiet tal-Binġemma Gap.
Francis Zammit Dimech qal li biex jinżamm ir-ritmu li qabad dan il-proġett kien jeħtieġ li jkun hemm bażi operazzjonali. Qal li għal dan l-iskop kienet saret talba biex il-Forti ta' Binġemma tingħata lill-Victoria Lines Action Committee biex ikunu jistgħu jwettqu ħidmithom minnha.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li sadattant il-Victoria Lines Action Committee kien qed jipproponi Pjan ta' Azzjoni li minbarra it-twaqqif ta' bazi operazzjonali jinkludi
· L-estensjoni tal-proġett pilota fid-direzzjoni tal-Forti ta' Binġemma;
· Il-bidu tat-tieni proġett fl-inħawi tal-Għargħur;
· Pjan biex ikun hemm manutenzjoni preventiva;
· Pjan għall-introduzzjoni ta' heritage wardens.
Francis Zammit Dimech fakkar li l-ħarsien tal-wirt storiku ta' pajjiżna kien ta' kulħadd u li għalkemm il-Gvern kien qed jagħmel ħiltu biex jiffinanzja għexiren ta' proġetti ta' restawr u riabilitazzjoni kien il-poplu li ried iħares dan il-wirt minn dawk il-ftit li b'għemilhom kienu jagħmlu l-ħsara. Francis Zammit Dimech appella biex kulħadd jagħraf dejjem aktar il-wirt kbir li ħallewlna missirijietna u biex flimkien, Gvern, għaqdiet volontarji u poplu, ngħożżuh.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN