STQARRIJA MILL-MINISTERU TAS-SAĦĦA DWAR ATTAKKI FUQ IS-SERVIZZI TAS-SAĦĦA
Matul l-aħħar għaxart ijiem il-media tal-Partit ta' l-Oppożizzjoni għamlet kampanja ta' miżinformazzjoni dwar is-Saħħa.
Il-Ħadd 17 ta' Frar, "it-Torċa" rreklamat il-programm "Team" li kien se jinvestiga serq mill-Isptar San Luqa u ġie allegat li "Dawn il-persuni jingħad li huma magħrufin minn Ministru prominenti tal-Gvern li wkoll jaf bid-dettaliji tas-serqa. Dan il-Ministru huwa responsabbli mill-istess Dipartiment fejn saret is-serqa". Din hi gidba sfaċċata.
Fil-programm "Team" saret allegazzjoni ta' serq mill-Isptar San Luqa mingħajr ma ttieħdu passi. Dan ġie immedjatament miċħud kategorikament mill-Kummissarju tal-Pulizija fejn ġie preċiżat li kienu tressqu żewġ persuni l-Qorti fit-2 ta' Awissu 2000. Wieħed instab ħati u l-ieħor, il-każ għadu pendenti. Irid jingħad ukoll li l-Pulizija resqet protest quddiem l-Awtorità tax-Xandir u talbet li tingħata l-possibiltà li twieġeb għal dak li ngħad minn "Team".
L-Erbgħa 20 ta' Frar, il-media tal-Partit ta' l-Oppożizzjoni ħarġet b'allegazzjoni oħra: din id-darba dwar tender għall-provvista tat-tiġieġ għall-isptarijiet, fejn intefa' dell ikraħ fuq l-għoti tat-tender. Intqal li ġiet miċħuda l-irħas offerta. Id-Dipartiment caħad immedjatament kull allegazzjoni. Il-ġurnalisti suppost jafu illi bir-regolamenti tax-xiri tal-Gvern, kuntrattur li ma jingħatax kuntratt, għandu tlett ijiem żmien biex jappella. F'dan il-kaz hu m'appellax mid-deċiżjoni tal-kumitat. B'hekk jidher li l-kuntrattur aċċetta d-deċiżjoni tal-kumitat tal-kuntratti.
Filwaqt li l-ġurnal "l-Orizzont" kien jaf il-fatti, inkluza r-raġuni li għaliha ġiet rifjutata l-irħas offerta kif ikkomunikati lilu mid-Direttur ta' l-Informazjoni, xorta ppermetta ripetizzjoni ta' l-allegazzjoni infondata f'artiklu tad-Deputat Karl Chircop, li deher f' "l-Orizzont" tat-22 ta' Frar.
Dwar dak li deher f'artiklu f' "it-Torċa" tas-17 ta' Frar, il-ġurnal talab skuża lill-Ministeru tas-Saħħa għal kull inkonvenjent li seta' ġie kkaġunat.
Però l-aħjar ċertifikat għall-programm "Team" u l-ġurnalisti li jipproduċuh jagħtih is-Sur Joe A. Vella, ġurnalist magħruf fil-media lokali, li f' "it-Torċa" tal-Ħadd, 24 ta' Frar 2002, ta parir lill-ġurnalisti ta' "Team" biex "isir il-homework aħjar, biex ma jerġax jiġri kif ġara dwar il-parti li kienet tikkonċerna "is-Serqa" fejn dikjarazzjoni tal-Pulizija telfet ħafna mill-kredibilità tagħha; u t-tieni li l-programmi ma jieħdux xejra partiġjana".
Dan kollu juri kif il-media tal-Partit ta' l-Oppożizzjoni moħħa biss fis-sensazzjonaliżmu u tara kif toħloq allegazzjonijiet infondati biex titfa' f'dell ikrah ħidmet il-Gvern, f'dan il-każ is-servizzi tas-saħħa, biex b'hekk mingħaliha tagħmel gwadann politiku. Il-poplu bir-raġun jiddubita mill-kredibiltà tal-media tal-Partit ta' l-Oppożizzjoni.
Il-Ministru tas-Saħħa jikkundanna bil-qawwa kollha l-aġir tal-media tal-Partit ta' l-Oppożizzjoni u jħeġġiġha biex tkun aktar responsabbli lejn il-qarrejja tagħha, kif ukoll lejn il-poplu Malti kollu.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN