Left arrow Go Back

RESPONSABBILTAJIET ĠODDA FIL-QASAM TA' L-AMBJENT

PR264
Date Icon 28/02/2002

Minn nhar il-Ġimgħa, 1 ta' Marzu 2002, il-funzjoni regolatorja ta' l-ambjent, ser tgħaddi f'idejn il-Ministeru ta' l-Intern li ser jibda jissejjaħ il-Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent. Minn naħa l-oħra, il-funzjoni operattiva ta' l-ambjent ser tibqa' fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, li issa ser jkun magħruf bħala l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.

Il-funzjoni regolatorja ta' l-ambjent qed tiġi trasferita lejn l-Awtorità ta' l-Ippjanar, li ġiet iddikjarata bħala l-Awtorità kompetenti skond l-Att dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent (KAP. 435). Din l-Awtorità issa ser tissejjaħ l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (Malta Environment and Planning Authority - MEPA), u se jkollha żewġ direttorati distinti; id-Direttorat għall-Protezzjoni ta' l-Ambjent u d-Direttorat għall-Ippjanar. Konformi ma' l-Att dwar id-Delega ta' Funzjonijiet minn Ministri (KAP. 324), il-Ministru ta' l-Intern u l-Ambjent, Tonio Borg, ser jagħti d-delega lis-Segretarju Parlamentari George Pullicino, sabiex jissorvelja l-operat ta' din l-Awtorità.

Għal diversi snin, il-Ministeru għall-Ambjent kellu r-responsabiltà għall-proġetti infrastrutturali kif ukoll il-protezzjoni ta' l-ambjent. Però kienet qed tinħass il-ħtieġa li dawn iż-żewġ responsabilitajiet ferm importanti, jiġu separati minn xulxin.

Pajjiżna għandu bżonn ukoll titjib fl-infurzar tal-liġijiet fil-qasam ambjentali. L-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp, kif ukoll l-Att dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent, taw poteri usa u ġodda f' l-infurzar tal-liġi. Però, irid ikun żgurat li l-implimentazzjoni tal-liġi tkun dejjem aktar effettiva u aktar ko-ordinata. Id-dmirijiet ġodda li ser jkollha l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ser jagħmlu dan possibli.

Minn naħa l-oħra, minħabba ċ-ċokon ta' pajjiżna, l-użu ta' l-art għandu impatt qawwi fuq l-ambjent. Għalhekk inħass ukoll il-bżonn li ż-żewġ oqsma ta' l-ippjanar u l-protezzjoni ta' l-ambjent, ikunu ko-ordinati aħjar u jingħaqdu f'Awtorità waħda.

Ta' min jgħid ukoll li anke f'pajjiżi ferm akbar minn Malta, fejn l-impatt ta' l-użu ta' l-art fuq l-ambjent huwa ferm anqas minn f'Malta, inħass il-bżonn ta' aktar ko-ordinazzjoni f'dawn l-oqsma u diġà seħħet konverġenza bejn l-ippjanar urban u l-protezzjoni ta' l-ambjent. Dan huwa evidenti fl-Olanda, fi Franza, fil-Greċja u fl-Irlanda.

Bl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, ser titnaqqas ukoll id-duplikazzjoni fir-riżorsi umani għaliex iż-żewġ direttorati ser jiġu mgħejuna minn unit amministrattiv wieħed li jieħu ħsieb ir-riżorsi umani, il-finanzi, l-informazzjoni teknoloġika, is-servizzi ta' mapping, kif ukoll l-amministrazzjoni ġenerali.

Din is-separazzjoni ta' funzjonijiet qed issir ukoll skond il-politika tal-Gvern, fejn l-operatur u r-regolatur għandhom jiġu separati minn xulxin. Dan diġà seħħ fil-qasam ta' l-elettriku, l-ilma u l-minerali, fejn il-parti regolatorja tqegħdet taħt l-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi. Fil-każ tat-telekomunikazzjoni u l-posta, il-parti regolatorja tqegħdet taħt l-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni.

Sadanittant, il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ser jkun responsabbli għal dawn l-oqsma : Proġetti Kapitali ta' Kostruzzjoni, l-Indafa Pubblika, it-Taqsima tax-Xogħlijiet, id-Drenaġġ, l-Immaniġġjar ta' l-Iskart, l-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi u l-Kunsill Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Bini.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow