PROĠETTI FL-ISPTAR ĠENERALI TA'GĦAWDEX - SWALI TA' L-ANZJANI NISA, DIPARTIMENT TA' L-EMERĠENZA
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, dalgħodu għamlet żjara fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex fejn bħalissa għaddej xogħol relatat mat-tkabbir u l-immodernizzar tas-Swali, fejn pazjenti anzjani nisa jinżammu rikoverati, kif ukoll xogħol ieħor relatat mad-Dipartiment ta' l-Emerġenza.
Filwaqt li tkellmet dwar il-ħtieġa ta' dawn iż-żewġ proġetti, il-Ministru Debono spjegat kif, sa minn meta kien ġie inawgurat l-Isptar Ġenerali t'Għawdex fl-1975, ftit li xejn saru xogħlijiet konkreti ta' manutenzjoni jew oħrajn strutturali sabiex hawnhekk, b'mod partikolari s-swali ta' l-anzjani nisa jiġu modernizzati. Fid-Dipartiment ta' l-Emerġenza saret estensjoni fl-1998 iżda s-sezzjoni eżistenti ma kienet ingħatat ebda attenzjoni. Għalhekk, il-Ministeru għal Għawdex ħass li dawn iż-żewġ proġetti ndirizzati primarjament lejn il-pazjent ta' l-Isptar Ġenerali t'Għawdex, għandhom iseħħu mill-iktar fis possibbli għall-ġid tas-servizz tas-saħħa f'Għawdex.
Il-Ministru Debono stqarret illi "dawn iż-żewġ proġetti huma tassew ta' prijorità fil-bżonnijiet immedjati tal-oqsma Soċjali u tas-Saħħa f'Għawdex. Dan għaliex illum il-ġurnata mhux biżżejjed li nagħtu servizzi lill-klijenti tagħna, jekk dawn ma jkunux ta' kwalità. Ċertament titjib u mmodernizzar ta' l-ambjent infrastrutturali u ż-żieda ta' aċċess għal persuni b'diżabilità jgħin bis-sħiħ fil-provvista ta' servizz kif għandu jkun". Il-proġett tas-Swali ta' l-Anzjani Nisa, meta jitlesta, għandu jtaffi l-problema ta' numru ta' anzjani residenti f'Homes illi kull ma jmur qiegħed dejjem jiżdied. Dan il-proġett ser ikun jista' jakkomoda żieda ta' 21 pazjenta, jew madwar 35% iktar ta' pazjenti li bħalissa jinsabu f'din il-Unit. Sabiex ix-xogħol fuq dan il-proġett seta' jibda jseħħ, il-pazjenti li qabel kienu miżmuma f'din it-taqsima ġew trasferiti f'area oħra ta' l-Isptar sabiex l-inħawi ta' dawn is-swali jiġu vakati.
Dan qiegħed jippermetti t-twettieq tax-xogħlijiet kollha ta' kostruzzjoni, strutturali, elettriċi u mekkaniċi, u iktar 'il quddiem oħrajn ta' finishing, fl-inqas ħin possibbli u bl-inqas inkonvenjenzi possibbli għall-pazjenti nfushom. S'issa x-xogħlijiet li saru f'dawn is-Swali jinkludu t-tneħħija tas-soffitt ta' l-asbestos, iż-żarmar ta' duct work tas-sistemi ta' airconditioning, it-tneħħija ta' pajpijiet ta' plumbing u servizzi ta' l-elettriku qodma kif ukoll it-tneħħija tal-kmamar tal-banju li kien hemm s'issa.
Saru wkoll xogħlijiet ta' kostruzzjoni fosthom it-tneħħija ta' ħitan diviżorji liema xogħol ippermetta t-tkabbir ta' ċerti kmamar u xogħol ieħor fuq it-twieqi eżistenti fejn il-ħoġor tbaxxew biex iktar dawl naturali jdawwal l-istess kmamar u fl-istess ħin, il-pazjenti rikoverati hawnhekk ikunu jistgħu jgawdu mill-ambjent tal-ġonna fuq barra.
Bħalissa qed issir ukoll il-kostruzzjoni ta' toilet facilities u kmamar tal-banju ġodda iktar 'il barra mill-istess kmamar tas-sodda biex hekk dawn il-kmamar ikunu ikbar minn qabel, kif ukoll it-tqattiegħ neċessarju għal trinek biex is-servizzi elettriċi u mekkaniċi ikunu jistgħu jiġu mgħoddija. Iktar 'il quddiem ser isir xogħol relatat mal-kostruzzjoni ta' entratura prinċipali għal dawn is-swali li tipprovdi aċċess dirett mir-ringroad ta' l-istess sptar.
Fid-Dipartiment ta' l-Emerġenza s'issa sar ix-xogħol kollu strutturali neċessarju relatat mal-kostruzzjoni ta' Ambulance Bay, waiting room adegwata għall-pazjenti, porter's lodge, resuscitation room ġdida u toilet facilities ġodda li huma wkoll aċċessibbli għal persuni b'diżabilità. Dan il-proġett jinvolvi wkoll upgrading ta' żewġ kliniċi u t-tagħmir ta' sistemi ta' airconditioning. Ix-xogħlijiet kollha fid-Dipartiment ta' l-Emerġenza għandhom ikunu lesti fix-xhur ta' qabel is-sajf, meta mbagħad ikunu iktar il-pazjenti li jagħmlu użu mill-istess dipartiment, waqt dawn ix-xhur ta' btala.
Sa dakinhar, persuni li jeħtieġu servizzi mid-Dipartiment ta' l-Emerġenza huma mitluba jagħmlu użu mid-daħla prinċipali ta' l-isptar u mhux mid-daħla sekondarja ta' l-istess dipartiment.
L-Onor. Giovanna Debono saħqet li "it-twettieq ta' dawn iż-żewġ proġetti fil-qasam tas-Saħħa f'Għawdex huma konferma oħra ta' l-impenn min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex lejn settur li hu mill-iktar meħtieġ, settur li fl-aħħar mill-aħħar huwa wkoll kejl tal-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll, settur li anke għaliex huwa uniku f'Għawdex ċertament għandu bżonn l-għajnuna, ir-riżorsi, u l-attenzjoni tagħna lkoll".
Preżenti għall-preżentazzjoni ta' dalgħodu kien hemm ukoll Dr. Anthony Livori (Superintendent Mediku, Sptar Ġenerali t'Għawdex), is-Sur Louis Attard (Hospital Management Committee) u l-Perit Edward Scerri, inkarigat mill-proġett.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN