IL-PAVIMENTAR TA' L-IMDINA SE JISWA LM400,000
Il-proġett tat-tneħħija tal-wires mit-toroq ta' l-Imdina wassal għal skavi li qed jirriżultaw f'sejbiet arkeoloġiċi li biddlu b'mod sostanzjali dak li konna nafu dwar il-belt il-qadima ta' Malta, fil-perijodu ta' qabel il-preżenza ta' l-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann f'pajjizna. Dan qalu l-Ministru għall-Ambjent Dr. Francis Zammit Dimech, meta llum għamel zjara fl-Imdina u ra l-fdalijiet arkeoloġiċi kif ukoll ix-xogħol li qed jitwettaq biex jitqegħdu l-wires taħt l-art.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-proġett għat-tneħħija tal-wires issa qiegħed fil-fażi fejn qed jitqiegħdu pajpijiet biex minnhom jgħaddu s-servizzi minn taħt l-art. Bħalissa qed isir xogħol fl-ewwel parti tat-triq prinċipali u mexjin lejn id-dħul ta' l-Imdina. Appena titlesta din il-fażi, jibda l-proċess sabiex il-wires kollha jgħaddu minn taħt l-art u jitneħħew dawk li hemm mal-faċċati tal-palazzi. Il-proġett qed isir minn Kalaxlokk Co. Ltd.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li darba titlesta din il-parti tal-proġett, jibda l-pavimentar tat-toroq ta' l-Imdina, proġett li hu stmat li se jiswa madwar Lm400,000. Hu qal li bħalissa qed jsiru l-preparazzjonijiet kollha neċessarji biex ikun identifikat il-materjal li se jintuża u kif se jitwettaq ix-xogħol proprju.
Francis Zammit Dimech qal li s-sejba ta' fdalijiet arkeoloġiċi fl-Imdina wasslu lill-Proġett għar-Riabilitazzjoni ta' l-Imdina biex, spejjeż ta' l-istess Proġett, tqabbdet il-Kooperattiva ta' l-Arkeoloġisti halli twettaq ħidma arkeoloġika taħt is-supervizjoni tad-Dipartiment tal-Mużewijiet. Qed tiġi studjata l-possibilità li parti minn Pjazza San Pawl, fejn instabu fdalijiet arkeoloġiċi, tinkesa bi ħġieġ apposta, biex dawn il-fdalijiet jibqgħu jitgawdew u hekk kulħadd isir aktar konxju mill-wirt storiku li għandu pajjiżna.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li kien inbeda xogħol ta' restawr fil-bitħa tal-Palazz Vilhena. Dan il-proġett se jkun iffinanzjat mill-Calouste Gulbenkian Foundation tal-Portugall. Inbeda' xogħol ieħor ta' restawr fuq l-armi li hemm fil-faċċata u fil-bieb ta' barra, mid-ditta Sante Guido, li diġà rrestawrat il-medaljun tal-bronż li hemm fl-istess lokalità.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li kienu se jitneħħew ukoll siġar tal-eucalpytus li m'għandhom x'jaqsmu xejn mal-bini barokk. Flokhom se jitħawwlu siġar tal-palm u żewġ siġar taż-żebbuġ li huma ta' l-istess età tal-palazz u li se jintbagħtu mill-Portugall. Fil-bitħa ta' dan il-Palazz, se jsiru wkoll skavi arkeoloġiċi u wara jitqiegħed paviment ġdid. Il-faċċata tal-Palazz ukoll se tiġi restawrata. Dan il-proġett mistenni jiswa mal-Lm50,000.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li bis-saħħa tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni ta' l-Imdina, qed jitwettqu diversi proġetti ta' restawr u riabiltazzjoni f'din il-belt qadima, li l-istorja tagħha tmur lura għall-eqdem żminijiet. Huwa fakkar li kienet l-istorja li tagħmilna nazzjon u li l-istorja ta' pajjiżna hi l-ibliet u l-irħula, il-fdalijiet arkeoloġiċi, il-monumenti, palazzi u knejjes li rridu nikkonservawhom u nindukrawhom.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN