L-AKTAR PROĠETT AMBIZZJUŻ FIL-QASAM TAR-RESTAWR
Il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li pajjiżna għandu storja li tmur lura 7000 sena iżda l-istorja tinkludi wkoll dik reċenti li tkopri l-era ta' kważi żewġ sekli li l-Ingliżi kienu f'Malta. Hu qal li bħal kwalunkwe nazzjon ieħor, l-Ingliżi wkoll ħallew il-marka tagħhom l-aktar bil-bini ta' fortifikazzjonijiet. Il-Ministru kien qed jitkellem waqt li kien qed izur xoghlijiet ta' restawr u ri-abilitazzjoni li qed isiru lil Victoria Lines.
Francis Zammit Dimech qal li l-akbar progett ta' fortifikazzjonijiet li wettqu l-Ingliżi kien il-Victoria Lines, sistema ta' difiża twila 12-il kilometru li taqsam il-wisa' ta' Malta fit-tramuntana ta' l-Imdina. Din is-sistema ta' difiża hi magħmula minn fortizzi, batteriji, entrenchments, ħitan, linji ta' infanterija, searchlight emplacements u howitzer positions.
L-iskop wara din il-linja ta' fortifikazzjonijiet kien li f'każ ta' invazjoni min-naħa tat-tramuntana, l-għadu jinżamm milli javvanza lejn n-Nofsinhar tal-pajjiz, fejn kien hemm l-istallazzjonijiet militari. Il-Victoria Lines nistgħu nqisuhom għal pajjiżna dak li l-Hadrian Wall hu għar-Renju Unit u l-Great Wall of China huwa għaċ-Ċina. Kollox relattiv għall-kobor tal-pajjiż, iżda bl-istess skop, dak li jżomm l-għadu milli javvanza.
Il-Victoria Lines għalkemm qatt ma kienu ppruvati f'battalja, huma taħlita unika ta' elementi militari li flimkien, kellhom l-iskop li jsaħħu l-istrateġija Ingliza għad-difiża ta' Malta fl-aħħar parti tad-19-il Seklu.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li matul is-snin, bejn għaliex ma kenux qed jintużaw minħabba li nbidlet l-istrateġija tad-difiza, u anke għaliex il-manutenzjoni tagħhom tiswa ħafna, il-Victoria Lines intelqu, b'partijiet minnhom jitwaqqgħu biex flokhom żviluppat attivita' kummerċjali u b'partijiet oħra li ġew vandalizzati.
Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern deherlu li din il-linja unika ta' difiża ma kelliex titħalla tintilef. Dan sew minħabba l-istorja kif ukoll għaliex taqsam parti mill-isbaħ kampanja ta' pajjiżna; u għalhekk seta' jsir sforz biex ikunu mżewġa l-ħarsien ta' l-istorja mal-ħarsien ta' l-ambjent.
Kien għalhekk li f'Ottubru 2000 il-Ministeru għall-Ambjent, permezz tal-Unit għar-Restawr, waqqaf Kumitat ta' Azzjoni biex jevalwa u jindirizza l-problema tal-konservazzjoni tal-Victoria Lines. F'din l-inizjattiva, l-Kumitat ta' Azzjoni nvolva lill-Kunsilli Lokali li minnhom jgħaddu l-Victoria Lines, l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, l-Awtorita' tat-Turiżmu u l-Fondazzjoni Wirt Artna. Qal li element importanti fil-konservazzjoni ta' din il-linja ta' difiza huwa l-ħolqien ta' heritage trail tul il-Victoria Lines, li jfisser ir-restawr tal-fortizzi u l-fortifikazzjonijiet u l-ħolqien ta' faċilitajiet bħal mużewijiet, ċentri ta' interpretazzjoni u refreshment areas.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li s'issa diġa twettqu diversi xogħlijiet li jinkludu
· It-tindif tal-foss tul parti mill-Victoria Lines, magħrufa bħala x-Xagħra ta' Bingemma, minfejn tneħħew 12-il trakk ta' skart u materjal tal-bini;
· It-tindif ta' passaġġ u l-inħawi ta' madwaru tul parti mill-Victoria Lines, magħrufa bħala Il-Kunċizzjoni, minfejn tneħħew ħames trakkijiet skart u materjal tal-bini;
· Ir-restawr tat-Torri Nadur, limiti ta' Bingemma, xogħol li tlesta.
· It-tiswija u restawr ta' parti mid-Dwejra Lines ħdejn il-Bingemma Gap.
· Stħarrig ġeologiku ta' tliet kilometri mill-Victoria Lines li qed isir mill-Malta University Services.
· Il-ħolqien ta' database diġitali dettaljata tal-Victoria Lines li se tingħaqad mal-Geographical Information Systems (GIS).
Il-Ministru għall-Ambjent qal li fix-xogħlijiet li twettqu s'issa kienu nvoluti ħaddiema mill-Unit għar-Restawr fi ħdan id-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni, mill-Environmental Development and Management Section tat-Taqsima tax-Xogħlijiet, mit-Tmien Distrett tat-Taqsima tad-Distretti, li kollha jiffurmaw parti mill-Ministeru għall-Ambjent. Francis Zammit Dimech qal li l-Kumitat ta' Azzjoni qed ifittex li jwaqqaf bazi minn fejn jopera u minn fejn jikkoordina x-xogħlijiet li jkunu qed isiru fil-Victoria Lines. Din il-bazi trid isservi sew bħala bażi loġistika għall-ħażna ta' tagħmir u materjal, kif ukoll bħala post ta' taħriġ għat-tagħlim ta' snajja konnessi mar-restawr.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-proġett għar-riabilitazzjoni tal-Victoria Lines hu l-aktar proġett ambizzjuz fil-qasam tar-restawr, li għandu mhux biss jagħti kontribut biex nitgħallmu aktar dwar il-wirt storiku ta' pajjiżna, iżda biex l-inħawi minfejn jgħaddu dawn il-fortifikazzjonijiet jinżammu aħjar u hekk l-ambjent naturali ikun ukoll imħares u apprezzat.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN