L-ISCAFFOLDING U S-SIGURTA' FIL-POST TAX-XOGĦOL
Il-Building Industry Consultative Council (BICC) fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent qed jagħti sehem ewlieni biex ikun hemm aktar sigurta' fil-post tax-xogħol. Dan intqal mill-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech, Ministru ghall-Ambjent meta kien qed jipprezenta certifikati lill-partecipanti li attendew kors dwar l-uzu ta' l-iscaffolding.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-industrja tal-kostruzzjoni kienet l-aktar waħda li fiha kienu jseħħu inċidenti. Il-ħaddiema f'dan is-settur ukoll kienu qed isiru aktar konxji mill-ħtieġa li jkollhom it-taħriġ, it-tagħmir u dak kollu meħtieġ biex iħarsu saħħithom u jaħdmu f'ambjent aktar żgur.
Il-Ministru għall-Ambjent fakkar li f'dawn l-aħħar tliet snin l-industrja tal-kostruzzjoni kienet reġgħet irpiljat kif jirriżulta minn ċifri li joħorġu minn żmien għall-ieħor dwar produzzjoni, dħul mix-xogħol, profitti u fuq kollox żieda ta' ħaddiema. Hu fakkar li bejn Diċembru 1998 u Settembru tas-sena l-oħra kienu żdiedu f'dan is-settur 911 impjieg biex illum hemm jaħdmu fil-qasam tal-kostruzzjoni 6,421 ħaddiem. Qal li maż-żieda fin-numru ta' ħaddiema kienet tikber ukoll l-importanza biex dawn il-ħaddiema jaħdmu dejjem f'ambjent aħjar 'il bogħod mill-periklu.
Francis Zammit Dimech qal jirriżulta li fost l-inċidenti fuq il-lant tax-xogħol fis-settur tal-kostruzzjoni parti kbira kienu r-riżultat ta' armar ħażin u ta' l-użu ħażin ta' l-iscaffolding. Qal li spiċċa ż-żmien li min ried jibni, jew jiksi, jew ikaħħal u jiżbogħ u jbajjad, jaqbad u jarma bl-addoċċ b'periklu għal ħajtu u għal min ikun qed jaħdem miegħu jew għaddej mill-inħawi fejn ikun qed isir ix-xogħol. L-armar ta' l-iscaffolding u l-użu tiegħu hu sengħa bħal snajja' oħra, b'importanza kbira għaliex mill-mod kif jintrama' u jintuża, tiddependi l-ħajja ta' min ikun qed jaħdem.
Il-Ministru għall-Ambjent fakkar li riċentament intemm ix-xogħol ta' restawr tal-faċċata tal-Knisja ta' Santa Caterina d'Italia.
Qal li għal dan ir-restawr kien intrama scaffolding apposta li kien ikopri basikament dak kollu meħtieġ biex tkun garantita s-saħħa u s-sigurta' fuq is-sit tar-restawr u dik tal-pubbliku li jgħaddi mill-inħawi. Qal li dan l-iscaffolding kien ikopri slielem f'kull livell, guard rail, tarpulin u tow boards.
Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li direttivi ta' l-Unjoni Ewropea kienu jesiġu li f'xogħlijiet bħal dawk li saru fil-faċċata tal-Knisja ta' Santa Caterina trid tkun ikkalkulata l-istruttura ta' l-iscaffolding, disinji, kalkulazzjonijiet, kif jaffettwaħ ir-riħ u fejn se jintrabat. Qal li dan kollu isir biex tkun imħarsa s-saħħa tal-ħaddiema. Il-Ministru għall-Ambjent qal li kien ta' pjaċir għalih jinnota li fil-proċess ta' l-armar qed ikunu mħarrġa ħaddiema mit-taqsima tar-restawr fid-diviżjoni tax-Xogħlijiet. Hu qal li l-istess scaffolding li ntuża għar-restawr tal-faċċata tal-knisja ta' Santa Caterina d'Italia żżarma biex intrama' għal xogħol ieħor ta' restawr mal-Monument ta' Ball fil-Barrakka t'Isfel, fil-Ġonna ta' Sant'Anton u fil-bitħa ta' l-Auberge d'Italie.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li permezz ta' fondi mir-Raba' Protokoll Italo-Malti nxtara tagħmir apposta għall-manutenzjoni tas-swar. Qal li filwaqt li qabel xogħol ta' manutenzjoni tas-swar kien isir billi ħaddiema jiddendlu mas-swar issa għandna żewġ pjattaformi ħfief kompletament awtomatiċi li jiddendlu mas-swar. Permezz ta' dawn il-pjattaformi x-xogħol qed isir b'aktar professjonalita'.
Francis Zammit Dimech qal li l-kors li għadu kif kien organizzat mill-BTY Ltd., intitolat "Accreditation Course for Trainee and Basic Scaffolders" jinkwadra fil-ħidma li qed issir minn kull min hu nvolut fl-industrja tal-bini biex titkattar is-sigurta' fil-lantijiet tax-xogħol. Hu qal li l-iskop ta' dan il-kors kien li l-haddiema jitharrgu kemm dwar kif ghandhom iwaqqfu l-armar, kif ukoll kif jahdmu fuqu.
Il-Ministru għall-Ambjent fakkar li għall-aħħar tas-sena 2000 kienet twaqqfet it-Taqsima Saħħa u Sigurta' fil-post tax-xogħol, fi ħdan id-Dipartiment ta' l-Industrja tal-Bini, li għandha tkun il-punt ta' riferiment għad-dipartimenti l-oħra fid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet, fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent; għal gwidi fuq miżuri u prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-konfront tas-saħħa u sigurta' fil-lantijiet. Hu qal li din it-Taqsima sejra wkoll tagħmel, monitoraġġ ta' dan il-miżuri.
Francis Zammit Dimech qal li peress li f'din it-taqsima ma kienx hemm nies kwalifikati fl-oqsma tas-saħħa u s-sigurta', kienu nħarġu numru ta' applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta' dawn in-nies. Gew ingaggati Spettur Ewlieni u Spettur iehor; gew sponsorjati tnejn mill-impjegati mid-Diviżjoni li kienu qed jagħmlu kors Universitarju li jwassal għal diploma fis-Saħħa u s-Sigurta', filwaqt li ħarġu applikazzjonijiet fi sforz iehor biex jiġu reklutati numru ta' trainee inspectors.
Il-Ministru għall-Ambjent faħħar ukoll l-inizjattivi li kienet qed tieħu l-BICC li wara stħarriġ li għamlet, identifikat diversi areas problematiċi fejn tidħol is-sigurta' tal-ħaddiema u issa qed tagħmel korsijiet biex il-ħaddiema jsiru aktar konxji tar-riskji li jiltaqgħu magħhom fuq il-lant tax-xogħol. Francis Zammit Dimech qal li s-Safety Bus Campaign li reġgħet inbdiet din is-sena fil-post fejn qed jinbena l-Kumpless Sportiv fil-Kottonera, kienet inizjattiva oħra importanti tal-BICC, għaliex kienet tiffoka fuq dak li jkunu għamlu ħażin il-ħaddiema fuq ix-xogħol, biex prattici hziena ma jergghux jirrepetu ruhhom u b'hekk ikunu evitati l-inċidenti.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech irringrazzja lil BTY Limited, għall-inizjattiva tagħhom li ġabu lecturer kwalifikat mill-Construction and Training Board ta' l-Ingilterra biex imexxi dan il-kors. Il-Ministru għall-Ambjent awgura lill-parteċipanti fil-kors, biex fl-usu ta' l-iscaffolding, dak li tgħallmu jipprattikawh u jgħadduh lil ħaddieħor ħalli hekk jigu evitati incidenti serji fuq il-lantijiet tax-xogħol.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN