Tisħiħ tal-Litteriżmu - Il-Programmi tal-FES jinfirxu f'aktar skejjel
Fil-bidu tas-sena skolastika l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (Foundation for Educational Services - FES) bdiet twettaq il-programm tagħha biex tgħin lil dawk it-tfal li mill-bidu jiltaqgħu ma' diffikultajiet fl-iskola u jibdew jaqgħu lura. F'Novembru 2001, il-programm ġie ppruvat fl-iSkola Primarja tal-Gżira b'ħidma mat-tfal fil-Klabb Ħilti u ħidma oħra għall-ġenituri bl-isem ta' Id f'Id.
Ir-riżultati s'issa juru li l-programmi iħallu riżultati tajbin fit-tfal li bdew jirkupraw u jiksbu aktar fiduċja u twemmin fihom infushom. Il-programm intlaqa' tajjeb kemm mill-iskola u l-għalliema kif ukoll mill-ġenituri. Dan intwera mill-fatt li t-tfal u l-ġenituri stess esprimew sodisfazzjon, tant li kien hemm talbiet minn tfal u ġenituri oħra biex jipparteċipaw huma wkoll.
Il-ħidma li saret fl-iSkola Primarja tal-Gżira, swiet bħala bażi konkreta għall-proġett pilota li issa se jibda f'sitt skejjel oħra. Matul l-erba’ xhur li għaddew, intgħażlu l-local animators u ingħatalhom it-taħriġ, sar briefing lill-għalliema u lill-ġenituri u ġie ippruvat il-kontenut u l-metodu tal-programmi għat-tfal u għall-ġenituri.
Sadattant saru l-arranġamenti mal-kapijiet ta' l-iskejjel, mal-Kunsilli Skolastiċi, ma' l-għalliema u mal-Kunsilli Lokali, tas-sitt skejjel l-oħra li fihom se jibda jitwettaq il-programm.
Il-Programm issa qed ikun estiż għal sitt skejjel. Illum qed isiru l-ewwel sessjonijiet fl-iskejjel tal-Belt Valletta, Bormla, Ħal-Għaxaq, Ħamrun u Ħad-Dingli filwaqt li fl-iskola tal-Gżira il-programm issa daħal fit-tieni fażi tiegħu. Dawn l-iskejjel kienu identifikati b'konsultazzjoni mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, l-amministrazzjoni ta' l-iskejjel infushom, l-għalliema u l-ġenituri.
Minbarra "Ħilti" u "Id f'Id" il-Fondazzjoni qiegħda taħdem ukoll fuq numru ta' programmi oħrajn li jgħinu lit-tfal. Dawn jinkludu:
Il-Klabb Tfal Kittieba: Dan il-klabb hu maħsub għal tfal sa l-eta` ta' 12-il sena li jħossuhom kapaċi jiktbu kotba għat-tfal bil-Malti.
Ħilti Teżor: Il-proġett Ħilti Teżor għandu l-iskop li jkattar fost t-tfal l-imħabba lejn il-kotba u l-qari u li jara li joħorġu kotba bil-Malti għat-tfal li għandhom bejn 5 u 9 snin fejn qed jinħass il-bżonn ta' aktar kotba għal dan il-livell. Dan il-proġett se jingħata appoġġ finanzjarju, kif ukoll permezz ta' riżorsi umani, mill-HSBC.
PEFaL: Dan il-Programm se jkun indirizzat lejn familji sħaħ biex jissaħħu l-ħiliet tagħhom fil-qari u l-kitba. Dan il-programm se jkun iffinanzjat kompletament mill-Unjoni Ewropeja u se jinvolvi seba’ pajjiżi oħra mill-Ewropa. Malta se tkun qiegħda tikkordina dan il-proġett.
Il-Ministru qal li l-Gvern hu impenjat bil-fatti li jipprovdi programmi ta' appoġġ biex ħadd ma jaqa' lura. Il-Ministru qal li l-programmi u l-inizjattivi li qegħdin jittieħdu se jkomplu jsaħħu l-ħidma u l-inizjattivi tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u ta' l-iskejjel. L-inizjattivi qegħdin jittieħdu fl-ewwel livelli biex il-problema tintlaħaq mill-ewwel u ma titħalliex tikber.
Il-Ministru qal ukoll li f'kull skola diġa ġew allokati żewġ klassijiet biex jintużaw għall-Programmi "Ħilti" u "Id f'Id". Għal kull skola diġa qed tintefaq is-somma ta' Lm3000 biex dawn il-klassijiet jingħataw dehra xierqa li tistimola t-tagħlim u biex jinxtraw l-apparat u r-riżorsi meħtieġa. Kull klassi tiflaħ sa 30 tifel u tifla bejn 6 u 8 snin. Għal kull skola se jkun hemm żewġ għalliema mill-istess skola u Animator mill-Fondazzjoni kif ukoll numru ta' Activity Teachers.
Klabb Ħilti joffri żewġ sessjonijiet ta' siegħa u nofs il-waħda fil-ġimgħa, għal bejn 9 u 12-il ġimgħa kull term. Il-Ministru tenna li dan il-programm kien maħsub b'mod li t-tfal ikollhom varjeta` ta' attivitajiet mill-logħob u l-ikel sa l-arti, il-qari u s-somom. Għalhekk it-tfal fl-ewwel parti tas-sessjoni għandhom ċans jistrieħu, jilagħbu jieklu u jissoċjalizzaw, wara jkollhom attivitajiet fi gruppi kbar fejn isiru fost l-oħrajn il-crafts, l-arti u d-drama, u fl-aħħar parti tas-sessjoni t-tfal jinqasmu fi gruppi żgħar fejn, flimkien mal-ġenituri, jsirulhom attivitajiet biex itejbu l-ħiliet tagħhom fil-qari, l-kitba u s-somom.
Il-Ministru qal li hu sodisfatt bil-parteċipazzjoni ta' l-għalliema u b'mod partikolari tal-ġenituri f'dawn l-iskejjel. F'kull skola 'l fuq minn 80% tat-tfal li qegħdin jipparteċipaw għandhom ġenitur li qed jappoġġjahom. L-esperjenza fil-Gżira kienet li 96% mit-tfal involuti kellhom xi ġenitur jappoġġjahom. Madankollu, il-Fondazzjoni qiegħda titkellem mal-ġenituri li mhux qegħdin jipparteċipaw biex huma wkoll ikunu involuti. Fil-Programm Id f'Id, il-ġenituri jitkellmu bejniethom dwar dak li jkunu qegħdin jagħmlu huma u uliedhom, jippreparaw l-attivitajiet li jkunu se jagħmlu mat-tfal fil-gruppi l-kbar u żgħar, l-attivitajiet mat-tfal u jiddiskutu kif dan it-tagħlim jista' jitkompla d-dar.
Minbarra l-programmi tal-FES, il-Ministru semma inizjattivi oħra li toffri d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Fost dawn hemm:
Il-Complementary Education - għajnuna minn għalliema biex jgħinu lil-dawk it-tfal li ma jkunux qegħdin jaqbdu ċerti suġġetti jew ħiliet bażiċi.
Is-Specific Learning Difficulties Services - għajnuna għal dawk it-tfal li għandhom diffikulta` fil-mod kif jitgħallmu, per eżempju, meta t-tfal ikollhom il-kundizzjoni magħrufa bħala Dyslexia.
Il-Proġett Let Me Learn - Dan il-proġett jaħseb biex iħarreġ lill-għalliema biex flimkien ma' l-istudenti jiskopru x'inhu l-metodu ta' tagħlim li juża kull student biex b'hekk it-tagħlim fil-klassi jkun mill-aktar effettiv.
Il-Literacy Unit - Dan il-Unit minbarra li jagħmel studji biex jara x'inhu l-livell ta' litteriżmu f'pajjiżna, qed iħarreġ numru ta' għalliema, jorganizza programmi ta' litteriżmu fl-Ingliż u fil-Malti kif ukoll qed jiżviluppa metodi ta' assessjar ta' literiżmu bażiku li jgħodd għaċ-ċirkostanzi ta' pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN