Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. EDWIN VASSALLO, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU GHAS-SERVIZZI EKONOMIĊI, WAQT SEMINAR IMNIEDI MILL-MALTA STANDARDS AUTHORITY DWAR L-ACCREDITATION

PR183
Date Icon 14/02/2002

Fil-ħin li għandna flimkien illum, ser inkunu qegħdin nitkellmu dwar il-ħtieġa ta' l-għarfien tal-kwalita' fis-suq. Dan is-seminar ser iħares lejn is-sehem tal-M.S.A. fil-proċess ta' l-accreditation, speċjalment dwar x'jinvolvi dan il-proċess u l-għaliex hemm bżonn l-accreditation.

Nifhem li għal din il-laqgħa qegħdin niltaqgħu flimkien kemm tekniċi w esperti mis-settur burokratiku, kif ukoll imprendituri mis-settur kummerċjali li huma nteressati f'dan il-proċess.

Din l-inizjattiva għandha tawgura tajjeb li jkollna iżjed min jifhem il-ħtieġa tal-kwalita' kemm fil-manifattura kif ukoll fl-għoti ta' servizz. Il-parteċipazzjoni tagħna f'din il-laqgħa tixhed li aħna lkoll konxji li ma nistgħux naslu għal ebda livell ta' kwalita' kemm-il darba ma naħdmux flimkien. Dan is-seminar għalhekk huwa pass ieħor biex inrawwmu l-aħjar ċirkustanzi biex kemm il-burokratiċi kif ukoll imprendituri jifhmu li l-kunċett ta' kwalita' mhux lussu fis-suq iżda neċessita' li tiggarantixxi l-valur għall-flus minfuqa f'dak il-prodott jew servizz mibjugħ lill-konsumatur.

Biex dan il-kunċett jinftiehem, il-burokrazija wkoll għandha sehem x'toffri f'dan l-iżvilupp. F'dan il-qasam it-tfassil tar-regolamentazzjoni li twassal biex f'pajjiżna jkollna struttura li tħares il-kwalita' fis-suq ġiet afdata lill-Awtorita' ta' l-iStandards. L-M.S.A. kif hija aħjar magħrufa din l-Awtorita', għandha fid-dmir li tistabbilixxi "standards" ta' dak li jkun offrut għall-bejgħ fis-suq. Dan ifisser li kemm l-imprenditur li huwa nvolut fil-manifattura kif ukoll dak li huwa nvolut fl-importazzjoni qiegħed ikollu regolamentazzjoni li tigwidah dwar x'prodotti jista' jimporta jew jimmanifattura.

Kull min jixtieq jagħmel suċċess fin-negozju tiegħu jrid ipoġġi fis-suq prodotti bi standards ta' kwalita'.

Dawn l-istandards għandhom ukoll ikunu magħrufa mill-konsumatur. Filwaqt li l-M.S.A. hija r-regolatur, l-enforcement ġiet fdata lid-Dipartiment tal-Konsumatur filwaqt li d-Dipartiment tad-Dwana hija responsabbli fil-punt ta' l-importazzjoni.

Fil-Kunsill tal-Malta Standards Authority, għandek l-ewwel esperjenza ta' konsulatazzjoni li tiġbor fi ħdanha rapprezentanza mill-aktar wiesgħa ta' korpi li jirrapreżentaw lill-imprendituri kemm jekk imporataturi kif ukoll jekk manifatturi. Din l-esperjenza twassal biex kull regolamenatazzjoni tkun diskussa qabel ma tkun ippubblikata dan biex is-suq jifhem iżjed il-ħtieġa li l-auto regolamentazzjoni hija fost l-aħjar u fost l-iżjed mod effettiv ta' nfurzar.

Għandu jitqies bħala żball u eżerċizzju ta' ngann mal-konsumatur li jmur kontra l-iżvilupp tas-suq kemm-il darba jkollna min jibqa' jaħseb li jagħmel iktar flus jekk jipprova jpoġġi prodotti li ma jikkonfermawx mal-kriterji ta' standards. Jista' jkun li prodotti li ma jkunux jikkonfermaw ma' standards stabbiliti u ppubblikati mill-M.S.A. jkunu irħas minn prodotti li jilħqu il-kriterji ta' standards. Dak ir-roħs pero' għandu jitqies bħala l-prezz tan-nuqqas ta' kwalita'.

Il-kwalita' għandha prezzha u n-nuqqas ta' kwalita' għandha wkoll ir-riskji tagħha. Faċilment ukoll li din ir-regolamentazzjoni tkun meqjusa bħala żjieda ta' burokrazija għall-kummerċ u dan jista' jkun veru, iżda kemm-il darba rridu nikkompetu u ntejbu l-livell ta' l-għażla ta' prodotti li npoġġu fis-suq kif ukoll inħarsu s-saħħa tal-konsumatur, din ir-regolamentazzjoni għandha titqies bħala direzzjoni f'dan ir-rigward.

Pajjiżna qiegħed fi żmien ta' bidla, minn suq li kien jaċċetta kollox għal suq li fih ma jistax jibqa' jgħaddi kollox. Il-qabża fil-kwalita' li tiggarantixxi l-valur tal-flus fil-prodott mixtri għalhekk hija wkoll riżultat ta' din ir-regolamentazzjoni li tiddefinixxi l-standard ta' kwalita'.

F'pajjiżna l-Gvern huwa mpenjat li jibni din il-kultura ta' kwalita'. Ma nistgħux nibqgħu naċċettaw kollox.

Ma nistgħux nibqgħu naħsbu li nissodisfaw id-domanda tal-konsumatur billi nipprovdu biss il-kwantita' meħtieġa ta' prodotti. Irridu naħdmu biex nipprovdu l-kwalita' neċessarja.

Dan il-proċess li ser niddiskutu llum, faċilment jista' jkun meqjus minn min għadu ma fehemx il-kunċett ta' kwalita', bħala parti minn kumplikazzjoni ġdida li ser ikollu jħabbat wiċċu magħha min qiegħed fin-negozju. Tista' titqies bħala żjieda ġdida fl-ispejjeż. Tista' titqies ukoll bħala żjieda fil-burokrazija, iżda tajjeb li nilqgħu mill-bidu ta' dan is-seminar u ngħid lil min jaħseb hekk, li llum ma baqax żmien li nagħmlu l-flus minn cheap business.

Inkunu qegħdin nagħmlu għażliet żbaljati kemm-il darba meta magħfusin bi problemi fin-negozji tagħna niddeċiedu li nnaqqsu l-livell ta' kwalita' tal-prodotti li nikkummerċjaw.

Bil-kuntrarju, f'suq fejn il-valur ta' flus sar il-prijorita', x-xiri ta' prodotti ta' kwalita' huwa nċentiv li jibbilanċja sewwa n-nefqa żejda fin-negozju. Ngħid dan għaliex nifhem li ma għandna nsibu l-ebda raġuni biex inwarrbu l-kunċett ta' kwalita'. Ma għandna nsibu l-ebda skuża biex naħsbu li r-regolamenatazzjoni li tiggarantixxi l-marka ta' kwalita' hija żjieda fil-kumplikazzjoni burokratika. L-anqas ma għandna naħsbu li dan kollu ser iwassal għal nefqa żejda ta' flus li nistgħu ngħaddu mingħajrhom. Maż-żmien ikollna nifhmu li prodott bla marka ta' kwalita' li ma jiggarantixxix il-valur tal-flus minfuqa jista' jkun prodott li għalkemm irħis biex tixtrieh, huwa għoli għax ipoġġi f'riskju s-saħħa ta' min jixtrih.

Biex dan il-ħsieb ngħadduh aħjar lis-settur imprenditorjali u nkunu ta' għajnuna fil-ħidma li qed tagħmel l-M.S.A. biex tintroduċi r-regolamentazzjoni li tistabbilixxi l-kriterji ta' accreditation u Standards, waqqaft working group li jinkludi l-parteċipazzjoni ta' l-istess Malta Standards Authority, l-Industrial Property Office, Small Business Unit, l-Institute for the Promotion of Small Enterprise u l-European Information Centre li lkoll huma entitajiet fi ħdan il-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi. Dan il-working group għandu l-għan li jkompli ħidma li twassal li jkollna suq li kapaċi jifhem aħjar il-ħtieġa tal-ħarsien ta' Standards billi jġib fis-seħħ rizoluzzjoni li kienet approvata mill-Ġnus Magħquda f'konferenza li trattat l-għarfien ta' standards ta' kwalita'. Il-konkluzjonijiet ta' dan il-forum kienu miġbura f'dokument li huwa magħruf bhala "Conclusions and Recommendations of the Expert meeting on Best Practice in the Creation of Quality Assurance Systems"

F'din il-ħidma nemmen li għandna jkollna mpenn komuni u lkoll flimkien naħdmu biex din il-qabża fil-kwalita' sseħħ f'pajjiżna. Perswaz li dan l-impenn mhux proċess faċli iżda huwa mpenn meħtieġ kemm-il darba rridu naraw li l-poplu tagħna jgawdi minn kwalita' ta' ħajja aħjar li pajjiżi żviluppati diġa' qegħdin igawdu.

Għalhekk nawgura li dan is-seminar, għalkemm illum huwa ristrett għall-accreditation, pero' żgur li huwa parti mportanti minn dan l-impenn li jrid iwassal biex fis-suq ikollna iżjed min jifhem li l-bejgħ ta' prodotti li huma ċċertifikati bil-marka tal-kwalita' huma l-garanzija tas-suċċess kummerċjali ta' l-azjendi tagħna.

Perswaz li iżjed ma nikkonsultaw flimkien, iżjed nifhmu l-impenn li għandu jkollna biex inġibu din il-bidla f'pajjiżna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow