Left arrow Go Back

MESSAĠĠ TAL-MILIED U L-EWWEL TAS-SENA MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOREVOLI EDDIE FENECH ADAMI

PR1788
Date Icon 24/12/2002

Insellmilkom.

Għal darb’oħra għandi okkażjoni nidħol fid-djar tagħkom permezz tat-televiżjoni f’dan iż-żmien ta’ festi, il-festi tal-Milied - żmien ta’ ferħ u hena għall-familji kollha tagħna. U rrid l-ewwel ħaġa f’ismi, bħala l-Prim Ministru, u f’isem il-Gvern kollu, nawguralkom ukoll u nixtiqilkom minn qalbi ferħ u hena tul dawn il-ġranet tal-Milied, u j’Alla jirnexxielna lkoll, dawn is-sentimenti ta’ ferħ u hena, inġorruhom magħna fis-sena l-ġdida.

Irridu naħseb ilkoll nifhmu sewwa x’ifisser il-Milied. Il-Milied hija ġrajja ta’ aktar minn 2,000 sena ilu meta twieled Kristu, meta bdiet l-era Kristjana li biddlet u sawret l-istorja kollha u tkompli tbiddel u ssawwar l-istorja kollha li għad trid issir. Il-Milied ifisser illi nirikonoxxu x’inhu l-bniedem, nirrikonoxxu d-dinjità tal-bniedem. Illum ilkoll nitkellmu fuq id-drittijiet tal-bniedem. U meta ngħidu d-drittijiet tal-bniedem qed nirikonoxxu d-dinjità ta’ kull wieħed u waħda minnha, u d-dmir tagħna wkoll illi nuru s-sentimenti ta’ solidarjetà illi aħna lkoll jimpurtana minn għajrna. Naraw illi kullimkien, jekk jista’ jkun, u f’kull rokna tad-dinja dan il-messaġġ Nisrani jasal, jasal b’saħħa u b’mod konkret. Għalhekk f’pajjiżna rridu lkoll naħsbu f’dawk l-iktar li għandhom bżonn, f’dawk li hemm bżomm inwiżżnuhom il-ħin kollu u rridu nagħmluh b’mod illi l-ispirtu ta’ hena u ferħ fil-familji tagħna jkompli jitkattar.

Naturalment faċli tgħid bil-kliem, u aħna l-politiċi, aħna li intom tafdawna biex immexxu l-pajjiż, għandna d-dmir aktar minn kulħadd illi ngħixu u naraw kif inwettqu dan il-messaġġ tal-Milied ta’ kuljum, f’dak kollu li jiġi deċiż fl-interess tal-poplu kollu tagħna. Irridu aħna niftakru li l-Milied jiġi mhux biss fil-25 ta’ Diċembru, imma jekk jista’ jkun irridu ngħixu dan l-ispirtu tal-Milied tul is-sena kollha. Aħna, m’hemmx dubju, illi minn hu fil-politika qiegħed hemm biex iservi, qiegħed hemm għax għandu mandat mill-poplu biex għaż-żmien li tgħid il-Kostituzzjoni, aktarx ta’ ħames snin, huwa jara kif jista’ jiżgura illi l-pajjiż dejjem jimxi aħjar. Aħna rridu dan niżgurawh u irridu però mbagħad niftakru li qegħdin hemm biex inservu - biex inservu biss.

Is-sena li waslet biex tispiċċa kienet sena ngħid, mhux faċli. Kienet sena fejn l-ekonomija nistgħu ngħidu tal-pajjiżi kollha għaddiet minn żminijiet diffiċli. Bil-ħila tal-poplu tagħna, aħna l-Maltin irrnexxielna nirbħu d-diffikultajiet u ma rajniex illi l-pajjiż mar lura, anzi mar ’il quddiem. Xtaqnieh li jmur ’il quddiem aktar, milli effettivament mar. Imma, nerġa’ ngħid, il-ħila u d-determinazzjoni tal-poplu tagħna għamlet mod illi nistgħu ngħidu “iva l-ġid kompla jitkattar f’pajjiżna” u, ukoll ippruvajna, u naħseb b’miżura sewwa rnexxielna naraw illi l-ġid mhux biss jitkattar imma jitqassam b’ġustizzja. B’ġustizzja bejn kulħadd. Ġustizzja wkoll hija kelma illi hija marbuta intimament mal-messaġġ tal-Milied, u rridu aħna niżguraw illi kontinwament kuljum titwettaq il-ġustizzja fost il-poplu tagħna.

Wasalna fi tmiem is-sena. Kif għidt ma kinitx sena faċli, kienet sena diffiċli, però li fiha wettaqna wkoll dak illi konna qegħdin naħdmu għalih. Jiena, kif tafu, il-ġimgħa l-oħra, fit-13 ta’ Diċembru, ma kontx hawn Malta biex niċċelebra kif nagħmlu s-soltu Jum ir-Repubblika, data importanti fl-istorja ta’ Malta indipendenti. Kont qiegħed f’Copenhagen fejn għal sigħat sħaħ konna qegħdin niffinalizzaw in-negozjati ma’ l-Unjoni Ewropea. Negozjati illi jiena kelli l-mandat mill-poplu tagħna mogħti lili fl-elezzjoni ta’ l-1998 biex nagħmilhom, dawn in-negozjati. U fit-13 ta’ Diċembru dawn in-negozjati għalqu, fil-fehma tiegħi, għalqu b’suċċess, u issa wasal iż-żmien illi jiena wara li tajtuni l-mandat, nerġa’ ngħaddi dan il-mandat lilkom, lill-poplu Malti. Aħna niftaħru li aħna pajjiż demokratiku. Id-demokrazija tfisser li l-poplu hu sovran dejjem. Sovran meta jagħżel il-Gvern tiegħu u sovran meta jridu jittieħdu deċiżjonijiet importanti.

Jiena wassalt għall-għeluq tan-negozjati ma’ l-Unjoni Ewropea. Issa d-deċiżjoni mhix se tibqa’ aktar f’idi u f’idejn sħabi tal-Gvern imma aħna, kif inhu d-dmir tagħna, se nerġgħu ngħaddu dan il-mandat lilkom, lill-poplu tagħna biex intom tiddeċiedu liberament x’jidhrilkom li huwa l-aħjar għal Malta. Issa ilna nitkellmu snin fuq l-Unjoni Ewropea. Huwa qbil bejn kulħadd, mhux biss f’Malta. Fl-Ewropa kollha nista’ ngħid, kulħadd jaf xi tfisser l-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea tfisser paċi u sliem, l-Unjoni Ewropea tfisser progress soċjali u ġustizzja soċjali, l-Unjoni Ewropea tfisser il-ħarsien tad-drittijiet ta’ kull bniedem, tad-dinjità ta’ kull bniedem. L-Unjoni Ewropea tfisser solidarjetà bejn il-popli ta’ l-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea tfisser illi jkun hemm livell ta’ għajxien dejjem aħjar għall-popli kollha. Naturalment mhux kulħadd jaħsibha bl-istess mod kif tipparteċipa fl-Unjoni Ewropea. M’għandniex aħna niskantaw li jkun hemm opinjonijiet differenti ta’ kif nipparteċipaw fl-Unjoni Ewropea. Naturalment id-deċiżjoni trid tkun issa illi nafu x’innegozjajna f’idejn il-poplu tagħna u jagħżel hu x’irid għall-ġejjieni tagħna.

Is-sena d-dieħla.... is-sena d-dieħla se tkun sena straordinarja għall-poplu tagħna. Il-poplu se jiġi mitlub għal tliet darbiet biex jesprimi l-fehma tiegħu. Fi tnejn minnhom il-mod normali, rikorrenti: Fit-8 ta’ Marzu se jkun hemm l-Elezzjoni għall-Kunsilli Lokali, f’terz, wieħed minn tlieta, tal-bliet u l-irħula tagħna. Dritt demokratiku li l-poplu tagħna jagħżel il-gvernijiet lokali. Is-sena d-dieħla se jkun hemm ukoll l-Elezzjoni Ġenerali, dritt sovran tal-poplu tagħna illi jagħżel it-tmexxija li jrid għall-ħames snin ta’ wara.

Però b’mod eċċezzjonali, is-sena d-dieħla se jkun hemm Referendum. Kif għidt huwa l-akbar manifestazzjoni, l-ikbar dritt, l-ikbar dmir, li għandu l-poplu li f’okkażjonijiet straordinarji jerġa’ jieħu r-riedni f’idejh u jiddeċiedi hu x’irid. J’Alla l-poplu Malti jkun għaqli u jagħżel dak li fil-fehma sovrana tiegħu huwa l-aħjar għal pajjiżna. U aħna l-politiċi li qegħdin hemm biex inservu, irridu bilfors imbaxxu rasna u ngħidu iva għal dak li jiddeċiedi l-poplu.

Nieħu pjaċir, qiegħed inkellimkom għal darb’oħra, kif diġà għidt, fl-aħħar tas-sena. Kulħadd jagħmel il-kontijiet tiegħu, jara kif mar - jara x’seta’ mar aħjar. M’għandix dubju li nsibu ħafna affarijiet fejn stajna morna aħjar, ħadd minna m’hu perfett, kulħadd jagħmel l-iżbalji, kulħadd jista’ jagħmel aħjar, u jiena nitlobkom tahdruna meta xi drabi jista’ jkun illi nqasniekom. Jiena ħaġa waħda ngħid, almenu għalija nnifsi, illi ippruvajt dejjem nagħti mill-aħjar illi nista’. Is-sena d-dieħla, j’Alla tkun sena illi fiha jkompli jitkattar il-ġid f’pajjiżna. Tkun sena fejn inkomplu nibnu fuq l-ispirtu tas-solidarjetà bejnietna.

Nixtiqilkom ilkoll hena fil-ġranet tal-Milied, u j’Alla s-sena d-dieħla tkun sena ta’ riżq u barka għal kulħadd.

Insellmilkom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

More Press Releases Right arrow