STQARRIJA TAL-GVERN
Il-Gvern jagħmel referenza għal rapporti fil-media dwar in-negozjati fuq il-pakkett finanzjarju fejn issemmew figuri marbuta ma’ Malta.
Il-Gvern jixtieq jippreċiża dan li ġej:
Il-negozjati għadhom għaddejjin u l-Gvern iħoss li mhux għaqli li sakemm għadhom għaddejjin in-negozjati, joqgħod iħabbar jew jiddiskuti fil-pubbliku jew fil-media figuri li dwarhom qed isiru n-negozjati. Negozjati għaqlija ma jistgħux isiru fil-pubbliku.
Il-Gvern huwa tal-fehma li r-rapporti fil-media dwar il-pakkett finanzjarju ta’ Malta huma prematuri u jistghu jwasslu biex jizvijjaw lil dak li jkun. L-istess jgħodd għall-istqarrijiet ta’ l-Alternattiva Demokratika maħruġa llum.
Il-Gvern jifhem u japprezza li f’dan il-mument kruċjali tan-negozjati kulħadd huwa anzjuż li jkun jaf r-riżultat aħħari. Japprezza wkoll ix-xewqa ta’ kulħadd li Malta għandha tinnegozja pakkett finanzjarju tajjeb. Madankollu, ikun xieraq li f’dawn l-aħħar ħinijiet tinżamm il-kawtela u jitkomplew in-negozjati b’mod għaqli u serju, kif dejjem sar s’issa.
Hekk kif jingħalqu n-negozjati, għada jew nhar is-Sibt, il-Gvern mhux se jżomm lura milli jgħaddi minnufih lill-media u lill-pubbliku t-tagħrif kollu ta’ dak li jkun ġie maqbul fin-negozjati.
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en