JUM IL-QARI FIL-GUDJA
Il-Kunsill Lokali tal-Gudja flimkien mad-Dipartiment tal-Libreriji, il-librerija tal-Gudja u ż-żewġ skejjel, tal-Gvern u tal-Knisja, li hemm fil-Gudja organizzaw ġurnata ta` attivitajiet marbutin mal-qari.
L-attivitajiet kienu jinkludu:
- Laqgħa għal kulħadd fl-iskola Primarja tal-Gvern fuq l-‘Importanza tal-Qari fil-Ħajja tal-Bniedem’
- ‘Storytelling’ mit-tfal ta’ year 5 u year 6 fiż-żewġ skejjel lit-tfal tal-year 1, year 2 u kinder ta' l-istess skejjel. Din is-sezzjoni ta’ ‘Storytelling’ ħadet il-forma ta’ reċti u mimi u stejjer animati mit-tfal għat-tfal.
- Quiz għat-tfal ta’ year 4 fl-iskola St. Joan Antide. It-tema magħżula kienet ‘Kemm inħobb naqra’.
- Esibizzjoni fiż-żewġ skejjel mit-tfal tal-Year 3 bit-tema ‘Il-Ktieb’. Tfal tal-Year 3 ta’ skola żaru il-wirja ta’ l-iskola l-oħra.
L-aħħar attivita` f'din il-ġurnata saret fis-sala ta' l-iskola St. Joan Antide, fejn inqraw diversi siltiet u poeżiji. It-tfal kollha tal-Gudja li għalqu seba' snin kif ukoll it-tfal kollha li pparteċipaw f'din il-ġurnata ddedikata għall-qari ngħataw ktieb biex ikomplu jaqraw u jħeġġu l-imħabba għall-qari.
Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea fil-ftuħ ta' l-attivita` ta' filgħaxija qal li l-Kunsill Lokali u l-Iskejjel tal-Gudja irnexxielhom joħolqu sħubija tajba bejniethom għall-ġid ta' l-istudenti u tal-lokalita' tal-Gudja. Il-Ministru fisser l-importanza tal-qari u l-kitba li flimkien ma` ħiliet importanti oħra jagħmlu mit-tfal tagħna riżors uman ta' valur għoli. Hu qal li fl-istess ħin, il-qari mhux għat-tfal biss imma kulħadd għandhu jsib ftit ħin kull jum għall-qari għaliex il-qari mhux biss iżommok aġġornat ma` dak li jkun qed jiġri fid-dinja madwarek, iżda hu mezz importanti fil-kisba ta' l-għerf.
Il-Ministru qal li l-kitba u l-qari huma essenzjali għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta' pajjiżna. Il-Ministru tenna li pajjiżna mexa 'l quddiem ħafna fl-aħħar ħamsin sena u dan għaliex bħala pajjiż dejjem emminna li l-edukazzjoni trid tkun ta' l-għola kwalita'. Il-Ministru qal li f'pajjiżna qed jirnexxielna innaqqsu l-illitteriżmu u fl-aħħar snin r-rata ta' l-illitteriżmu fost iż-żgħażagħ li ħerġin mill-iskejjel tagħna niżlet għal 1.4% (minn 4% fl-1995).
"Dan ma jfissirx li ma fadalx ħafna xi jsir" qal Dr. Louis Galea "iżda juri li d-diversi inizjattivi li qed jittieħdu qed iħallu l-frott u għalhekk irridu nkomplu naħdmu biex nilħqu lil kulħadd". Il-Ministru tkellem dwar id-diversi inizjattivi li qed jittieħdu fil-qasam ta' l-illitteriżmu fosthom il-program 'Let Me Learn', dak tal-Complementary Education, il-programmi tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, Ħilti u Id f'Id, dawk tal-Literacy Unit u ta' l-Special Learning Difficulties Unit.
Il-Ministru qal li l-Gvern jappoġġa l-ħidma tal-Kunsilli Lokali u jemmen fihom bħala katalist ewlieni biex kull lokalita' timxi 'l quddiem. Hu qal li l-Kurrikulu Nazzjonali jagħmel ukoll emfasi fuq l-iżvilupp ta' l-iskejjel bħala ċentri edukattivi fil-kommunita' u qed issir ħidma biex dan iseħħ fil-prattika permezz ta' Focus Group li twaqqaf apposta.
Il-Ministru temm jgħid li qatt daqs illum ma kien hawn opportunitajiet ta' tagħlim u taħriġ għal kulħadd f'kull strata tas-soċjeta' Maltija u dan għaliex l-Gvern qiegħed jkattar l-opportunitajiet u jinvesti bil-għaqal fil-futur ta' ulied il-poplu. Din is-sena l-infieq fl-edukazzjoni se jkun ilaħħaq il-Lm 100 miljun.
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en