IMNEDIJA ŻEWĠ QUALITY SERVICE CHARTERS OĦRA F’GĦAWDEX
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, dalgħodu ġiet ippreżentata bil-kopji ta’ żewġ Quality Service Charters oħra f’ċerimonja li saret fl-entratura modernizzata taċ-Ċentru Amministrattiv ta’ Għawdex.
Dawn iċ-charters, dak tar-Reġistru taż-Żwieġu dak tal-Ħruġ ta’ Ċertifikati ta’ l-Istat Ċivili huma l-aħħar tnejn li ġew maħruġa, sabiex issa b’kollox hemm 43 dipartiment jew taqsima li ppublikaw il-Quality Service Charter tagħhom minn meta tnediet l-inizjattiva erba’ snin ilu. Għaxra minn dawn huma fil-fatt f’Għawdex.
L-introduzzjoni ta’ Quality Service Charter hija konferma uffiċjali ta’ l-impenn tal-Gvern illi jtejjeb il-kwalità ta’ servizz li jingħata mid-dipartimenti tiegħu. Dan bil-għan illi l-klijent jieħu l-ogħla livell ta’ servizz, fl-iqsar ħin possibbli. Li fl-okkażjoni ta’ dalgħodu ġew introdotti l-Quality Service Charters f’żewġ dipartimenti fi ħdan ir-Reġistru Pubbliku, li jilqgħu d-domandi minn klijenti tagħhom b’mod dirett juri bis-sħiħ l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex lejn il-provvista ta’ servizzi bl-iktar mod effiċjenti.
Il-linji ta’ gwida elenkati fil-Quality Service Charters jqegħdu fuq quddiem nett id-dritt tas-servizz – li jkun wieħed fil-ħin u konvenjenti filwaqt li jkun effettiv, ekonomiku u effiċjenti; servizz li jkun indirizzat lejn il-klijent, bil-bżonnijiet u n-neċessitajiet tiegħu fuq quddiem nett, imsejsa fuq impenn sħiħ bejn min jipprovdi u min jagħmel użu mis-servizz.
Fid-diskors tagħha waqt ic-cerimonja, il-Ministru Debono saħqet fuq l-importanza tal-klijent għas-Servizz Pubbliku u l-ħtieġa li s-servizzi li jingħataw minn dan is-settur, filwaqt li jkunu effettivi u effiċjenti, ipoġġu dejjem il-bżonnijiet tal-klijent fuq quddiem nett. Hija qalet li l-Quality Service Charters, bil-linji ta’ gwida li dawn jipprovdu huma għodda importanti għad-dipartimenti biex jgħinuhom jilħqu l-aspettattivi li l-pubbliku għandu fil-ġurnata ta’ llum, aspettattivi ta’ ħajja iktar komda u fl-istess ħin mgħaġġla, ibbażata dejjem aktar fuq l-użu ta’ l-informatika. Fil-fatt, iż-żewġ dipartimenti li ngħataw ic-Charters dalgħodu, intrabtu sabiex jaqdu lill-klijent f’mhux iktar minn 5 minuti jekk ir-rikjesta ssir b’mod personali. F’każ li r-rikjesta għas-servizz issir bil-miktub, iż-żewġ dipartimenti qed jintrabtu illi jindirizzawha sa mhux iktar tard minn jumejn tax-xogħol.
Il-Quality Service Charters jagħtu garanzija ta’ servizz ta’ kwalità għal dawn iż-żewġ dipartimenti, flimkien mat-tmienja l-oħra li huma diġà Chartered, fil-ġżira t’Għawdex. Huma wkoll dikjarazzjoni ta’ impenn dejjem iktar favur il-klijent mhux biss permezz ta’ servizz kif għandu jkun imma anke permezz ta’ provvista ta’ informazzjoni ċara u korretta dwar dak kollu relatat mas-servizzi offruti minn dawn is-sezzjonijiet konċernati.
Sabiex dawn iż-żewġ dipartimenti setgħu joffru garanzija ta’ servizz effiċjenti kien jeħtieġ li jsiru diversi xogħlijiet, fosthom l-installazzjoni ta’ fibre optic cable li jgħaqqad lir-Reġistru Pubbliku man-network tad-Data Centre u b’hekk ittejjeb il-proċess ta’ tixrid ta’ informazzjoni. Dan l-aħħar ukoll iddaħħal l-email għall-ħaddiema kollha tar-Reġistru Pubbliku – pass kbir ’il quddiem fejn klijenti jistgħu jagħmlu r-rikjesti tagħhom permezz tal-posta elettronika fuq l-indirizz pubreg.gozo@gov.mt, fejn saħansitra jistgħu jinqdew klijenti li jinsabu barra minn Malta fi żmien ferm iqsar.
L-Uffiċċju għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ l-Istat Ċivili kif ukoll dak tar-Reġistru taż-Żwiġijiet ġew rilokati għal żewġ uffiċini iktar aċċessibli. Minbarra li b’hekk il-pubbliku qed jinqeda aħjar, l-istaff ta’ dawn iż-żewġ uffiċini issa qed jaħdmu f’ambjent aħjar u aktar akkoljenti.
Minbarra l-għoti ta’ dawn iż-żewġ Charters, fl-okkażjoni ta’ dalgħodu ġie estiż ukoll iċ-Charter għas-servizzi soċjali mogħtija mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali f’Għawdex – dipartiment li issa qiegħed joffri s-servizzi tiegħu minn uffiċċju ġdid fl-istess Ċentru Amministrattiv fir-Rabat. L-uffiċċju l-ġdid tad-Dipartiment tas-Sigurtà Socjali fir-Rabat jifforma parti mill-kumpless ta’ uffiċini li dan l-aħħar raw titjib sostanzjali fl-ambjent tagħhom, fosthom entratura ġdida b’reception area ġdida, li tagħti aċċess dirett għal kulħadd lejn il-bqija ta’ l-uffiċini tal-Gvern fir-Rabat.
Preżenti għall-okkażjoni kien hemm ukoll is-Sur Joe R. Grima li rringrazzja liż-żewġ dipartimenti konċernati talli laqgħu l-isfida ewlenija li jipprovdu servizz ta’ kwalità, filwaqt li awgura li iktar dipartimenti Governattivi jadottaw l-implimentazzjoni ta’ Quality Service Charters. Kien hemm ukoll id-Direttur Ġenerali fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, is-Sur Anthony Mifsud, flimkien mas-Segretarju Permanenti Ministeru għal Għawdex, is-Sur Frank Psaila.
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en