Left arrow Go Back

PROĠETTI LI JSEBBĦU U JIMMODERNIZZAW PAJJIŻNA

PR1731
Date Icon 11/12/2002

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern preżenti qed jinvesti miljuni ta’ liri fis-sena biex il-poplu jgħix aħjar f’pajjiż aktar modern. Dan qalu waqt diskors li ghamel meta nieda kalendarju dwar proġetti mwettqa mill-Ministeru tiegħu fl-aħħar erba’ snin.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Gvern qed jinvesti biex il-poplu japprezza dejjem aktar il-wirt storiku ta’ pajjiżna. Francis Zammit Dimech qal li sa l-aħħar ta’ din il-leġislatura dan il-Gvern se jkun investa Lm17-il miljun, f’titjib u tisbiħ ta’ bini u postijiet pubbliċi, f’titjib ta’ parks nazzjonali, f’tisbiħ ta’ promenades u f’restawr u riabilitazzjoni ta’ bini storiku.

Francis Zammit Dimech qal li f’dawn l-aħħar erba’ snin il-Gvern wasal biex laħaq ftehim ma’ erba’ konsorzji bl-iskop li jitwettqu tliet proġetti kapitali ewlenin b’investiment privat. Fil-proġetti tal-Kottonera, ta’ Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne u tal-Cruise Liner Passenger Terminal qed isir investiment privat ta’ Lm170 miljun minbarra investiment qawwi mill-Gvern biex jitwasslu servizzi għal dawn il-proġetti u biex tissaħħaħ l-infrastruttura għar-residenti ta’ l-inħawi.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li tul din il-leġislatura se jkunu ntefqu

  • Lm 430,000 għal titjib f’postijiet pubbliċi;
  • Lm1,420,000 f’titjib f’bini;
  • Lm4,030,000 għar-riabilitazzjoni tal-Kavallier ta’ San Ġakbu;
  • Lm2,658,000 f’restawr;
  • Lm 704,000 għal bini u titjib ta’ parks;
  • Lm4,873,000 għal proġetti ta’ tisbiħ f’inħawi turistiċi; u
  • Lm2,682,000 għal proġetti ta’ riabilitazzjoni.

Francis Zammit Dimech qal li t-twettiq ta’ proġetti ġodda ġab miegħu titjib fl-industrja tal-bini. Hu qal li jekk nieħdu l-perijodu ta’ Jannar/Settembru ta’ l-aħħar erba’ snin insibu

  • Sehem l-industrja tal-bini lejn il-Prodott Gross Domestiku kiber minn Lm24.9 miljun fl-1999 għal Lm35.2 miljun fl-2002 – żieda ta’ Lm10.3 miljun, jew 41.4 fil-mija;
  • Il-perċentwali li s-settur tal-bini kkontribwixxa għall-Prodott Gross Domestiku tela’ minn 2.66 fil-mija għal 3.28 fil-mija – żieda ta’ 0.62 fil-mija, jew 23.3 fil-mija;
  • Id-dħul mix-xogħol żdied minn Lm16.78 miljun fl-1999 għal Lm23.38 miljun fl-2002, żieda ta’ Lm6.6 miljun jew 39.3 fil-mija;
  • Il-profitti żdiedu minn Lm8.1 miljun għal Lm11.8 miljun, żieda ta’ Lm3.7 miljun jew 45.7 fil-mija;
  • L-impjiegi żdiedu minn 5,888 għal 6,692, żieda ta’ 804 impjieg, jew 13.7 fil-mija. Dan b’kuntrast ma’ dak li seħħ bejn l-1997 u l-1998 meta l-impjiegi f’dan is-settur naqsu b’510, jew bi tmienja fil-mija.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-Gvern preżenti hu konxju li l-poplu llum jinteressaħ li jgħix f’ambjent aħjar fejn mhux biss isir xogħol ta’ titjib u ta’ tisbiħ iżda li dan ix-xogħol ikun ta’ l-ogħla livell. Hu qal li dan il-mod ġdid ta’ kif inħarsu u nwettqu proġetti li jsebbħu pajjiżna jidher fil-mod kif qed jinbnew mill-ġdid il-promenades ta’ pajjiżna u fil-mod ta’ kif qed isir xogħol ta’ restawr u riabilitazzjoni tal-ġojjelli storiċi ta’ pajjiżna.

Francis Zammit Dimech qal li biex ifakkar il-ħidma li qed issir minn tant ħaddiema dedikati fit-twettiq ta’ dawn il-proġetti l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ħass li kellu jippubblika kalendarju dedikat għall-proġetti. Kalendarju mirqum f’fotografija mill-isbaħ u b’xogħol ta’ stampa li jagħmilna kburin minn dak li wettaqna b’riżq il-poplu Malti.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

More Press Releases Right arrow