Left arrow Go Back

Ir-riċiklaġġ kruċjali fl-istrateġija ta’ Proġett Skart

PR1716
Date Icon 06/12/2002

Meta kien qed iżur l-Impjant tal-Kompostaġġ f’Sant’Antnin u l-faċilitajiet f’Kordin fejn qed jittieħdu inizjattivi għar-riċiklaġġ ta’ l-iskart, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech qal li kull strateġija għall-immaniġġjar ta’ l-iskart solidu tinbena fuq ordni ta’ prioritajiet ta’ għażla. Qal li din l-ordni, li żviluppat fl-aħħar 20 sena, timxi fuq ħames prattiċi: tnaqqis ta’ l-iskart, użu mill-ġdid, riċiklaġġ, irkupru u disponiment.

Francis Zammit Dimech qal li bħala parti minn Proġett Skart il-Gvern qiegħed bħalissa jibni l-infrastruttura meħtieġa biex ikollna sistema tajba għall-immaniġġjar ta’ l-iskart solidu. Hu qal li kienu qed isiru t-tħejjijiet kollha biex tinbena engineered landfill, biex ikun hemm Waste Transfer Station f’Għawdex, biex ikun hemm profil xjentifiku ta’ x’hemm fil-miżbliet qabel dawn jingħalqu u jiġu riabilitati, biex ikun modernizzat l-Impjant tal-Kompostaġġ f’Sant’Antnin u diversi miżuri u azzjonijiet oħra.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li ftit tal-jiem ilu, twaqqfet il-Waste Management Services Limited bl-iskop li torganizza, tissorvelja u tikkontrolla faċilitajiet għall-immaniġġjar ta’ l-iskart u servizzi relatati. Għal din il-kumpannija u għal Proġett Skart qed ikunu vvutati għas-sena d-diehla Lm1,100,000 għal investiment kapitali u Lm450,000 għal spejjeż rikorrenti.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li sadanittant il-Gvern kien qed jieħu miżuri biex jiġu riċiklati diversi tipi ta’ skart. Hu qal li nhar il-Erbgħa kien l-Imġarr fejn qed jinġabru tankijiet li għal għexieren ta’ snin kienu mitluqa fl-għelieqi. Hu qal li dawn it-tankijiet kienu qed jitgħaffġu u jinbiegħu bħala scrap biex jiġu riċiklati. Francis Zammit Dimech qal li inizjattivi oħra qed jittieħdu dwar ir-riċiklaġġ tal-karta, kartun, plastik u ħġieġ. Francis Zammit Dimech qal li mill-analiżi ta’ l-iskart tad-djar li sar mill-ħaddiema ta’ l-Impjant ta’ Sant’Antnin għall-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, jirriżulta li madwar 1.8 fil-mija tal-piż ta’ l-iskart tad-djar huwa magħmul mill-fliexken tal-plastik li jiġu wżati għax-xorb minerali. Jirriżulta li madwar 3,000 tunnellata ta’ dan it-tip ta’ skart jiġi ġġenerat f’Malta kull sena.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li biex jgħin jintlaħqu l-miri ta’ Proġett Skart, inħarġet sejħa għall-offerti biex jiġu riċiklati dawn il-fliexken u kontenituri oħra tal-plastic. Il-fliexken li qed jinġabru minn Bring in Sites, mis-separazzjoni ta’ l-iskart tad-djar fis-Swieqi u minn lokalitajiet oħra qegħdin jiġu ttrattati u mibjugħa lil dawn il-kuntratturi li rebħu l-offerta. Dawn il-fliexken qed jiġu mballati u wara jinħażnu fl-Impjant ta’ Sant’Antnin biex jiġu esportati għar-riċiklaġġ. Hu qal li wieħed irid japprezza li trakk mimli fliexken jifforma madwar ballawaħda ta’ fliexken tal-plastik.

Francis Zammit Dimech qal li mis-sistema ta’ ġbir ta’ skart separat fis-Swieqi, qiegħed jinġabar aktar minn 80 fil-mija ta’ dan it-tip ta’ skart li jiġi ġġenerat f’din il-lokalita’. Hu qal li dan jawgura tajjeb biex is-sistema tas-separazzjoni ta’ l-iskart fid-djar tiġi żviluppata, flimkien ma’ dik ta’ l-infrastruttura, skond kif ġie stabilit fl-Istrateġija għall-Immaniġġjar ta’ l-Iskart.

Meta tkellem dwar skart iġġenerat mill-apparat elettroniku Francis Zammit Dimech qal li parti sostanzjali mill-iskart iġġenerat mill-apparat elettroniku għandu valur u jippermetti li jista’ jiġi rriċiklat. Fost dawn, l-aktar komuni huma l-computers, telephone sets u cables li jintużaw f’dawn is-sistemi. Biex tiġi evitata kontaminazzjoni li tista’ tinħoloq mir-rimi ta’ dan l-iskart fil-Magħtab, inħarġet sejħa għall-offerti għar-riċiklaġġ ta’ dan l-apparat elettroniku li m’għadux aktar utli biex jintuża.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li Proġett Skart ħareġ ċirkulari lid-Dipartimenti u entitajiet tal-Gvern kollha biex dan it-tip ta’ skart jibda jintbgħat fl-Impjant ta’ Sant’Antnin flok ma jibqa’ jintrema fil-Magħtab. L-istess messaġġ ġie mgħoddi lill-kuntratturi privati li huma attivi f’din l-industrija. Hu qal li ried jieħu din l-okkażjoni biex jirringrazzja lil diversi entitajiet fosthom lill-Ministeru tal-Finanzi, lill-Ministeru tal-Politika Soċjali, l-MITTS, l-Air Malta u l-Bank Ċentrali li qed jikkoperaw f’din il-ħidma.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal dan l-apparat li nġabar qiegħed jiġi magħżul, ippakkjat u mqiegħed f’container biex jiġi esportat għat-trattament f’impjant li jispeċjalizza f’din l-attivita’.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech tkellem ukoll dwar il-proċedura attwali li biha jiġu skrappjati l-vetturi f’Malta. Hu qal li din tista’ tirriżulta f’kontaminazzjoni lill-ambjent. Fil-futur qarib, il-vetturi jridu l-ewwel jiġu mnaddfa mil-likwidi li jkun fihom li prinċiparjament jikkonsistu fi żjut u aċtu tal-batteriji. Biex jgħin fl-introduzzjoni ta’ din is-sistema, id-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ħa l-inkarigu biex numru konsiderevoli ta’ vetturi li jinsabu fil-pussess tal-Pulizija, jiġu ttrattati b’dan il-mod qabel jittieħdu ġo l-iscrap yard. Iż-żjut qegħdin jiġu miġbura u jintbgħatu fl-impjant tat-trattament ta’ dan it-tip ta’ żjut użati filwaqt li l-aċtu li jinġabar qiegħed jiġi newtralizzat permess ta’ taħlita alkalina.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li biex jiġi assigurat iċ-ċaqliq ta’ dawn il-vetturi, qiegħed jinħareġ dak li huwa magħruf bħala Certificate of Destruction fejn tiġi ċċertifikata l-awtorizzazzjoni biex il-vettura tinqered u jassigura li l-informazzjoni kollha tal-vettura tkun waslet lid-Dipartiment tal-Liċenzji u Testjar tal-vetturi. Din is-sistema tippermetti ukoll biex il-pjanci tar-reġistrazzjoni kif ukoll dawk tal-makni u ta’ chassis jigu rkuprati u mgħoddija lill-awtorita’ kompetenti.

Francis Zammit Dimech qal li wara dan il-proċess ta’ tindif, id-Dipartiment jgħaddi l-vetturi lill-kuntrattur li offra l-aħjar offerta għar-riċiklaġġ tal-materjal li jkun fihom dawn il-vetturi.

Meta kompla jitkellem dwar inizjattivi li diġa’ ttieħdu, il-Ministru Zammit Dimech qal li matul din is-sena

  • inġabru 13,900 kg ta’ batteriji,
  • ġew introdotti inizjattivi ġodda għall-ġbir ta’ metal u ħġieġ f’Marsaxlokk, Qui Si Sana, Ta’ Qali u Kennedy Grove, estiżi fis-sajf ukoll għal Għajn Tuffieħa, l-Għadira, M’Xlokk u Birżebbuġa. Minn dawn il-faċilitajiet (recycling bins) inġabru 830 tunnellata ta’ karta, 43 tunnellata ta’ kartun u 11-il tunnellata ta’ ħġieġ.
  • Madwar 450 tunnellata oħra ta’ ħġieġ inġabru u ġew ikkraxxjati u maħżuna biex jiġu esportati.

Francis Zammit Dimech qal li t-triq biex nsaħħu inizjattivi għal riċiklaġġ ta’ materjal li jkun intrama’ hi waħda iebsa iżda kien ċert li bil-kooperazzjoni ta’ kulħadd naslu, kif wasalna f’ħafna inizjattivi oħra li diġa’ ttieħdu.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

More Press Releases Right arrow