KAMRA SPEĊJALIZZATA ĠDIDA FL-ISKOLA PRIMARJA TAL-MELLIEĦA
Fl-Iskola Primarja Marija Bambina, Mellieħa, għadu kif tlesta proġett li jikkonsisti fit-twaqqif ta’ Kamra Speċjalizzata li fiha se jiġu mgħallma Xjenza u Teknoloġija, u Żvilupp Personali u Soċjali - Żewġ suġġetti li ngħataw importanza kbira fil-Kurrikulu Nazzjonali l-ġdid.
Permezz ta’ din l-esperjenza edukattiva fix-Xjenza u Teknoloġija, l-istudenti se jkunu jistgħu jitgħallmu kif ikejlu, janalizzaw, isolvu problemi, jiġbru u jinterpretaw id-data, jibnu mudelli, jaħdmu fi grupp, jesperimentaw, jikkomunikaw u jagħmlu użu minn mezzi awdjo-viżivi, kompjuters u apparat ta’ sigurta’. Barra minn dan, f’din il-kamra t-tfal se jingħataw opportunita’ jitgħallmu aktar fuq is-saħħa, l-ambjent u l-valuri, kif jieħdu ħsieb tagħhom infushom, kif jipproteġu ruħhom kontra kull tip ta’ abbuż, kif jiskopru t-talenti u n-nuqqasijiet tagħhom u kif jiżviluppaw il-ħiliet bażiċi tal-ħajja u tat-tagħlim. B’hekk l-istudenti se jingħataw taħriġ prattiku li se jiswielhom għall-ħajja ta’ kuljum.
Il-bini ta’ din il-kamra kien jinvolvi investiment ta’ Lm10,000. Din tkopri xogħol strutturali, paviment ġdid u madum tal-ħajt, apparat domestiku, bank tal-kċina, mwejjed u siġġijiet għat-tfal, blinds, żebgħa, fire-extinguishers u xogħol ta’ dawl, ilma u tqegħid tal-madum. Barra minn hekk il-kamra se tkun mgħammra b’apparat mill-aktar modern u sofistikat bħal m’huma Multi-Media Projector, Screen elettriku, Kompjuters, Technology Bench, Smart Board u oħrajn.
Ix-xogħol sar bl-għajnuna tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada kif ukoll ta' l-Istaff, tal-Kunsill Skolastiku u tal-ġenituri li organizzaw attivitajiet ta’ ġbir ta’ flus b’risq dan il-proġett. L-Ismart Board ġiet sponsorjata mid-ditta Jos. Vincenti & Co. Ltd. li pprovdew ukoll l-esperti fl-użu ta`l-Ismart Board biex jiġu mħarrġa l-għalliema fl-użu ta’ dan il-Board.
Il-Kamra ġiet inawgurata mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni is-Sur Paul Attard. Is-Sur Attard qal li l-iskola primarja tal-Mellieħa qed tagħti eżempju ħaj ta' l-iżviluppi li qed iseħħu fil-qasam edukattiv u fil-mod kif jitmexxew l-iskejjel tagħna. Hu qal li hu pożittiv ferm li fl-iskejjel tagħna l-imsieħba kollha, għalliema, tfal, ġenituri, il-kommunita' u l-industrija jaħdmu flimkien biex timxi ’l quddiem l-edukazzjoni f'pajjiżna. Hu tenna li bi proġett bħal dan mhux biss inkunu qed nipprovdu aktar riżorsi u apparat għall-istudenti iżda qed nagħmlu pass ieħor fl-implimentazzjoni tal-Kurrikulu Nazzjonali.
F'dawn l-aħħar snin il-Gvern għamel minn kollox biex it-twettieq tal-Kurrikulu Nazzjonali ikun jista` jseħħ kemm permezz ta' aktar riżorsi finanzjarji u umani kif ukoll permezz ta' l-istrutturi u l-appoġġ meħtieġ. Issa, hemm bżonn li l-poplu jibda jara u jmiss b'idejh il-frott tal-bidliet li saru u li qed iseħħu u din hi l-akbar sfida għall-kapijiet ta' l-iskejjel u l-għalliema. L-iskola tal-Mellieħa qegħdha fit-triq it-tajba.
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en