Tisħiħ fl-Ispettorat tas-SaĦĦa
Delegazzjoni mid-Direttorat Ġenerali tas-Saħħa u l-Konsumatur ta’ l-Unjoni Ewropea kellha kliem ta’ tifħir għall-mod ta’ organizzazzjoni fil-ħarsien tas-sigurtà ta’ l-ikel speċjalment għat-twaqqif tal-Kummisssjoni tal-Ħarsien ta’ l-Ikel li tikkoordina l-awtoritajiet kollha nvoluti fil-ħarsien ta’ l-ikel. Din id-delegazzjoni ġiet Malta biex tara f’hix waslet Malta fl-implimentazzjoni ta’ liġijiet dwar l-ikel fl-isfond ta’ liġijiet simili applikati fl-Unjoni Ewropea.
Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa, l-Onor. Dr. Louis Deguara, meta kien qiegħed jindirizza seminar ta’ aġġornament għall-Ispetturi tas-Saħħa. Dan is-settur bħalissa għaddej minn riforma kontinwa li ġabet magħha l-Ligi dwar il-Ħarsien ta’ l-Ikel.
Il-Ministru tas-Saħħa qal li minn dawn ir-riformi se jgawdi minnhom il-poplu Malti u dawk kollha li jiġu jżuruna. Hu għamilha ċara li nidħlu jew ma nidħlux fl-Ewropa, dawn ir-riformi riedu jitwettqu, għax il-poplu Malti jixraqlu livelli ta’ ħarsien tas-saħħa fl-ikel li jgawdu popli oħra f’pajjiżi ferm aktar avvanzati minna.
Il-Ministru Deguara rrikonoxxa u xtaq li anki l-konsumatur jirrikonoxxi x-xogħol siewi u d-dedikazzjoni ta’ l-Ispetturi tas-Saħħa fil-qadi ta’ dmirijiethom. Illum għandna spetturi mħarrġa tajjeb u bosta minnhom gradwati, li wkoll permezz ta’ apparat modern, jagħmluha ta’ għassiesa fuq il-proċess ta’ preparazzjoni u l-preżentazzjoni ta’ l-ikel li nikkunsmaw.
Waqt dan is-seminar qiegħed jiġi ntrodott apparat mill-aktar sofistikat li jiswa eluf ta’ liri u li ngħata min-NPAA (National Programme for the Adoption of the Acquis). Dan l-apparat se jżid fil-professjonalità tal-ħidma ta’ l-ispetturi u jgħolli l-livell tal-ħarsien fl-ikel.
Waqt dan is-seminar l-ispetturi ngħataw tagħrif dwar dan l-apparat u l-użu tiegħu fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum.
Meta wieħed jifli x-xogħol li għaddej f’dan id-Dipartiment speċjalment bid-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-Ħarsien tas-Sigurta’ fl-Ikel, wieħed għandu jserraħ moħħu li anke f’dan il-qasam, kemm il-konsumatur Malti u dak barrani se jkunu qegħdin igawdu minn livelli għolja ferm f’dan il-qasam hekk importanti, temm jgħid il-Ministru.
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en