AKTAR PROĠETTI TAL-COMENIUS FL-ISKEJJEL MALTIN
Il-proġetti tal-Comenius tal-Programm Socrates komplew jiżdiedu. L-iskola Primarja ta’ San Bastjan ta’ Ħal Qormi, bdiet tipparteċipa fil-programm Comenius flimkien ma’ numru ta’ skejjel oħrajn mill-Ġermanja, l-Olanda, l-Ingilterra u l-Isvezja. Il-Proġett, "Making Friends in Europe" hu maħsub biex jagħti lill-istudenti u lill-għalliema l-opportunita' li jaqsmu bejniethom ideat, esperjenzi u kulturi differenti.
Dan il-proġett, bħal proġetti oħra tal-Comenius, jagħmel emfasi fuq id-dimensjoni Ewropea. Dan jidher mill-fatt li numru ta’ pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll pajjiżi kandidati għal sħubija, jipparteċipaw ilkoll flimkien f’dawn il-proġetti. B’hekk ikun qed isir skambju ta’ kulturi, ta’ metodi ta’ tagħlim fl-iskejjel, ta’ strutturi innovattivi, kif ukoll skambju ta’ materjal ta’ tagħlim.
Eżempju ħaj ta’ kif isiru dawn l-iskambji, huwa permezz taż-żjarat li jitwettqu tul iż-żmien li jkun qed isir il-proġett – li normalment jieħu mat-tlett snin. F’dawn iż-żjarat l-għalliema li jkunu qedin jikkordinaw il-proġett fl-iskejjel rispettivi, iżuru l-iskejjel kollha l-oħra li qed jipparteċipaw u jkunu jistgħu jiddiskutu dwar kif se jfasslu l-proġett u jwettquh u x’riżultat se jinkiseb. L-għalliema jkunu jistgħu jaraw b’għajnejhom stess l-operat tal-iskejjel l-oħra, u barra l-kontribut li jagħtu, dan jgħinhom ukoll fix-xogħol tagħhom ta' kuljum għax jigu provduti ideat u materjal minn diversi pajjiżi mill-Ewropa li jkunu qed jipparteċipaw.
L-Unjoni Ewropea qed tipprovdi eluf ta’ liri biex jistgħu isiru dawn il-proġetti. Dawn il-flus qed jintużaw biex jiġi provdut il-materjal meħtieġ għal dawn il-proġetti, għar-riċerka, biex jinħoloq materjal edukattiv ġdid, kif ukoll biex isiru l-iskambji.
Uħud mill-iskejjel urew tant entużjażmu għal dawn il-proġetti li ħejjew “Comenius Room” – fejn wieħed ikun jista’ jsegwi l-andament tal-proġett u r-riżultati miksuba. B’hekk il-materjal kollu jkun milħuq faċilment – kemm mit-tfal kif ukoll mill-għalliema. L-Iskola ta' San Bastjan ta' Ħal-Qormi hi waħda minn dawn l-iskejjel.
Il-Ministru Galea qal li fl-aħħar mill-aħħar dawk li l-aktar igawdu minn dawn il-proġetti huma t-tfal infushom, għaliex jingħataw l-opportunita' li jsiru jafu aktar dwar pajjiżi Ewropej oħrajn, dwar id-drawwiet u l-kulturi, kif ukoll isiru jafu tfal oħrajn f’dawn il-pajjizi. Dan hu mod interessanti ħafna ta' kif it-tfal Maltin jiskopru aktar dwar id-dinja ta' madwarna u jinfetħu għal ideat ġodda.
Dr. Louis Galea qal li dawn il-proġetti qed jipprovdu għodod ġodda f’idejn l-għalliema biex ikunu jistgħu jgħallmu aħjar u b'mod aktar interessanti divertenti u parteċipattiv. Il-Ministru qal li fi ftit xhur l-iskejjel tal-Gvern kollha se jkollhom l-Internet. Dan għandu jintuża bħala għodda ewlenija biex l-istudenti jikkomunikaw bejniethom u ma’ studenti f'pajjiżi differenti. B'hekk mhux biss ikunu qed jikkomunikaw u jitgħallmu min dak li jaqraw iżda jkunu qed jitgħallmu kif jużaw il-kompjuter u t-teknoloġija moderna.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928