Left arrow Go Back

L-EWWEL STUDENTI TA' L-MCAST JIGGRADWAW

PR1609
Date Icon 15/11/2002

L-MCAST qed jieħu l-miżuri meħtieġa biex f'Settembru 2003 jiftaħ numru ta' Istituti oħra għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali fl-oqsma ta' l-inġinerija elettrika, l-inġinerija mekkanika, l-agri-kummerċ, u ta' servizzi komunitarji. Pjan ta' Żvilupp Strateġiku mifrux fuq numru ta' snin bħalissa qed jiġi diskuss mill-Bord tal-Gvernaturi bl-iskop li l-MCAST jilħaq il-miri li poġġa quddiemu il-Gvern li jsir strument ewlieni għall-iżvilupp tar-riżorsa umana li qed tiġi bżonn l-ekonomija Maltija. Dan ħabbru l-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Dr Louis Galea, meta il-bieraħ indirizza studenti, għalliema u ġenituri waqt l-ewwel sessjoni ta' l-ewwel Gradwazzjoni li qed jorganizza l-MCAST. Fiċ-ċerimonja ta' Gradwazzjoni tkellmu wkoll Victor Scicluna, President tal-Bord tal-Gvernaturi, u Roy Snelling, il-Prinċipal tal-Kulleġġ. Student ta' l-Istitut ta' l-Arti u d-Disinn, Damian Buġeja, għamel id-diskors f'isem l-istudenti tal-Kulleġġ.

Tul il-jumejn ta’ Gradwazzjoni ser jieħdu ċertifikati u diplomi 333 ġuvintur u tfajliet. 85 minnhom ħadu diplomi tekniċi fl-Elettronika Industrijali, fid-Disinn Industrijali u fil-Computing. 180 ħadu ċertifikati tekniċi wara korsijiet ta' sentejn u oħrajn ta' erba’ snin fl-oqsma ta' l-elettronika, l-inġinerija tal-bini u l-kostruzzjoni, business u kummerċ, u arti u disinn. 68 student ħadu ċertifikati wara li għamlu Foundation Courses. 125 studenti ser ikomplu l-istudji tagħhom fl-MCAST.Numru minn dawn l-istudenti kienu bdew il-korsijiet taghhom fl-iskejjel taħt id-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni.

Il-Ministru Louis Galea fisser l-impenn tal-Gvern li, minbarra l-Universita`, jagħti liż-żgħażagħ u lill-adulti nisa u rġiel istituzzjoni oħra ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali ta' l-ogħla livell b'ċertifikati, diplomi u degrees li għad iridu jiġu rikonoxxuti sew mill-Universita` ta' Malta kif ukoll barra minn Malta. Fl-ewwel sena li l-MCAST ilu jopera diġa' beda jistabilixxi ruħu bħala Kulleġġ li ż-żgħażagħ isibu fih opportunitajiet għall-futur tagħhom. Il-Gvern flimkien mal-Bord tal-Gvernaturi qed jaħdem biex f'Settembru li ġej il-Kulleġġ iħaddan fih numru ta' Istituti ġodda fl-oqsma ta' l-inġinerija elettrika u mekkanika, l-agri-kummerċ u ta' servizzi komunitarji.

"Fix-xhur li ġejjin inkunu qed naħdmu l-ewwel biex inkomplu niżviluppaw is-sitt Istituti li diġa` ġew inkorporati fil-Kulleġġ. L-Istitut tat-Teknoloġija tal-Informatika u l-Kommunikazzjoni, dak ta' l-Inġinerija Elettronika u dak ta' Arti u Disinn qed jimmiraw li jibdew korsijiet ġodda għall-Livell 4 tal-Higher National Diploma. It-tieni ser naraw li jkun hemm aktar edukazzjoni u taħriġ inter-dixxiplinari bejn l-Istituti kollha billi tkompli tinfirex is-sistema modulari. It-tielet, ix-xogħol li kien isir s'issa mill-iskejjel tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni (l-Istitut Mikelanġ Sapiano, l-iskola Carmen Carbonaro, l-iskola Mother Theresa, il-Pre-School Education Course, u l-Kulleġġ ta' l-Agrikoltura Guże` Micallef ) mis-sena d-dieħla jibda jsir mill-MCAST. Wara li din is-sena ftaħna f'Għawdex il-Gozo MCAST Centre, ser naħdmu biex insaħħuh ħalli ż-żgħażagħ Għawdxin ukoll ikollhom opportunitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ u b'hekk nassiguraw li l-ekonomija Għawdxija ikollha n-nies imħarrġa għall-opportunitajiet ta' xogħol li jinħolqu mhux biss f'Malta iżda wkoll f'Għawdex," fisser Louis Galea.

Il-Ministru Louis Galea qal li fl-ewwel sena li l-MCAST ilu jopera diġa' beda jistabilixxi ruhu bħala Kulleġġ li ż-żgħażagħ isibu fih opportunitajiet għall-futur tagħhom. Fil-fatt din is-sena applikaw 1,753 student, iżda 334 student li bagħtu għalihom spiċċaw biex ma marrux għaliex jew daħlu l-Universita` jew għazlu linja oħra ta' studju jew xogħol. Mill-1426 student li zammew l-applikazzjoni tagħhom il-Kulleġġ din is-sena seta` jdaħħal 1100. Ħdax-il kors li qed isiru huma korsijiet ġodda li nħolqu kemm ilu li fetaħ l-MCAST. Il-Gvern qed jaħseb biex għas-sena d-dieħla isaħħaħ l-investiment biex jitjiebu l-faċilitajiet u l-workshops, jiżdied ammont ieħor ta' spazju, u jinħolqu s-servizzi għall-istudenti li hemm bżonn.

Louis Galea sostna li l-MCAST jeħtieġ ikun kulleġġ speċjali, miftuħ minn filgħodu sa filgħaxija, b'korsijiet full-time u oħrajn part-time, flessibbli skond il-bżonnijiet taż-żgħażagħ, tan-nisa u l-irġiel, sew jekk qed jaħdmu u sew jekk qiegħdin id-dar. Il-Gvern irid li il-Kulleġġ ikollu viżjoni wiesgħa ta' x'inhi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali biex ikun tassew rilevanti għad-dinja tal-lum. Il-Ministru Galea saħaq li s-suċċess tal-Kulleġġ irid jitkejjel minn kemm jirnexxielu jipperswadi l-employers jiġru wara in-nies li jkunu għaddew mill-korsjiet ta' l-MCAST. Huwa għalhekk li minbarra standards b'saħħithom fl-oqsma speċifici tat-taħriġ, il-Kulleġġ irid ikun b'saħħtu ħafna biex jassigura li kull student ikollu bażi tajba ta' litteriżmu, ta' I.T., ta' hila komunikattiva, ta' inizjattiva, jaf isolvi l-problemi, jaħdem f'team u b'attitudni favur l-intrapriża.

"Aħna rridu li l-Kulleġġ jinvesti fiż-żgħażagħ u fil-ħaddiema tagħna biex jagħtihom żvilupp uman sħiħ, konxji tal-kwestjonijiet soċjali, ambjentali u politiċi, kapaċi jkunu ċittadini attivi u responsabbli. Dan hu l-aqwa inċentiv li nistgħu nagħtu biex nattiraw l-aqwa investiment għal aktar xogħol u prosperita'," temm jgħid Louis Galea.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

More Press Releases Right arrow