Left arrow Go Back

DISKORS MILL-MINISTRU TAS-Saħħa, DR. LOUIS DEGUARA waqt seminar organizzat mill-Malta Union of Midwives and Nurses (MUMN) bit-tema: "fejn Sejrin?" – San Giljan – 14 Novembru 2002

PR1606
Date Icon 14/11/2002

Nixtieq nirringrazzja lill-MUMN, l-ewwel ta` l-inizjattiva li ħadet biex torganizza dan is-seminar. Dawn is-seminars huma okkażjoni tajba għal bdil ta’ ideat u djalogu kif ukoll huma mezz effikaċi għal edukazzjoni kontinwa professjonali. It-tieni talli tatni dan iċ-ċans li nindirizza din il-konferenza li l-għan tagħha hu li tħares lejn il-ġejjieni fil-qasam tas-Saħħa b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-infermiera u l-qwiebel.

Wieħed ma jistax iħares lejn il-futur mingħajr ma janalizza il-preżent u jevalwa dak li sar fil-passat. Il-Gvern tiegħi sa mill-1987 kien kommess li jirriforma u jsaħħah is-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna. Kienet u għadha il-politka tal-Gvern li jkun hemm diċentralizzazzjoni tas-servizzi tas-saħħa biex id-deċiżjonijiet maniġerjali jkunu jistgħu jittieħdu viċin il-pazjent. Din kienet il-bażi ta’ l-ewwel riforma li saret fid-Dipartiment tas-Saħħa meta fil-bidu tad-disgħinijiet id-Dipartiment tas-Saħħa ġie mibdul f’diviżjoni b’numru ta’ dipartimenti b’direttur responsabbli minn kull wieħed sabiex it-tmexxija tas-servizzi tas-saħħa tibda l-ewwel pass ta’ diċentralizzazzjoni.

Illum qegħdin naraw il-frott ta’ dan il-pass u wasalna biex nieħdu t-tieni pass, dak li tingħata l-awtonomija lill-isptarijiet u servizzi oħra u b’hekk id-diviżjoni tas-saħħa tinża l-irwol ta’ fornitur tas-servizzi u żżomm biss dak ta’ regolatur. Kulħadd jaqbel li ħadd ma jista’ jkun imħallef tiegħu nnifsu. Għalhekk din is-separazzjoni għandha minn qaddisa tkun ta’ risq u protezzjoni ikbar għall-pazjent u tgħolli l-istandards tal-kura wkoll b’risq il-pazjent.

Din il-mixja lejn l-awtonomija ilha li bdiet numru ta’ snin. Bdejna fuq bażi sperimentali fl-isptar Boffa u issa b’mod aktar mifrux u estensiv fl-isptar Monte Carmeli. Illum fl-isptar Monte Carmeli wasalna biex ir-responsabbilta` għall-użu tar-riżorsi fl-isptar niżlet sal-livell tas-sala u kemm min qiegħed jipprovdi kif ukoll min qiegħed jirċievi s-servizz beda jgawdi mill-benefiċċji. Bħala l-ewwel pass lejn awtonomija sħiħa ta’ l-isptar Monte Carmeli u wara konsultazzjoni sħiħa u qbil mal-unions kollha, minn Jannar li ġej l-isptar ser jingħata l-awtonomija finanzjarja u għalhekk mil-lat finanzjarju jkun jitmexxa b’mod indipendenti mid-Diviżjoni tas-Saħħa.

La darba tissaħħaħ din is-sistema u wara li jkunu konklużi d-diversi negozjati li jridu jsiru mar-rappreżentanti tal-ħaddiema rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-isfond ta’ l-awtonomija, jkun possibbli li l-isptar Monte Carmeli jingħata l-awtonomija totali biex b’hekk ikun l-ewwel sptar awtonomu. Din l- esperjenza qed isservi ta’ mudell għall-għoti ta’ l-awtonomija finanzjarja u maniġerjali lill-isptarijiet l-oħra.

Tajjeb li wieħed ifakkar li qabel ma tingħata l-awtonomija jridu jinħolqu u jiġu żviluppati s-sistemi maniġerjali li jiggarantixxu tmexxija responsabbli u għaqlija tas-servizz konċernat. Dawn jirrikjedu tibdiliet fil-mod li naħdmu u nappella għall-koperazzjoni ta’ kulħadd biex flimkien inkunu nistgħu nilhqu l-għan aħħari tagħna.

Il-Gvern preżenti, fil-pjanijiet tiegħu għar-riformi, ħaseb ukoll fil-ħtieġa għar-riżorsi umani. Kien għalhekk li sa mill-bidu nett waqqaf l-Istitut għall-Kura tas-Saħħa li tul dawn l-aħħar ħmistax–il sena kien għajn ta’ diversi professjonisti paramediċi u numru inkoraġġanti ta’ infermiera u qwiebel. Issa li l-ħtieġa għall-kwantita` ma ghadhiex akuta kif kienet fil-passat, qed isiru l-isforzi kollha biex ngħollu l-livell ta’ l-infermiera u l-qwiebel tagħna.

Kien għalhekk li ġie deċiż, anke bi ftehim ma’ l-MUMN, li l-korsijiet fil-livell ta’ ċertifikat kellhom jitwaqqfu u qed isiru biss dawk ta’ diploma u degree. Il-biża’ ta’ xi whud li bil-miżuri li ħadna ma konniex se nsibu studenti biżżejjed kien bla bażi. Għax il-fatti taw raġun lilna li kellna l-kuraġġ nieħdu d-deċiżjonijiet. Dis-sena daħlu 127 għall-kors tad-diploma u 35 għall-kors tal-B.Sc., kollox 162. Dan ifisser li resqin bil-għaġġla għal full complement u kif ilni nittama, u l-indikazzjonijiet li qed insemmi hekk qed juru, għad naslu fi żmien fejn l-infermiera u l-qwiebel tagħna jkunu kollha gradwati.

Dan kollu hu prova kemm il-professjoni qed tħajjar mhux biss in-numri imma l-kwalita`. L-ippjanar bil-għaqal qed jagħti l-frott mixtieq. L-istruttura ġdida ta’ l-infermiera u r-reviżjoni fis-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol qed tfisser mhux biss opportunita` għall-avvanz fil-karriera iżda iktar awtonomija għall-professjoni. Fil-fatt il-managers għandhom il-fakulta` kollha kif iqassmu l-infermiera u l-qwiebel fis-sezzjonijiet li jaqgħu taħthom mingħajr indħil politku jew ċentrali.

Li wieħed javvanza fil-professjoni tiegħu huwa tajjeb, iżda lkoll nafu li bl-iżviluppi mgħaġġla fil-qasam tal-mediċina, illum hemm ħtieġa assoluta ta’ aġġornament professjonali kontinwu matul il-karriera. Dan kien wieħed mill-għanijiet prinċipali li għalih il-Gvern kien waqqaf id-Direttorat tan- Nursing. Dan id-direttorat, minbarra li kellu jinstabilixxi l-istandards u l-policies fl-għoti tas-servizz mill-infermiera u l-qwiebel, kellu wkoll jiżgura li jkun hemm żvilupp kontinwu ta’ dawn il-professjonijiet.

Huwa minnu li għal diversi raġunijiet, l-iżvilupp ta’ dan id-direttorat kien imxekkel għal numru ta’ snin, iżda nittama li bil-ħatra riċenti tad-direttur il-ġdid u bil-ħatra ta’ tliet assistenti diretturi dan id-direttorat ikun jista’ jagħti dak il-frott li għalih kien mwaqqaf.

Wieħed ma jistax iħares lejn il-futur mingħajr ma jsemmi s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Ma hemm l-ebda dubju li l-aġġornamenti fis-sistemi u l-liġijiet tagħna li ġew xprunati mill-politka tas-sħubija wasslu biex isiru il-bidliet li l-ħtieġa tagħhom kienet ilha tinħass għal numru ta’ snin. L-avvanz fil-livell akkademiku fl-Istitut għal Kura tas-Saħħa ġiebna f’pożizzjoni fejn ftit jew xejn ma kellna xi nbiddlu sabiex il-livell ta’ taħriġ ta’ l-infermiera u l-qwiebel tagħna jikkonforma mal-livelli mitluba mill-Unjoni Ewropea.

Permezz tal-liġi l-ġdida li tirregola l-professjonijiet li jaħdmu fil-kura tas-saħħa, ser jiġi rregolat ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki f’dan il-qasam. Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea ser toffri opportunitajiet ġodda għal professjonisti tagħna għax ser tpoġġihom fuq livell akkademiku rikonoxxut bħala ekwivalenti mill-pajjiżi kollha ta’ l-Ewropa.

Barra minhekk, is-sħubija fl-Unjoni Ewropea ser tiftaħ opportunitajiet ġodda biex il-professjonisti tagħna, permezz tad-diversi programmi li tħaddem l-Unjoni Ewropea, ikunu jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ma’ kollegi f’pajjiżi diversi u jkollhom l-opportunita` wkoll li jiksbu esperjenza prattika fid-diversi pajjiżi ta’ l-Ewropa.

Min-naħa l-oħra l-biża’ li nimtlew b’infermiera barranin hu għal kollox barra minn loku. Min ibeżża’ b’hekk juri u jagħti ċertifikat ta’ nuqqas ta’ fiduċja fil-kapaċitajiet ta’ l-infermiera Maltin. Hu s-sens ta’ inferjorita` li għadu jippersisti mill-era kolonjali. Jekk fil-pajjiżi tal-lvant ta’ l-Ewropa hemm infermiera żejda s-sens komun u l-provi juru li dawn imorru fejn hemm l-ogħla pagi. Jekk ġejna kklassifikati l-ħames mhux mertu tal-politiċi biss, jew tat-tobba biss, imma hu mertu ta’ kull min jaħdem fis-settur tas-saħħa inklużi speċjalment l-infermiera.

Minbarra x-xogħol li qiegħed isir fuq l-awtonomija ta’ l-isptarijiet u s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea għad hemm oqsma fil-qasam tas-saħħa li jridu jiġu ndirizzati. Wieħed ma jistax jitkellem fuq l-effiċjenza fis-servizzi ta’ l-isptar mingħajr ma jagħmel referenza għas-servizzi offruti fil-qasam tal-kura primarja. Għalkemm sallum esperjenzajna diversi diffikultajiet biex inkunu nistgħu niżviluppaw dan il-qasam, ma għandi l-ebda dubju li l-introduzzjoni ta’ taħriġ professjonali speċifiku għal dan il-qasam għat-tobba li huwa ppjanat li jibda s-sena dieħla, ser ikun l-ewwel pass biex nindirizzaw it-tibdil li hemm bżonn f’dan is-settur.

Ser ikun hemm wkoll il-ħtieġa għal taħriġ speċjalizzat għall-infermiera f’dan il-qasam u jien infurmat li bdew isiru taħdidiet preliminari ma’ l-Istitut għall-Kura tas-Saħħa biex ikun jista’ jiżviluppa programmi ta’ taħriġ f’dan il-qasam. B’hekk nkunu wkoll qed nindirizzaw pilastru ieħor tas-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna.

Jiena nawgura li l-passat ikun il-mera tal-futur. Meta wieħed jara minn fejn tlaqna u fejn wasalna wieħed japprezza l-passi kbar li diġa` irnexxielna nagħmlu u jimtela b’fiduċja kbira għall-futur. Flimkien ser inkunu f’pożizzjoni li nwettqu dak kollu li hemm ippjanat. Dan għandu jwassal biex is-servizzi li aħna noffru mhux biss jagħtuna sodisfazzjon professjonali akbar, iżda jwassal ukoll biex ikollna servizzi tas-saħħa li fiċ-ċentru tagħhom ma jkun hemm ħadd ħlief il- pazjent.

Dan iwassalni għall-aħħar osservazzjoni. Qatt ma għandna ninsew li aħna nafu xogħolna lill-pazjent. Mingħajr il-pazjent m’hemmx lok għalina. Il-poplu Malti qiegħed jinvesti miljuni kbar fi sptar ġdid. Ghall-Gvern preżenti dan il-proġett ta’ fejda hu okkażjoni oħra biex nuru bil-fatti li l-għan aħħari tal-ħidma tagħna hu li nżommu quddiem għajnejna il-ġid sew ta’ min jipprovdi imma żgur aktar ta’ min jirċevi is-servizz tas-saħħa.

Hija ukoll okkażjoni fejn nesprimu b’mod ċar il-valuri li inħaddnu, valuri bħal sens qawwi ta’ solidarjeta’ u sussidjarjeta ma ħutna, li kburin li jiddistingwu lill-Maltin minn nazzjonijiet oħra. Deċiżi li l-pazjent ikun fiċ-ċentru tal-policies tagħna u fit-twettiq tagħhom. Hemm bżonn li nibdlu l-mentalita` u l-kultura tagħna. Min-naħa tagħna biex dan jitwettaq beħsiebna li fil-bords u f’kull livell ta’ tmexxija ndaħħlu rappreżentanti tal-pazjenti.

Min-naħa tagħkom u tal-professjonisti l-oħra nistennew li tilqgħu prattiċi moderni bħal team work b’moħħ miftuħ għall-ġid tal-professjoni imma fuq kollox għall-ġid tal-pazjent.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

More Press Releases Right arrow