Tiftaħ il-Fiera tal-Ktieb
Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea inawgura it-18-il edizzjoni tal-Fiera tal-Ktieb fit-Trade Fair Grounds tan-Naxxar. Il-Fiera tal-Ktieb ġiet organizzata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Librerija Nazzjonali ta' Malta.
F'din l-Edizzjoni se jkun hemm żieda ta' 20% fin-numru ta' esibituri li minn 24 is-sena li għaddiet telgħu għal 30 din is-sena. It-tema magħżula għal din is-sena hi "Nofs Seklu ta' Poeżija Maltija" u b'hekk ittellgħet wirja dwar il-poeżija Maltija f'dawn l-aħħar 50 sena kif ukoll se jkun hemm il-parteċipazzjoni ta' PoeżijaPlus. Fil-Wirja se jkun hemm selezzjoni ta' litteratura minn 74 poeta.
Inizjattiva ġdida li qed issir f'din l-edizzjoni tal-Fiera tal-Ktieb hi waħda mill-Fondazzjoni ghal Servizzi Edukattivi. Il-Fondazzjoni se torganizza sessjonijiet ta' qari minn personalitajiet bħal Dr. Ċensu Tabone, Ira Losco u oħrajn. Il-qari se jsir minn kotba differenti fosthom dawk li l-fondazzjoni ppublikat reċentament flimkien mal-HSBC Cares for Children fund u l-Klabb Kotba Maltin.
Waqt il-ftuħ il-Ministru Louis Galea tkellem dwar l-importanza tal-qari mhux biss għat-tfal iżda wkoll għall-adulti. Hu qal li l-qari fil-familji għandu jiġi mħeġġeġ il-ħin kollhu għax il-qari hu ċ-ċavetta għal kisbien ta' l-erf u illum iktar minn qatt qabel biex wieħed ikun jista jgħix ħajja normali.
Il-Ministru tkellem dwar diversi inizjattivi li qed jittieħdu biex issir aktar emfasi fuq il-kitba u l-qari u b'mod partikolari l-kitba u l-qari bil-Malti. Fosthom semma l-iniżjattivi li qed tieħu l-Fondazzjoni għal-Servizzi Edukattivi, il-programmi ta' qari għat-tfal li jsiru fil-Librerija Ċentrali u l-premju letterarju.
Dwar il-Premju Letterarju, il-Ministru qal li din is-sena kien hemm rekord ta' sottomissjonijet u l-ammont allokat għall-premijiet għal din is-sena ġie irduppjat għal Lm 20,000.
Il-Ministru temm jawgura li l-Maltin jattendu din il-Fiera bi ħġarhom għaliex hemm kotba għal kull livell u għal gosti ta' kulħadd.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en