Il-Prim Ministru jżur l-Iskola Sir Adrian Dingli - “Investiment qawwi fl-edukazzjoni ta’ uliedna"
Il-Prim Ministru Dr. Eddie Fenech Adami għamel żjara uffiċjali fl-iskola Sir Adrian Dingli f’Pembroke, fejn tlestiet l-ewwel fażi tal-proġett f'din l-iskola. Dan il-proġett hu wieħed mill-proġetti ewlenin tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada.
F’din l-ewwel fażi tal-proġett – li damet għaddejja ftit inqas minn sena - sar investiment ta' Lm 600,000 fuq Blokk A u B. F’din l-istess sena wkoll, ġie deċiż li jitlestew ukoll iż-żewġ sulari ta’ fuq tal-Blokk Ċentrali ta’ l-iskola, li tintuża għall-amministrazzjoni. Dawn fil-fatt tlestew ukoll, b'investiment ta’ Lm 200,000. Meta tkun lesta kompletament, fl-iskola Sir Adrian Dingli se jkun sar investiment ta' aktar minn Lm 2 miljuni.
L-iskola Sir Adrian Dingli inbniet oriġinarjament bħala sptar militari li ġie f’idejn il-Gvern Malti fl-1979. Fil-1984, il-bini beda jiġi użat bħala skola. Madankollu ma sarx l-investiment meħtieġ, u allura l-istudenti li kienu jattendu din l-iskola kienu għal snin sħaħ jattendu l-lezzjonijiet ġo bini li sa ftit snin qabel kien iservi bħala sptar.
Il-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada, li bdiet topera daqs sena u nofs ilu, bdiet taħdem fuq pjan aċċellerat biex fi żmien sentejn l-iskola kollha tiġi modernizzata u tilħaq l-istandards għolja li qed ipoġġi quddiemna l-Kurrikulu Nazzjonali. Fl-ewwel sena tal-proġett, il-Fondazzjoni tefgħet l-enfasi kollu tagħha fuq dawk il-faċilitajiet li l-iżjed li kellhom bżonn it-tfal, l-għalliema u l-istaff kollu ta' l-iskola - jiġifieri l-klassijiet. Ingħalaq blokk sħiħ u t-tfal li kienu jattendu l-iskola f'dan il-blokk bdew jattendu fi skola oħra li ġiet modernizzata riċentement f' tas-Sliema.
Fil-blokki fejn sar ix-xogħol, il-klassijiet kollha ġew alterati strutturalment biex kull klassi issa hi ta' 62 m2 u kull klassi għandha wkoll Resource Room li tintuża skond il-bżonnijiet ta' kull klassi.
Il-klassijiet ġew modernizzati kompletament, kull klassi għandha: aperturi ta' l-aluminju ġodda bil-ħġieġ doppju (double glazed) għall-konservazzjoni ta' l-enerġija u biex jitnaqqas l-istorbju; madum ġdid; sistema ġdida ta' dawl, ilma, telephone u network għall-kompjuters; suffett li filwaqt li jtejjeb l-akustika fil-klassijiet jintuża biex minn fuqhu jgħaddu s-servizzi kollha, inklużi dawk ta' kontra n-nirien, għall-fannijiet u dawl; bibien interni ġodda ta' l-injam; imwejjed u siġġijiet restawrati; whiteboards u numru ta' notice boards; intercom maċ-ċentru ta' l-iskola u public address system; u apparat ieħor inkluż dak awdjoviżiv, skond il-bżonnijiet ta' kull klassi.
F’din l-ewwel fazi, tlestew mas-27 klassi, kif ukoll erba' laboratorji ta’ xjenza, tlett klassijiet għall-Arti, u kamra oħra għat-Technical Drawing. Tlestew ukoll tlett staff rooms imdaqqsin għall-għalliema. Dawn l-istaffrooms huma kollha mgħammra b’kitchenettes u facilitajiet sanitarji għalihom. Saru wkoll l-uffiċini tal-Kap ta’ l-iskola, l-assistenti kapijiet, u għall-bqija ta’ l-amministrazzjoni.
L-iskola kollha se tkun kompletament konformi mal-linji ta' gwida tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni skond il-ħtiġijiet tal-Kurrikulu Nazzjonali, mal-linji ta' gwida dwar l-aċċessibilita u mal-linji ta' gwida dwar is-sigurta'.
Biex tkun aktar aċċessibbli, partikolarment għall-persuni b'disabilita', l-iskola se jkollha lifts f'kull blokk; kmamar apposta b'faċilitajiet sanitarji kemm għall-istudenti kif ukoll għall-istaff; bibien bil-ħġieġ apposta; mankijiet tal-bibien, plakkek u switches li jistgħu jintużaw minn kullħadd anke persuna fuq siġġu bir-roti; bibien wiesgħa eċċ.
L-FTS issa bdiet taħdem fuq it-tieni fażi. Fil-fatt ix-xogħol ta’ ppjanar diġa sar. It-tieni fażi se tinkludi it-tlestija tal-Blokkijiet C u D, kif ukoll it-tlestija tas-sulari li fadal fil-parti ċentrali u s-sala.
Fit-tielet fażi jsir il-landscaping tal-grounds kollha ta' l-iskola. Meta tkun lesta, il-faċilitajiet ta' l-iskola se jinkludu aktar minn 50 klassi kull waħda bir-Resource Room tagħha, seba' laboratorji tax-xjenza, laboratorji tat-teknologija, laboratorji tal-Home Economics, laboratorji tal-Kompjuter, klassijiet għall-Arti, għall-Business Studies u għall-Environmental Studies u diversi klassijiet speċjalizzati oħra.
Fost il-kunċetti ġodda li qed tħaddem l-FTS hemm dak li parti mill-investiment kapitali imur għal xogħlijiet ta' arti. F'din l-ewwel fażi ġew kummissjonati xogħol ta' Luciano Micallef li esegwixxa mural fuq ġewwa għoli tlett sulari, u xogħol ieħor taċ-ċeramista Sina Farruġia li wettqet skultura b'dgħajjes simbolu tal-vjaġġ edukattiv.
Il-Fondazzjoni qed iddaħħal ukoll kunċett importanti fix-xogħlijiet li qed isir fl-iskejjel, il-kunċett tar-riċiklaġġ. Il-Fondazzjoni rat li kemm jista jkun ma tiġġenerax skart żejjed u bla bżonn, kemm għal raġunijiet ambjentali kif ukoll għax finanzjarjament tista tiggwadanja. Eżempju ċar hu x-xogħol li sar biex is-siġġijiet u l-imwejjed tal-klassijiet jiġu restawrati. Eżempju ieħor hi d-deċiżjoni li ħadet il-Fondazzjoni biex iżżomm, ittejjeb u tuża poġġamani eżistenti tat-trombi tat-taraġ ta' ġewwa kif ukoll iżżomm persjani u twieqi ta' l-injam biex jerġgħu jintużaw flok jintremew kif ħafna drabi sar s'issa.
Hu tajjeb li wieħed jinnota li kważi x-xogħol kollu li sar fl-ewwel fażi tal-proġett sar minn impjegati tal-Gvern jew minn impjegati ta' entitajiet pubbliċi li jinkludu l-ħaddiema tat-Taqsima tas-Servizzi Tekniċi tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni stess, li ħadu ħsieb ix-xogħol strutturali, kważi kollu, kif ukoll il-ħaddiema tal-Marsa Shipbuilding, tal-Kalaxlokk, tal-Kooperattiva ta' l-Injam u tal-Kooperattiva ta' l-Aluminjum.
Waqt iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru kellu l-opportunita' jara d-differenza bejn il-bini l-antik u l-iskola kif modernizzata. Hu tkellem ukoll ma' l-istudenti u ma' l-għalliema ta' l-iskola. Tkellmu wkoll il-Ministru Louis Galea, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni s-Sur Charles Mizzi, ċ-Chairman tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada Dr. Conrad Thake u l-Kap ta' l-Iskola Marilyn Sciortino.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928