Left arrow Go Back

GVERN 1998-2003 – ‘PROĠETTI’

PR1585
Date Icon 11/11/2002

Inizjattivi u Ideat

‘Fuq skala nazzjonali, il-pajjiż issaħħaħ f’diversi modi matul dawn l-aħħar erba’ snin. Il-kwalità tal-ħajja tjiebet għal kulħadd, kemm b’riżultat ta’ proġetti kapitali tal-Gvern kif ukoll b’riżultat ta’ proġetti kapitali b’investiment qawwi mis-settur privat.’ Dan ħabbru l-Viċi Prim Ministru, Dr Lawrence Gonzi waqt konferenza stampa dwar il-ħidma tal-Gvern f’dawn l-aħħar erba’ snin biex jitkattru l-proġetti. Il-konferenza stampa kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, Francis Zammit Dimech.

Proġetti ta’ Tisbiħ

Numru ta’ lokalitajiet raw titjib fl-ambjent b’riżultat ta’ proġetti ta’ tisbiħ. Dan diġà seħħ f’ Tas-Sliema, bil-proġett ta’ tisbiħ tal-promenade, kif ukoll f’San Ġiljan, fejn tlestew l-ewwel tliet fażijiet tal-proġett ta’ tisbiħ li kienu jinvolvu xogħol strutturali estensiv. Sar ukoll xogħol ta’ platforms fil-baħar li fuqhom inbnew belvederes ġodda.

Xogħol ieħor twettaq f’Birżebbuġa, f’ Marsaxlokk u f’Wied il-Għajn, il-Bajja ta’ San Tumas, il-Floriana u l-Mellieħa. Il-Gvern impenja ruħu għal dawn il-proġetti kollha sabiex il-Maltin jgħixu kwalità ta’ ħajja ogħla f’ambjent isbaħ. Fl-aħħar erba’ snin, il-Gvern investa ’l fuq minn Lm4 miljun fid-diversi proġetti ta’ tisbiħ.

Riabilitazzjoni u Restawr

Il-proġett għar-riabilitazzjoni tal-belt Valletta kien jinkludi restawr fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-installazjoni ta’ sistema ta’ dwal fi Triq ir-Repubblika, restawr ta’ affreski ta’ Paladini u D’Aleccio fil-Palazz il-Belt u pavimentar ta’ toroq.

Twettaq ukoll restawr fil-Berġa ta’ l-Italja u l-Berġa tal-Baviera. Fil-Floriana, l-Imdina, Bormla, l-Isla, u l-Birgu tkompliet ukoll ħidma ta’ restawr u riabilitazzjoni ta’ bini storiku, sabiex jitħares il-wirt storiku u tingħata dehra ġdida lill-ibliet fortifikati tagħna.

Sar xogħol estensiv ta’ restawr fuq bini storiku madwar Malta u Għawdex. Permezz tal-Unit tar-Restawr, twettqu 70 proġett ta’ restawr filwaqt li hemm 30 proġett ieħor li qed jitwettaq u 20 proġett f’ diversi stadji ta’ ippjanar. Għall-proġetti ta’ restawr u riabilitazzjoni, ġew investiti aktar minn Lm8 miljun. Fost l-oħrajn ġew rrestawrati l-Palazz ta’ Verdala fil-Buskett u n-niċċa ta’ San Pawl fis-Saqqajja, ir-Rabat. Ġie ppreparat ukoll tender għal security fence ġdid biex jitħarsu t-tempji preistoriċi ta’ l-Imnajdra.

Parks u Konservazzjoni tal-Pajsaġġ

Twaqqfet sezzjoni bir-responsabbiltà prinċipali li tiżviluppa u timmaniġġja l-Parks nazzjonali u reġjonali kif ukoll tieħu ħsieb xogħol ġenerali ta’ tindif, tisbiħ u ħarsien fil-pajsaġġ u l-kampanja ta’pajjiżna.

Is-Settur Privat

Il-Gvern inkoraġġixxa numru ta’ proġetti kbar b’involviment ta’ investiment qawwi mis-settur privat. Il-Proġett tal-Kottonera baqa’ għaddej bir-ritmu li qabad fejn wara li fetaħ il-Casinò di Venezia f’palazz irrestawrat, issa qed isir xogħol ta’ bini ta’ appartamenti u stabbilimenti kummerċjali. F’dawn il-jiem kien iffirmat ftehim bejn il-Casinò di Venezia u l-Port Cottonera Limited għall-akkwist ta’ l-art mill-Casinò di Venezia biex tinbena lukanda Five Star fix-xatt tal-Birgu. Qed isir ukoll restawr u riabilitazzjoni ta’ bini storiku, twassil ta’ servizzi u xogħlijiet ta’ tiswija tal-mollijiet mill-Gvern. Fix-xhur li ġejjin se tinbena l-yacht marina.

Il-proġett ta’ Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne` miexi b’ritmu mgħaġġel. Wara li sar ħafna xogħol ta’ skavar f’Tigne’ biex jinbena carpark u jgħaddu s-servizzi, issa beda x-xogħol propju tal-bini. Fil-Ponta ta’ Tigne’ se jinbnew aktar minn 400 post residenzjali, ħwienet, stabbilimenti ta’ l-ikel u uffiċini. Se jkun hemm ukoll faċilitajiet sportivi u parkeġġ taħt l-art għal kważi 2,000 vettura.

Beda jitwettaq xogħol vast ta’ restawr f’Manoel Island, fejn se jinbnew 356 post ta’ akkomodazzjoni f’forma ta’ villaġġ. Se jkun hemm parks u ġonna u se jkunu żviluppati aħjar ix-xtut. Kemm il-Forti Manoel kif ukoll il-Ponta ta’ Tigne’ se jkunu aċċessibbli għal kulħadd. Tqiegħdu żewġ pontoons f’ Manoel Island fejn qed jirmiġġjaw 100 yacht ; numru li mistenni jitla’ għal 260 irmiġġ fix-xhur li ġejjin.

Fix-xatt tal-Belt inbeda proġett li jikkonsisti fl-iżvilupp ta’ Cruise Liner Passenger Terminal u International Sea Passenger Terminal u r-restawr u l-iżvilupp mill-ġdid tal-bini storiku li hemm fuq is-sit, bħal Pinto Stores, Forni Stores, u l-Power Station il-Qadima. Diġà nbena l-blokk alternattiv għar-residenti u l-ħwienet involuti f’dan il-proġett filwaqt li beda x-xogħol fuq il-bini ta’ triq ġdida li se twassal mill-Marsa għall-belt Valletta u li se tgħaddi wara l-imħazen Pinto u Forni.

Dawn il-tliet proġetti kbar, li bejniethom jinvolvu investiment ta’ madwar Lm160 miljun, se joħolqu mijiet ta’ impjiegi iżda fuq kollox se jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u jagħtu kontribut qawwi għar-riġenerazzjoni ta’ l-inħawi fejn jinsabu.

Il-proġett ta’ Portomaso f’ San Ġiljan, jinkludi hotel, stabbilimenti kummerċjali, appartamenti, u faċilitajiet ta’ parking. Dan kollu diġà ħoloq diversi opportunitajiet ta’ xogħol f’oqsma differenti.

‘Permezz ta’ dawn il-proġetti kollha, il-Gvern mhux biss qed isebbaħ pajjiżna u jagħtih xejra aktar moderna, iżda qed jistimula attività ekonomika u jkattar opportunitajiet ta’ impjiegi’, ikkonkluda l-Viċi Prim Ministru.

Rapporti dwar il-Ministeri

Rapporti dettaljati dwar il-ħidma ta’ kull Ministeru fir-raba’ sena ta’ dan il-Gvern, 2001/2002, jinstabu fuq l-internet fuq www.doi.gov.mt

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

More Press Releases Right arrow