Left arrow Go Back

Applikazzjonijiet u ħlas għall-eżamijiet on-line

PR1580
Date Icon 11/11/2002

Minn din il-ġimgħa dawk kollha li japplikaw għall-eżamijiet li joffri d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet se jkunu jistgħu jagħmlu dan mill-kumdita' ta’ darhom, mill-uffiċċji tal-Kunsilli Lokali, jew mill-internet cafes, permezz ta' l-Internet. Min japplika jista’ jħallas ukoll on-line billi juża l-credit card. Dan is-servizz hu wieħed minn katina ta' servizzi li l-Gvern qed joffri fuq l-Internet bħala parti mill-proġett ta' l-eGovernment. Permezz ta' dawn is-servizzi, il-publiku jkun jista` jieħu s-servizz li jeħtieġ f'anqas ħin, fil-ħin l-aktar komdu għaliħ u mingħajr ma jkollu jmur fid-dipartimenti.

Mil-lum, it-Tnejn, id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet se jiftaħ l-applikazzjonijiet għall-eżamijiet tas-SEC (Mejju 2003). Għalkemm wieħed se jkun jista’ japplika b'mod normali kif kien isir qabel, se jkun jista japplika wkoll minn fuq l-internet. Biex jagħmel dan wieħed irid imur fil-portal tal-Gvern www.gov.mt jew fis-sit tad-dipartment www.exams.gov.mt u jara l-iskeda ta' l-eżamijiet, japplika on-line u jħallas għall-eżamijiet li jkun applika għalihom. Is-sistema tagħti s-sigurta' kollha meħtieġa biex il-ħlas isir b'kunfidenzjalita' u mingħajr ir-riskju li jintilfu l-flus, madankollu jekk wieħed ikun irid, jista' iħallas fil-bank tiegħu.

Il-Ministru Louis Galea qal li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet kien minn ta' quddiem fit-titjib tas-servizz li joffri lill-pubbliku. Il-Ministru qal li f'dawn l-aħħar snin id-dipartiment mhux biss irnexxielu itejjeb is-servizz li joffri lil dawk li jkunu qed japplikaw imma qed joffri servizz aħjar lill-dawk li jagħmlu l-eżamijiet f'wieħed miċ-ċentri ta' l-eżamijiet madwar Malta u Għawdex.

Louis Galea tenna li d-dipartiment jiċievi mal-15,700 aplikazzjoni għall-eżamijiet tal-MATSEC, SEC, City and Guilds, AEB, Edexcel London Ordinary/Advanced, Assessment Qualifications Alliance - AQA u London Chamber of Commerce - LCCI. Id-dipartiment jieħu ħsieb ukoll numru ta' eżamijiet pubbliċi oħra tal-Gvern. Minn dawn l-applikazzjonijiet hu mistenni li numru sostanzjali minnhom se japplikaw permezz ta' l-Internet għaliex fi stħarriġ li kien sar il-ħlas ta' l-eżamijiet minn fuq l-Internet kien wieħed mis-servizzi l-aktar rikjest mill-pubbliku.

Il-Ministru ħabbar ukoll li d-dipartiment beda jaħdem biex dalwaqt ikun jista’ jibgħat ir-riżultati ta' l-eżamijiet lill-istudenti permezz ta' messaġġ fuq il-mobile (SMS). Dan se jkun ifisser li malli joħorġu l-eżamijiet wieħed jirċivihom fuq il-mobile minnufiħ u wara jirċivihom bill-posta. "Dan juri kemm il-Gvern preżenti hu aġġornat u kemm qed jaħdem biex juża it-teknoloġija u r-riżorsi li jeżistu biex dejjem jagħti servizz aħjar" qal Louis Galea waqt li rringrazzja lil dawk kollha involuti b'mod partikolari d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet, il-Kummissjoni E-Malta u l-Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali.

Il-Ministru Louis Galea temm jgħid li bħalissa qed jaħdem mal-Ministru Austin Gatt biex jibda jiġi offrut serviżż ġdid ta' l-E-Government fid-Dipartiment tal-Libreriji. Dan is-servizz hu maħsub biex jagħmilha aktar faċli biex il-pubbliku jsib il-kotba li għandu bżonn u jislifhom b'hekk finalment inkunu qed nippromwovu l-qari.

Il-Ministru għall-Ġustizzja u Gvern Lokali Austin Gatt qal dan is-servizz huwa frott ta’ deċiżjonijiet għaqlin li ittieħdu minn Gvern Nazzjonalista għaxar snin ilu. Dawn id-deċiżjonijiet kienu għaqlin fil-kuntest tat-tqegħid ta’qafas biex pajjiżna jkun kompletament networked. Kienu deċizjonijiet xprunati minn viżjoni ta’ Gvern li kien jaf fejn irid jasal. Kieku dawn id-deċiżjonijiet ma ttiedux fl-imgħoddi kieku illum m’ aħniex naħsdu l-frott ta’ dak li nżergħa.

Permezz ta’ dan is-servizz, kompla Dr. Gatt, hemm 33,000 student li jistgħu jibbenefikaw minn mod iktar effiċjenti u fl-istess waqt ta’ ċerta sigurta'. Dan is-servizz huwa pass ieħor fit-tisħiħ ta’ inizjattivi ta’ Gvern Elettroniku ibbażat tassew fuq min jeħtieġu. Il-Ministru Gatt saħaq li dan is-servizz huwa wkoll servizz li permezz tiegħu qed inressqu iktar nies jgħarrfu l-vantaġġi ta’ l-e-Commerce u l-ħlas.

Dr. Gatt tenna li l-Gvern huwa kunfidenti li sa Marzu jlesti l-programm tiegħu li 90% tas-servizzi li jipprovdu jkunu kollha pprovduti minn fuq l-internet. Mhux biss, imma il-Gvern ser ikun qed joffri 25 servizz differenti permezz tat-telefon ċellulari.

Il-Ministru Gatt saħaq li dan jkompli jsaħħaħ l-possibilita’ li nagħmlu minn Malta ċentru reġjonali ta’ eċċellenza f’dan is-settur. Ta’ dan għandna ċ-ċertifikati ta’ kumpaniji bħas-Cisco u Microsoft li lkoll għazlu biex jissieħbu mal-Gvern Malti.

Dr. Gatt filwaqt li rringrazzja li dawk kollha li kellhom x’jaqsmu ma’ din l-inizjattiva, fisser ir-rwol tal-Ministru Galea bħala wieħed strateġiku u faħħar l-entużjazmu tiegħu b’risq dawn l-inizjattivi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

More Press Releases Right arrow