FONDAZZJONI GĦAL SERVIZZI EDUKATTIVI: TWETTIQ TAL-PROĠETT ĦILTI TEŻOR
"F'dawn l-aħħar erba' snin il-Gvern ħoloq l-istrutturi u pprovda r-riżorsi meħtieġa biex f'pajjiżna jkollna diversi programmi biex inħeġġu l-litteriżmu u biex ħadd ma jaqa' lura". Dan qalu l-Ministru ta' l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea meta inawgura uffiċjalment is-sett ta’ kotba Ħilti Teżor u qassam il-premijiet lill-awturi rebbieħa tal-Kompetizzjoni Letterarja Ħilti Teżor tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi. Dan is-sett ta’ kotba jinkludi kemm il-kotba rebbieħa tal-kompetizzjoni, kif ukoll għażla ta’ kotba bil-Malti u bl-Ingliż ta’ kwalità għolja li diġa` huma fis-suq, għal tfal ta’ bejn is-sitta u t-tmien snin. Dan is-sett ta’ kotba se jservi ta’ għodda ewlenija għall-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi fil-programmi tagħha b’risq il-litteriżmu fost it-tfal iż-żgħar f’pajjiżna u b’risq il-litteriżmu fil-familja.
Il-Ministru qal li l-Fondazzjoni twaqqfet biex tiżgura edukazzjoni ta' kwalità għall-kulħadd. Il-Ministru qal li l-Fondazzjoni diġà wettqet b'suċċess il-programm Ħilti u Id f'Id f'diversi skejjel u din is-sena qed testendi dan is-servizz għal 20 skola. Il-proġett Ħilti teżor hu ħolqa oħra fil-katina ta' servizzi edukattivi li qed toffri l-Fondazzjoni u d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, servizzi li bil-provi qed juru li qed ikunu ta' suċċess fil-ġlieda kontra l-illitteriżmu.
Il-premjazzjoni u l-inawgurazzjoni huma l-qofol ta’ sena u seba’ xhur ħidma tal-Proġett Ħilti Teżor, li tnieda nhar l-20 ta’ Marzu 2001 mill-Istitut għal Appoġġ Edukattiv għal Tfal u Ġenituri (li issa jifforma parti mill-Fondazzjoni) u l-HSBC Cares For Children Fund. L-HSBC ikkontribwiet Lm12,000 għal dan il-proġett.
Il-proġett Ħilti Teżor kellu tliet skopijiet:
- li jiġu ppubblikati kotba ġodda għat-tfal bil-Malti għall-qari;
- li jinħoloq pakkett ta’ kotba bil-Malti u bl-Ingliż ta’ l-aqwa kwalità li diġà huma fis-suq, għal tfal ta’ bejn is-sitta u t-tmien snin. Permezz ta’ dan il-pakkett, il-Fondazzjoni tixtieq tħeġġeġ l-imħabba għall-qari fost it-tfal u l-familji li jattendu l-programmi tagħha, kif ukoll fost il-pubbliku;
- li jitħarrġu impjegati ta’ l-HSBC Malta plc. biex joffru servizz volontarju mat-tfal li jkunu qed jipparteċipaw fil-programmi edukattivi tal-Fondazzjoni.
L-ewwel u t-tieni skop intlaħqu. F’Marzu ta’ l-2002 tniedet Kompetizzjoni Letterarja Ħilti Teżor għal testi ġodda għat-tfal. Saret sejħa pubblika wkoll għall-importaturi u l-pubblikaturi lokali ta’ kotba. Kemm l-għażla tat-testi rebbieħa kif ukoll tas-sett ta’ kotba saret minn Kumitat immexxi minn Dr. Philip Farrugia Randon L.L.D., li hu ċ-Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Il-membri ta’ dan il-kumitat kienu persuni li huma involuti b’mod professjonali fl-edukazzjoni ta’ tfal żgħar jew inkella għandhom esperjenza fil-qasam tal-pubblikazzjoni ta’ kotba għal tfal żgħar jew fit-tagħlim tal-kitba.
It-tielet skop intlaħaq ukoll. Matul is-sena skolastika 2001-2002 l-ewwel grupp ta’ 7 impjegati ta’ l-HSBC tħarrġu u wrew impenn sħiħ fis-servizz volontarju fi ħdan il-Fondazzjoni. Dawn se jkomplu jagħtu s-servizz tagħhom matul din is-sena skolastika, filwaqt li jitħarreġ grupp ieħor ta’ impjegati voluntiera.
Ir-rebbieħa tal-Kompetizzjoni Letterarja Ħilti Teżor huma dawn -
Kategorija A (storja) - Rita Saliba, bil-ktieb ‘Kevin u Qatraxita’.
Kategorija A (poeżiji) - Philip Grech, bil-ktieb ‘Aqta’ x’Rajt !’
Kategorija B (Ktieb Kbir) - Joanna Cassar, bil-ktieb ‘Meta Nkun Waħdi’.
‘Meta Nkun Waħdi’ ġie ppubblikat kemm f’daqs normali kif ukoll f’daqs kbir. Dan hu l-ewwel ktieb kbir bil-Malti, u hu intiż biex jintuża fil-klassijiet u fid-djar fil-qari bi sħab bejn it-tfal u l-għalliema jew il-ġenituri. ‘Meta Nkun Waħdi’ huwa wkoll ktieb ambjentat f’Malta li jinkludi elementi multi-kulturali.
Fil-Kompetizzjoni Letterarja Ħilti Teżor kien hemm ukoll ħames sottomissjonijiet li ġew imsemmija b’mertu. L-awturi huma Mary Muscat, Louise Abela, Adrian Cordina, Desiree’ Pace u Fountain Pace.
Il-Klabb Kotba Maltin huma msieħba ewlenin fil-Proġett u qed jippubblikaw il-kotba ġodda għat tfal tal-Fondazzjoni.
Fis-sittax ta’ Novembru l-Fondazzjoni se twettaq attività b’risq il-litteriżmu waqt il-Fiera Internazzjonali tal-Ktieb fin-Naxxar. 'Ambaxxaturi' tal-qari se jaqraw kotba biex jistimulaw l-imħabba għall-qari fost it-tfal u l-familji. Dawn l-'ambaxxaturi' huma personalitajiet magħrufa bħal Dr. Censu Tabone, Ira Losco, Claudette Pace, Mary Spiteri u Trevor Zahra.
Preżenti għall-premjazzjoni u l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Prof. Kenneth Wain, Chairman tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, u s-Sur Chris Hothersall, Chairman ta’ l-HSBC Cares for Children Fund. Kemm il-Prof. Wain kif ukoll Mr Chris Hothersall ferħu r-rebbieħa u awguraw li l-kotba Ħilti Teżor ikunu għodda siewja biex tikber l-imħabba għall-qari fost il-familji li qed jipparteċipaw fil-programmi tal-Fondazzjoni, u b'mod ġenerali.
Għall-inawgurazzjoni tas-sett ta’ Kotba Ħilti Teżor ħadu sehem ukoll tfal mill-iskola Primarja A 'Salvinu Spiteri tal-Ħamrun, li setgħu jaqraw il-kotba ġodda li se jkunu f’idejn it-tfal li qed jieħdu sehem fil-programmi tal-Fondazzjoni.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928