Proġett li se jikkontribwixxi għall-RIġenerazzjoni tal-belt Valletta
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech illum ghamel zjara fuq il-progett tal-Cruise Liner Passenger Terminal. Il-Ministru beda biex fakkar li l-mozzjoni dwar it-trasferiment ta’ l-art lill-konsorzju VISET għaddiet mill-Parlament f’Lulju tas-sena l-oħra u li għalhekk fi żmien qasir ta’ sena sar il-kuntratt biex fl-aħħar ta’ l-2001 seta’ jibda x-xogħol proprju tal-bini.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-konsorzju kien qiegħed bħalissa jaħdem fuq ħames partijiet tal-proġett
Bini ta’ blokk biex ikunu akkomodati dawk in-negozji li se jintlaqtu mill-proġett. Il-bini tal-blokk tlesta u se jiġbor fih disa’ proprjetajiet ta’ nies li kellhom il-bini tagħhom jew bini b’kera fl-inħawi milquta mill-proġett.
Faċilitajiet temporanji għall-passiġġieri. Dawn tlestew u qed jintużaw sew mill-eluf ta’ turisti li qed iżuru Malta fuq cruise liners kif ukoll minn dawk il-passiġġieri li jużaw is-Sea Passenger Terminal.
Bini ta’ triq ġdida li tgħaqqad il-Marsa mal-belt Valletta biex titneħħa t-triq preżenti li se tifforma parti mill-proġett tal-Cruise Passenger Terminal. Ix-xogħol beda. It-triq se tgħaddi minn wara l-imħażen ta’ Pinto u Forni.
Restawr ta’ l-imħażen ta’ Pinto u Forni li se jiffurmaw parti ewlenija tal-proġett. Il-konsorzju VISET diġà ħareġ sejħa għal offerti għal dan ix-xogħol.
Uffiċji ġodda għall-Awtorità Marittima u għad-Dipartiment tal-Portijiet.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-proġett għall-bini tal-Cruise Liner Passenger Terminal mistenni jitlesta sas-sena 2005 u hu stmat li se joħloq madwar 400 impjieg permanenti. Hu qal li bir-ritmu li miexi x-xogħol jemmen li l-miri li għamel il-konsorzju se jintlaħqu.
Francis Zammit Dimech qal li dan il-proġett se jagħti kontribut ewlieni biex din il-parti tal-belt Valletta tiġi riġenerata u biex dawk kollha li jidħlu Malta permezz tal-port ikollhom l-ewwel impressjoni tajba ta’ gżiritna. Francis Zammit Dimech xebbaħ dan il-proġett ma’ dak tal-bini ta’ l-Air Terminal il-ġdid fejn illum il-passiġġier li jiġi Malta bl-ajru qed jieħdu impressjoni tajba tas-servizzi li jagħti pajjiżna lil dawk li jżuruh.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li t-turisti li jiġu Malta permezz tal- cruise liners kienu qed jiżdiedu b’mod inkoraġġanti. Fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena żaru Malta 166,702 turist permezz ta’ cruise liners. Dawn huma 34,183, jew 26 fil-mija aktar minn dawk li ġew fl-istess perjodu s-sena l-oħra. Hu fakkar li d-dehra ta’ tnejn jew tliet cruise liners fl-istess waqt fil-port saret ħaġa komuni u li dan l-aħħar qed nassistu għal okkażjonijiet fejn qed jidħlu fil-Port il-Kbir anke sitt cruise liners fl-istess jum. Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-passiġġieri li jżuru Malta fuq cruise liners jħallu f’pajjiżna madwar Lm7 miljun fis-sena.
Francis Zammit Dimech qal li t-turiżmu tal-cruise liners hu niċċa oħra fis-settur turistiku li rridu nindukraw u nkabbru għaliex joħloq impjiegi u jħalli flus fil-pajjiż.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-bini, li għal bosta snin tħalla abbandunat, qed jingħata d-dehra li kellu fi żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Barra minhekk kien qed isir titjib sostanzjali biex il-bini l-ġdid jintegra mal-qadim billi, filwaqt li se jsir użu sħiħ ta’ l-Imħażen ta’ Pinto u Forni u tal-Power Station il-Qadima, tinbena water plaza li tipprovdi dak kollu meħtieġ għal divertiment barra.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Ministeru tiegħu kellu relazzjonijiet mill-aqwa mal-konsorzju VISET. Relazzjonijiet li kienu qed jissarrfu fir-realizzazzjoni ta’ proġett li kien qed jitwettaq b’ritmu mgħaġġel.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928