Proġett ta’ restawr b’investiment ta’ Lm110,000
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li l-Unit għar-Restawr fi ħdan il-Ministeru tiegħu kien qed jieħu ħsieb ir-restawr ta’ fortifikazzjonijiet u swar. Il-Unit kellha Supretendent għall-Fortifikazzjonijiet li kien ukoll espert fl-arkitettura militari.
Francis Zammit Dimech qal dan meta kien qed izur xoghol ta’ restawr li qed isir fil-Fortizza Ricasoli. Huwa kompla jghid li f’dawn l-aħħar snin saret ħidma intensiva ta’ restawr u riabilitazzjoni ta’ swar u fortifikazzjonijiet. Hu qal li l-lista kienet waħda impressjonanti. Kienet tinkludi Couvre Porte, fil-Birgu; Notre Dame Gate u l-Mina ta’ Santa Liena f’Bormla; il-Mina ta’ Santa Anna fl-Isla; ir-restawr ta’ diversi swar fil-Kottonera fosthom dawk ħdejn Polverista Gate u ħdejn il-mina ta’ Santa Liena f’Bormla; il-bastjun ta’ San Ġwann fil-Birgu; is-sur ta’ San Mikiel fl-Isla; il-Mina ta’ Notre Dame u l-fortifikazzjonijiet tal-Floriana; il-Kavallier ta’ San Ġakbu fil-belt Valletta; il-batterija Vestreme fil-Mellieħa; it-torri tal-Ħamrija, fil-limiti tal-Qrendi; il-Guard House f’Rinella; il-batterija ta’ Pembroke u partijiet mill-Victoria Lines.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li kienu qed isiru preparazzjonijiet biex jiġu restawrati is-swar ta’ Santa Barbara, tal-bastjun ta’ San Kristoforu u s-swar fuq kull naħa tad-daħla tal-belt Valletta, u biex isir xogħol ta’ ħadid għal protection guard għall-amberżuni ta’ diversi zoni fis-swar tal-Birgu.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li erbgħa mill-bliet imdawwra bis-swar ta’ pajjiżna huma konċentrati fl-inħawi tal-Port il-Kbir fejn mijiet ta’ snin ilu nbena l-Forti Sant’Anġlu u wara bdew jinbnew fl-inħawi l-bliet fortifikati tal-Birgu, l-Isla u Bormla li ntrabtu flimkien permezz tas-swar tal-Kottonera. Fuq in-naħa l-oħra tal-port inbniet il-belt Valletta.
L-Ordni tal-Kavalieri ta’ San Ġwann dehrilha li kellha ssaħħaħ dawn il-bliet billi tibni diversi fortizzi. Waħda minn dawn kienet dik ta’ Ricasoli li taf il-bidu tagħha fl-1670 meta Fra Giovanni Francesco Ricasoli, kavallier mil-lingwa ta’ l-Italja ikkontribwixxa 20,000 skud biex jitwettaq dan il-proġett. Hu qal li l-fortizza ġiet iddisinjata mill-Inginier Valperga skond sistemi ta’ fortifikazzjonijiet Olandiżi u Taljani.
Francis Zammit Dimech qal li din il-fortizza sofriet ħsarat kbar fl-1807 meta kien hemm rewwixta li fiha ttajjar il-maħżen ewlieni tal-porvli li għamel ħsara kbira lil fortizza fuq in-naħa ta’ l-art. Aktar ħsara seħħet matul tempesta qawwija fl-1921. Il-fortizza sofriet ħsarat kbar oħra fit-Tieni Gwerra Dinjija. Hu qal li minħabba l-istat ħażin ta’ din il-fortizza l-Ingliżi investew fir-restawr tas-swar li nksew bil-ġebla. Minħabba xogħol ħażin u nuqqas ta’ manutenzjoni dan il-wiċċ ġdid bil-ġebla hu llum fi stat ħażin u qed iqiegħed fil-periklu l-istabbilita’ ta’ partijiet mis-swar.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-intervent ta’ konservazzjoni li qed isir hu essenzjalment maħsub biex jistabilizza dan il-kisi li sar bil-ġebla. Hu qal li x-xogħol kien qed isir minn kuntrattur privat wara sejħa għal offerti. Il-proġett hu stmat li jiswa Lm110,000.
Francis Zammit Dimech qal li l-ħidma li qed issir biex jiġu rrestawrati u kkonservati fortizzi, fortifikazzjonijiet u bini ieħor storiku turi l-impenn tal-Gvern preżenti favur il-ħarsien tal-wirt storiku ta’ pajjiżna li mhux biss jagħtina identita’, u għalhekk jagħmilna Maltin, iżda hu fattur importanti fil-ħidma kontinwa li titwettaq biex nattiraw lejn pajjiżna turisti li tinteressahom l-istorja li f’Malta tinfirex fuq medda ta’ aktar minn 7,000 sena.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928