Kumitat ta’ azzjoni dwar Zoni Industrijali li ma jaqgĦux tAĦT l-MDC
Ser ikun imwaqqaf kumitat ta’ azzjoni bejn l-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi, l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u l-SBU (Small Business Unit) dwar żoni industrijali li ma jaqgħux taħt ir-responsabbilita’ tal-Malta Development Corporation, bil-għan li dawn ikunu organizzati aħjar u jkun iffaċilitat il-proċess biex kull min jaħdem f’dawn iż-żoni ndustrijali jkollu kull għajnuna possibbli biex ikollu l-permessi u l-liċenzji meħtieġa.
Huwa dmir ta’ l-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi li jara li kull imprenditur ikollu l-aħjar opportunitajiet fejn jaħdem u jkompli jtejjeb l-opportunitajiet li jaħdem fihom. Għal dan il-għan qed issir konsultazzjoni kontinwa u diretta ma’ dawk kollha li jaħdmu għal rashom u ma’ negozji żgħar, bil-ħsieb li dawn jorganizzaw aħjar lilhom infushom biex jiffaċċjaw l-isfida tal-kompetizzjoni. B’hekk titkompla l-ħidma biex l-Small Business Unit isservi bħala l-mekkaniżmu li permezz tiegħu, Dipartimenti jew Awtoritajiet oħra jkunu jistgħu jorganizzaw eżerċizzji ta’ konsultazzjoni mas-setturi kummerċjalili jkunu jridu jsiru fuq issues li jistgħu jinqalgħu.
L-SBU (Small Business Unit) diġa’ qed jorganizza b’suċċess diversi eżerċizzji ta’ konsultazzjoni pubblika fuq rapporti li tippubblika l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar minn żmien għal żmien u li jkollhom impatt fuq is-settur imprenditorjali. Dan l-eżerċizzju għandu jservi ta’ eżempju għal Awtoritajiet oħra li jkunu jridu jikkonsultaw mas-settur tas-self-employed u negozji żgħar.
B’riżultat tal-konsultazzjoni mas-settur ta’ l-imprendituri li jaħdmu f’żoni ndustrijali li ma jaqgħux taħt ir-responsabbilita’ tal-Malta Development Corporation, l-Small Business Unit waslet biex taghmel rapport li jinkludi stima ta' l-ispejjez li riedu jsiru minn Dipartimenti u Aġenziji tal-Gvern biex jiddaħħlu servizzi infrastrutturali li kienu għadhom nieqsa għal tlett żoni ndustrijali, bħal ma huma toroq, dwal, ilma u servizzi ta ’ drenaġġ.
It-tliet żoni ndustrijali li beda x-xogħol fuqhom huma l-Ħandaq, l-Imrieħel u Ħaz-Żebbuġ. L-ispiza vvutata għal dan ix-xogħol li bażikament kien jinkludi kostruzzjoni tat-toroq, limkien mat-twassil tas-servizzi kollha infrastrutturali li kienu nieqsa minn dawn iż-żoni ndustrijali, kienet tlaħħaq mal-miljun u ħamsin elf lira.
Din il-ħidma li qed titwettaq f’dawn iż-żoni kwazi waslet biex tkun konkluza, filwaqt li qed tkompli tkun ippjanata ħidma oħra simili għal żoni ndustrijali oħra, li wkoll huma neqsin minn dawn is-servizzi bażiċi nfrastrutturali. Qed tinħass il-ħtieġa li ssir ħidma fuq bażi totalment differenti, iżda li tikkumplimenta din l-inizjattiva. Din il-ħidma trid tkun kapaċi tindirizza ħtiġijiet oħra li huma relatati ma’ l-organizazzjoni aħjar ta’ dawn iż-żoni ndustrijali u tinkludi:
- ir-regularizzazzjoni ta’ l-istatus ta’ l-imprendituri billi nserrħu moħħ kull operatur li jkollu l-liċenzja tan-negozju
(ii) Jinbeda stħarriġ dwar liema regolamenti jistgħu jkunu eżentati minnhom in-negozji żgħar, filwaqt li tibda wkoll kampanja edukattiva biex is-self-employed u n-negozji żgħar ikollhom kuxjenza soċjali li tgħinhom jagħrfu aħjar x’inhuma l-obbligi statutorji tagħhom. F’dan il-kuntest ukoll irridu ngħidu li f’pajjiżna tant huma fil-kwantita’ n-numru ta’ intrapriżi li jħaddmu inqas minn għaxra min-nies, li ftit li xejn tista’ ssir distinzjoni bejn min huwa żgħir fin-negozju u min huwa kbir.
(iii) Titkompla l-iskema ta’ tindif u upgrading ta’ żoni ndustrijali li ma jaqgħux taħt ir-responsabbilita’ tal-Malta Development Corporation fejn bħala prijorita’, l-indafa u l-ambjent għandhom ikunu l-qofol ta’ din il-ħidma.
(iv) Għajnuna lil setturi differenti ta’ imprendituri li jiffurmaw assoċjazzjonijiet biex kull żona tkun organizzata aħjar. B’hekk titkompla u tkun imtejba l-iskema ta’ konsultazzjoni ta’ l-Small Business Unit ma’ l-għaqdiet tan-negozju
F’dan ir-rigward l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandha sehem importanti x’toffri ladarba hija għandha r-responsabbilita’ li ssegwi u tapprova kull talba ta’ żvilupp li tkun ser issir lilha u hija wkoll responsabbli mill-ippjanar fit-tul ta’ l-użu ta’ l-art industrijali.
L-għanijiet ta’ dan il-kumitat huma ispirati mill-programm ta’ ħidma Lejn l-Implimentazzjoni ta’ Politika Imprenditorjali u huma eżempju ta’ kif l-ambjent kummerċjali m’huwiex monopolju ta’ xi Ministeru wieħed, izda jirrikjedi sinerġija bejn Ministeri, Dipartimenti u Awtoritajiet.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo temm jgħid li l-Small Business Unit flimkien ma’ l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ser jahdmu fi ħdan dan il-kumitat ta’ azzjoni bl-iskop prinċipali li jkunu kapaci joffru l-aħjar assistenza lil dawk kollha li qed jaħdmu f’dawn iż-żoni ndustrijali, b’konsultazzjoni u kollaborazzjoni ma’ entitajiet interessati. Huwa innota b’sodisfazzjon li l-pjan ta’ ħidma ta’ dan il-kumitat ser iġib fis-seħħ numru ta’ inizjattivi fil-Programm ta’ Ħidma tas-Segretarjat fil-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi li għadu kif thabbar.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928