GVERN 1998-2003 – ‘TOROQ U KOMUNIKAZZJONI’
Mixjin ’l Quddiem
“Bħalma għamel fis-setturi l-oħra kollha li huma importanti għall-kwalità tal-ħajja tal-Maltin, il-Gvern indirizza l-oqsma tat-toroq u l-komunikazzjoni bis-serjetà, b’impenn u b’sens ta’ direzzjoni; b’idea ċara ta’ minn fejn tlaqna u ta’ fejn nixtiequ naslu,” qal il-Vici Prim Ministru Lawrence Gonzi, waqt ħarsa lejn il-ħidma li wettaq il-Gvern f’dawn is-setturi. “Kulħadd juża dawn is-servizzi u jixtieq li l-problemi jingħelbu u l-isfidi jiġu iffaċjati kemm jista’ jkun malajr – izda l-għaqal hu mhux li ssolvihom malajr iżda li ssolvihom darba għal dejjem – u dan hu li qed inwettqu.”
It-Toroq Tagħna
L-impenn ta’ dan il-Gvern f’dan is-settur m’huwiex zgħir – matul l-erba’ snin li għaddew, il-Gvern nefaq Lm 30 miljun fuq it-toroq. Kulħadd qed jara r-riżultat ta’ dan, bit-twettiq ta’ programm sħiħ ta’ titjib, bil-ftuħ ta’ toroq ġodda, titjib f’dawk eżistenti u sinjali tat-traffiku ta’ livell internazzjonali. Dan qiegħed isir għax il-Gvern għaraf il-bżonn li t-toroq tagħna jitjiebu, għall-benefiċċju ta’ kull min jużahom. Kien għalhekk li l-Gvern investa riżorsi konsiderevoli biex jassigura li Malta ser ikollha toroq ta’ l-ogħla livell biex iservuna mhux biss għalissa izda ukoll matul is-snin li ġejjin. Għalkemm xogħol bħal dan għandu bżonn iż-żmien tiegħu biex isir sew, fil-postijiet fejn tlesta wieħed jista’ jara, u jipprova r-riżultat.
Sar xogħol estensiv fuq għoxrin triq arterjali. Dawn jinkludu Triq l-Mdina Qormi u Triq l-Mdina Attard, il-Coast Road, it-Triq ta’ Hal Far, it-Triq ta’ Burmarrad it-triq li tagħti mill-Qawra san-Naxxar, Psaila Street, iz-zona fil-bidu tal-Mellieha kif ukoll Triq Hompesch, Fgura. Sar ukoll xogħol fuq aktar minn 300 triq residenzjali f’għadd kbir ta’ lokalitajiet u twettaq xogħol ieħor fuq it-toroq fl-industrial estates ta’ l-Imriehel, Tal-Handaq, u Ħaz-Zebbug.
Bħalissa, għaddej xogħol fuq madwar 30 kilometru ta’ toroq, b’nefqa ta’ LM 9 miljun, f’madwar tnejn u għoxrin lokalità differenti. It-toroq qed jinqalgħu mill-qiegħ u jerggħu jinbnew mill-gdid, b’pedamenti sodi. Biex it-toroq ma jerġgħux jiqalgħu wara li jitlestew, il-Gvern ħsieb li jinbnew culverts għas-servizzi kif ukoll għall-ilma tax-xita. B’hekk jekk tinqala’ xi ħsara f’xi servizzi li jkunu għaddejjin min taħt it-triq, tiġi evitata l-problema li terġa’ tinqala’ t-triq ftit wara li tkun tlestiet. Biex il-livell ikompli jitjieb kif mixtieq, se jibda jitħaddem master-plan, mifrux fuqgħaxar snin li se jiżgura li jkompli jkun hemm titjib fit-toroq b’mod ippjanat u kkoordinat.
Ħafna familji Maltin, speċjalment tfal, zgħazagħ u anzjani, jużaw it-trasport pubbliku. Hawnhekk ukoll il-Gvern qiegħed iħejji għall-bidla sostanzjali fil-kwalità billi nħarġu “specifications” obbligatorji għall-karozzi tal-linja ġodda li jiggarantixxu kumdità u sigurtà għal kull min jużahom. Il-Gvern żied b’mod qawwi s-sussidju, li issa jlaħħaq Lm 32,000, għal kull sid li jixtieq jixtri karozza tal-linja ġdida. B’hekk jingħata servizz aħjar u iżjed konvenjenti u iżjed nies jitħajru jużaw it-trasport pubbliku filwaqt li jonqos it-traffiku. Il-karozzi l-ġodda, minbarra li se jagħmlu ħafna anqas ħsara lill-ambjent u lis-saħħa, huma aktar aċċessibbli għall-anzjani, tfal żgħar u nies bi problemi ta’ mobilità.
Telekomunikazzjoni
Is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni llum saru parti integrali mill-ħajja moderna ta’ kuljum, bl-użu dejjem jikber tat-telefon, tal-computers, ta’ l-internet u tal-mobile phone.
Familji Maltin, bħal dawk f’kull pajjiż żviluppat ieħor, saru japprezzaw il-facilità li jistgħu jkunu f’kuntatt ma’ xulxin kullimkien u f’kull ħin. Issa, b’riżultat ta’ l-emendi fl-Att tat-Telekomunikazzjoni, il-Maltin għandhom aċċess għall-varjetà sħiħa ta’ servizzi f’dan il-qasam li jħabbtuha ma’ l-aqwa fid-dinja. L-aħħar statistiċi juru li 25% tal-popolazzjoni Maltija għandha aċċess għall-internet filwaqt li 250,000 persuna f’Malta għandha telefon ċellulari.
F’Jannar li ġej, dan is-settur jiġi lliberalizzat kompletament. Dan mistenni jġib miegħu firxa usa’ ta’ servizzi u aktar effiċjenza. Fosthom nistennew roħs fit-tariffi tat-telefonati internazzjonali.
Dan kollu sar għax il-Gvern għamel investimenti kbar f’dan is-settur, sabiex jgħolli l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Il-mira tal-Gvern issa hi li nibqgħu mixjin bir-ritmu mgħaġġel li qbadna kif qed isir fl-infrastruttura ta’ l-informatika.
Il-Qasam Marittimu
Bħala gżira, il-qasam marittimu bilfors għandu impatt kbir fuq il-ħajja tagħna. Barra minn hekk, ir-reġistru merkantili Malti hu l-ħames l-akbar reġistru tal-vapuri fid-dinja. Bħal f’kull qasam ieħor, il-Gvern mexa b’impenn serju biex l-affarijiet jimxu ’l quddiem. In-numru totali ta’ vapuri taħt il-bandiera Maltija, issa laħaq 3,100 bi gross ta’ 27.5 miljun tunnellata. Illum, adattajna ruħna sew għal dak li hemm maħsub fil-ligi internazzjonali dwar il-vapuri merkantili u twaqqaf kunsill leġislattiv apposta biex iżomm il-ligijiet ta’ Malta fil-qasam marittimu dejjem aġġornati.
It-traffiku marittimu lejn il-gżejjer Maltin qed ikompli jikber, kemm fl-ammont ta’ vapuri kif ukoll fil-piż. L-akbar żieda ġejja mill-cruise liners li qed jużaw il-Port il-Kbir dejjem aktar. Sa l-aħħar tas-sena, mistennija li jkunu waslu ma’ l- 400 cruise liner li jkunu ġabu magħhom mat-300, 000 passiġġier.
Matul din is-sena tkompla x-xogħol mill-Awtorità Marittima fuq il-proġett għall-iżvilupp tal-portijiet taċ-Ċirkewwa u ta’ l-Imġarr. L-għanijiet prinċipali ta’ dan il-proġett, li mistenni jiswa madwar Lm13-il miljun, huma li l-port taċ-Ċirkewwa jsir port li jista’ jopera kemm jista’ jkun f’kull temp kif ukoll sabiex jiġu akkomodati aħjar il-bastimenti tal-Gozo Channel Co. Ltd u l-pubbliku jkun moqdi aħjar u b’mod iktar effiċjenti.
Rapporti dwar il-Ministeri
Rapporti dettaljati dwar il-ħidma ta’ kull Ministeru fir-raba’ sena ta’ dan il-Gvern, 2001/2002, jinstabu fuq l-internet fuq www.doi.gov.mt
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928