Left arrow Go Back

Diskors TA’ l-Onor. Jesmond Mugliett, Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, fl-okkażjoni tal-għoti tal-“Youth for Internet Awards” – Sliema – 1 ta’ Novembru 2002

PR1530
Date Icon 01/11/2002

Sinjuri,

Din kienet ġimgħa sabiħa għat-teknoloġija partikolarment ta’ l-informatika.  It-Tlieta li għaddew Malta ssieħbet fil-programm għar-ricerka u teknoloġija tal-Unjoni Ewropea u l-FP6.  Nhar l-Erbgħa kien iffirmat il-ftehim mal-Microsoft għat-twaqqif ta’ proġetti bi sħab ma’ Malta.  Illum, il-Ġimgħa filgħodu ġie mniedi l-Programm eContent – sabiex intrapriżi Maltin jisfruttaw il-potenzjal ta’ l-informazzjoni fuq l-Internet u l-Ġimgħa filgħaxija qegħdin jingħataw il-Youth for Internet Awards.

Nammetti li kemm bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-qasam taż-żgħażagħ u kif ukoll ta’ l-oqsma tax-Xjenza, Ricerka u Innovazzjoni, din l-okkażjoni tal-lum tfisser ħafna.

Dan għaliex tgħaqqad b’mod dirett żewġ oqsma li jiena nvolut fihom ta’ kuljum. L-Internet llum huwa għodda indispensabbli sabiex iż-żgħażagħ tagħna mhux biss jitgħallmu, iżda wkoll sabiex isibu x-xogħol.  L-impenn tal-Gvern fil-qasam tat-teknoloġija, b’mod partikolari f’dawk li huma opportunitajiet ta’ tagħlim f’dawn il-ħiliet ġodda huwa wieħed car u inekwivokabbli.

Meta wieħed iqis li l-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u t-Teknoloġija din is-sena biss laqa’ fih aktar minn 1,000 student f’aktar minn 60 kors differenti, juri biċ-ċar li qegħdin nindirizzaw il-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tad-dinja tax-xogħol.  Din qiegħda dejjem aktar tibbaża ruħha fuq it-teknoloġija li tevolvi b’mod kontinwu. Il-Gvern ta prova cara ta’ l-impenn tiegħu sabiex jindirizza dawk l-oqsma fejn konna qed inħossu ċertu nuqqasijiet.  Dan għamilnieh għax nemmnu bis-sħiħ li jekk nagħtu dawn il-ħiliet ġodda liż-żgħażagħ tagħna, dawn żgur se jkunu kapaci jaffrontaw il-futur tagħhom, b’entużjażmu u b’ottimiżmu.

Fattur ieħor pożittiv huwa dak li f’pajjiżna n-numru ta’ djar li għandhom access għall-internet qiegħed dejjem jiżdied.  Fil-fatt l-aħħar statistika turi li minn Dicembru tas-sena 2000 sa Marzu li għadda dawn irduppjaw. Din ir-rata hija t-tielet l-akbar mill-pajjiżi kandidati għall-sħubija fl-Unjoni Ewropea u kif ukoll hija akbar minn dik ta’ xi pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea fosthom il-Portugal, Spanja, l-Italja, Franza u l-Grecja.

Iżda dan mhux biżżejjed.  Meta naraw riżultati ta’ stħarriġ li juru li għad għandna żgħażagħ li qed ibatu minn dik li hi magħrufa bħala digital illiteracy, nafu li hemm bżonn nibqgħu għaddejjin naħdmu sabiex negħlbu dan l-ostaklu.

Kien għalhekk li aħna waqqafna l-programm YouthNet.  Ridna ngħinu lill-għaqdiet taż-żgħażagħ sabiex jibdew jaħsbu jaġixxu bħala parti minn kultura diġitali, u fl-istess ħin jibnu network ta’ riżorsi għalihom u għal żgħażagħ bħalhom.

Pass ieħor importanti kien dak meta niedejna l-Youth Internet Portal, li permezz tiegħu ħloqna punt ta’ riferiment għal dawk l-għaqdiet taż-żgħażagħ li jinteresshom jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ma’ żgħażagħ oħra kemm Maltin u kif ukoll barranin.

Għinna mhux ftit ’l diversi għaqdiet sabiex jarmaw ruħhom bl-infrastruttura ta’ l-informatika sabiex ikunu jistgħu jagħmlu dan.

Għalhekk huwa ta’ pjacir kbir għalija li bħala Segretarjat, nagħtu l-appoġġ tagħna għal din l-attività, ghax mhux biss qed tippromwovi l-użu tat-teknoloġija ta’ l-informatika imma l-isfruttar b’mod innovattiv ta’ l-Internet.  L-Internet fih potenzjal edukattiv u kummerċjali li l-pajjiż ma jistax joqgħod lura milli jisfrutta jekk irridu nimxu ’l quddiem.

Nagħlaq billi nifraħ lir-rebbieħa u lil kull min ippartecipa, filwaqt li nirringrazzja lil Alert Communications ta’ l-istedina tagħhom.

Grazzi ħafna

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

More Press Releases Right arrow