Għajnuna mill-F.A.O. dwar l-immaniġġjar tar-riżorsi ta’ l-ilma
Għadu kemm gie ffirmat ftehim li permezz tiegħu l-Organizzazzjoni ta’ l-Agrikultura u l-Ikel ser tgħin lill-Gvern Malti fit-tfassil ta’ politika ġdida li għandha twassal għall-immaniġġjar sostenibbli tar-riservi ta’ l-ilma li pajjiżna għandu taħt l-art.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Agrikultura u Sajd Ninu Zammit, f’Birżebbuġa il-bierah, meta tkellem waqt l-attività annwali biex jitfakkar il-Jum Dinji ta’ l-Ikel.
L-attività bdiet b’Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fil-knisja parrokkjali ta’ Birżebbuġa. Wara, fl-Iskola Primarja, saret il-preżentazzjoni ta’ midalji lil persuni u għaqdiet li ddistingwew ruħhom fil-produzzjoni ta’ l-ikel u fil-produzzjoni ta’ l-ilma, kif ukoll ta’ vouchers lill-istituzzjonijiet filantropiċi.
Il-Ministru Ninu Zammit fakkar li t-tema li ntagħżlet mill-FAO fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ta’ l-Ikel hi: L-ilma: għajn biex ikun assigurat l-ikel. Hu qal li ntagħżlet din it-tema għax l-ilma għandu rabta sħiħa mal-produzzjoni ta’ l-ikel. Dan għaliex mingħajr ilma ma tistax issir produzzjoni agrikola.
Hu fakkar li aktar ma qed tiżdied il-popolazzjoni aktar qed tiżdied id-domanda għall-ikel u allura aktar qed jiżdied l-użu ta’ l-ilma għat-tisqija. Dan il-fatt allura jesigi kull prekawzjoni biex l-istess ilma tal-pjan ma jiġix kontaminat.
Għaldaqstant, stqarr il-Ministru Zammit, trid tibda tittieħed azzjoni b’mod li mhux biss ikun kontrollat l-użu ta’ dan l-ilma prezzjuż, permezz ta’ immaniġġjar aħjar ta’ dawn ir-riżorsi, iżda wkoll li jibda jinġabar u jinħażen aktar ilma tax-xita.
Barra minn hekk, u bl-iskop li l-ilma li jinġabar f’kull forma ta’ ħażna ikun ilma tat-tisqija ta’ kwalità, il-bdiewa u r-raħħala kollha se jkunu megħjuna f’inizjattivi li jassiguraw li l-istess ħażniet ta’ l-ilma ma jiġux kontaminati b’fertilizzanti, pestiċidi jew b’xi forma ta’ skart mill-irziezet.
Hu qal li l-ftehim li sar mal-FAO għandu l-iskop li, bl-għajnuna ta’ nies tekniċi, titfassal policy gdida u ssir il-leġislazzjoni meħtieġa biex ikun assigurat l-użu sostenibbli ta’ dan l-ilma u biex dan ir-riżors ma jibqax jintilef.
Il-Ministru Zammit qal li fir-rigward tal-ġbir u l-ħażna ta’ ilma tax-xita, qed ikunu proposti diversi inizjattivi permezz tal-Pjan ta’ l-Iżvilupp Rurali għall-gżejjer Maltin. Dawn jinkludu l-bini ta’ aktar ġibjnu għall-ġbir ta’ l-ilma, il-kostruzzjoni ta’ sistemi ġodda ta’ distribuzzjoni kemm għall-ilma tax-xita kif ukoll dak imsaffi mid-drenaġġ, il-bini u r-restawr ta’ diegi fil-widien, u l-użu ta’ teknoliġji ġodda għall-immaniġġjar u l-konservazzjoni tar-riżorsi ta’ l-ilma. Hu qal li dawn l-inizjattivi jkunu jistgħu jiġu finanzjati mill-Unjoni Ewropea.
Fl-aħħarnett, il-Ministru Zammit appella biex kulħadd jibża’ għar-riżorsi naturali li għandna ta’ l-ilma kemm f’dik li hi kwantità kif ukoll kwalità.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928