JIBDA L-PROĠETT GĦAS-SEPARAZZJONI TA’ L-ISKART
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li kien ta’ pjaċir għalih ikun preżenti għal waħda mill-100 attività li qed ikunu organizzati fl-okkażjoni tal-Clean Up the World, meta segwa attività ta’ tindif organizzata mill-Kunsill Lokali Sliema Hu qal li t-tema magħżula għal din is-sena hi "Il-Komunità tiegħek, id-dinja tagħna".
Francis Zammit Dimech qal li l-parteċipazzjoni ta’ 43 Kunsill Lokali f’din l-attività turi li dan il-messaġġ inftiehem. Hu qal li ħadd daqs il-Kunsilli Lokali ma jaf x’inhuma l-veri ħtiġiet tal-komunità u għalhekk il-parteċipazzjoni ta’ tant kunsilli mhix biss ta’ min ifaħħarha iżda inqisuha bħala indispensabbli jekk irridu li pajjiżna jinżamm nadif.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li f’din l-attività kienu qed jipparteċipaw ukoll diversi għaqdiet volontarji, kumpanniji privati u skejjel li flimkien jagħtu messaġġ qawwi lill-poplu Malti li l-isforz biex pajjiżna jinżamm aktar nadif irid ikun minn kulħadd.
Francis Zammit Dimech fakkar li l-Gvern joffri servizzi bla ħlas għall-ġbir ta’ l-iskart domestiku, għall-ġbir ta’ skart ġoff u għat-tindif ta’ toroq u lokalitajiet pubbliċi. Hu qal li minkejja li dawn is-servizzi huma l-għira ta’ pajjiżi ferm aktar żviluppati minnha xorta għad hawn min jarmi kull tip ta’ skart fil-kampanja, tant li kull sena ħaddiema mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jneħħu eluf ta’ tunnellati ta’ skart iddepożitat illegalment fil-kampanja.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li bħalissa l-Gvern kien qed iwettaq Proġett Skart bl-iskop li tkun implimentata l-Istrateġija għall-Immaniġġjar ta’ l-Iskart Solidu. Hu qal li bħala parti minn din l-istrateġija l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kien qed jintroduċi separazzjoni ta’ l-iskart fid-djar u l-ġbir separat ta’ materjal riċikjabbli, inkluż dak biodegradabbli. Francis Zammit Dimech qal li din is-sistema qed tiddaħħal bil-mod il-mod. Hu qal li qed issir ħidma fis-Swieqi fejn il-koperazzjoni hi waħda nkoraġġanti. Dan il-proġett qed ikun estiż għal Santa Luċija u qed jingħata ħajja ġdida f’Pembroke. Il-Ministru Zammit Dimech qal li biex igħin fis-suċċess ta’ dan il-proġett il-Gvern qed jipprovdi bins u boroż apposta li huma bioddegradabbli u li jistgħu jinbidlu f’kompost.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li Proġett Skart kien qed jaħseb ukoll biex ikun hemm bring centres u drop-off points għal materjal riċiklabbli. Hu qal li saru taħditiet biex jintagħżlu areas fejn civic amenity sites għandhom ikunu inklużi fil-pjani lokali tan-Nofsinhar ta’ Malta filwaqt li qed isir xogħol biex jitwaqqfu bring-in sites fit-Tramuntana tal-pajjiż.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li fil-ħidma tiegħu l-Gvern jeħtieġ il-kooperazzjoni tal-pubbliku. Dan irid ikun l-għassies biex pajjiżna jinżamm nadif. Jekk kulħadd jagħti sehmu m’hemmx dubbju li l-kampanja tinżamm nadifa bl-istess mod li qed inżommu indaf it-toroq tagħna, sew dawk fil-bliet u l-irħula kif ukoll dawk ewlenin.
Francis Zammit Dimech irringrazzja lil kulmin qed jagħti sehmu biex l-inizjattiva Clean Up the World tkun suċċess. Hu qal li jekk biss nwasslu l-messaġġ li l-komunità fejn ngħixu tkun nadifa kemm irriduha aħna, allura m’hemmx dubbju mis-suċċess tal-ħidma li qed iwettqu llum tant organizzazzjonijet flimkien.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928