Left arrow Go Back

PROGRAMM KONTINWU TA’ TINDIF U TISBIĦ

PR1479
Date Icon 25/10/2002

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li l-Ministeru li kien imexxi kien qed jaħdem bħala xprun favur it-tisbiħ fil-pajjiż. Hu qal dan meta, flimkien mas-Segretarju Parlamentari George Pullicino, żar il-‘picnic area’ f’Ħal Far u xogħol ta’ tisbiħ u tindif li qed isir fl-inħawi ta’ Għar Ħasan.

Il-Ministru qal li dan ma kienx qed jitwettaq biss permezz tal-proġetti ta’ tisbiħ tal-promenades tal-lokalitajiet popolari tagħna ħdejn il-baħar iżda anke billi qed jissebbħu inħawi fiċ-ċentri ta’ l-ibliet u l-irħula u anke ’l barra mil-lokalitajiet mibnija. Hu fakkar ukoll li t-tisbiħ jitwettaq ukoll billi jitnaddaf materjal li jintefa’ minn nies irresponsabbli fil-kampanja u fil-widien.

Francis Zammit Dimech qal li ż-żewġ siti li kienu qed iżuru llum kienu eżempju ta’ ħidma ta’ tisbiħ ’il bogħod minn lokalitajiet mibnija iżda li jservu bħala post fejn il-Maltin iqattgħu l-ħin liberu tagħhom. Hu qal ukoll li wieħed minn dawn is-siti kien qed jitnaddaf b’mod regolari minn persuni bi bżonnijiet speċjali li ma jridux karità mill-Gvern iżda jinsistu li jaħdmu biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li f’Ħal Far, fejn hemm picnic area li hi frekwentata ħafna f’dawn il-jiem tas-sena, ħaddiema mis-Sezzjoni għall-Parks u Konservazzjoni tal-Pajsaġġ sewwew ħitan u naddfu l-inħawi minn skart goff. Hu qal li membri ta’ l-Eden Co-operative Society Limited qed inaddfu b’mod regolari dawn l-inħawi. Francis Zammit Dimech appella lil dawk kollha li jiffrekwentaw dawn l-inħawi biex ma jagħmlux ħsara billi jaqilgħu ġebel mill-ħitan u jipparkjaw vetturi fl-inħawi maħsuba bħala picnic area.

Francis Zammit Dimech tkellem dwar ix-xogħol li qed isir fl-inħawi ta’ Għar Ħasan. Hu fakkar li minn dawn l-inħawi kienu diġà tneħħew 580 tunnellata, jew madwar 40 trakk skart. Hu qal li bħalissa ħaddiema mis-Sezzjoni għall-Parks u Konservazzjoni tal-Pajsaġġ kienu qed jibnu ħitan tas-sejjieħ u joħolqu spazji anke b’bankijiet tal-ġebel fejn familji sħaħ ikunu jistgħu iqattgħu l-ħin liberu u jgawdu l-veduti sbieħ f’dawn l-inħawi. Il-Ministru Zammit Dimech qal li ħaddiema mid-Dipartiment għall-Imaniġġjar ta’ l-Iskart kienu qegħdin inaddfu l-inħawi li jwasslu sa’ Għar Ħasan, u anke l-istess għar.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li d-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru kien se jieħu ħsieb li jinbidel il-ħadid li jwassal għall-għar. Hu qal li sakemm dan il-ħadid jitlesta fi żmien ftit tal-ġimgħat oħra kien saru t-tiswijiet neċessarji biex jitneħħa il-periklu li kien hemm. Francis Zammit Dimech qal li ħaddiema mis-Sezzjoni kontra t-Tniġġiż miż-Żejt kienu qed inaddfu l-blat minn kitba biż-żebgħa li saret fuqu.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li permezz ta’ din il-ħidma l-Gvern kien qed igħin b’mod konkret lill-Kunsilli Lokali biex iżommu fi stat tajjeb siti bħal dawn. Hu appella biex darba jitlestew proġetti bħal dawn isir minn kollox biex ma jiġux vandalizzati u biex ma jintremiex skart li jisfreġja dan l-ambjent sabiħ.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech fakkar li f’dawn l-aħħar erba’ snin il-Unit għal Servizz u Tisbiħ waħdu neħħa aktar minn 32,000 tunnellata’ jew madwar 2,200 trakk skart. Dan il-materjal kien qed jintrama’ minn nies irresponsabbli li m’humiex jużaw il-faċilitajiet li qed iqiegħed għad-diżpożizzjoni tagħhom il-Gvern biex jiddisponu mill-iskart li jkollhom.

Francis Zammit Dimech qal li minn nofs din is-sena t-Taqsima għal-Parks u Konservazzjoni tal-Pajsaġġ kienet bdiet ħidma biex tneħħi tankijiet minn għelieqi li barra milli qegħdin hemm kontra l-liġi kienu jkerrħu lill-ambjent. Hu qal li sal-ġimgħa l-oħra kienu tneħħew 6,750 tank. Qal li dawn kienu qed jitgħaffġu u jinġarru minn ħaddiema tad-

Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura tenna li pajjiżna ikun nadif kemm kull wieħed u waħda minnha jżommu nadif. Hu qal li l-Gvern jagħti sehmu biex inaddaf u jsebbaħ iżda jrid ikun il-poplu li jħares l-indafa. Francis Zammit Dimech filwaqt li rringrazzja lil kulmin qed jaħdem biex pajjiżna jissebbaħ u jinżamm nadif appella għal aktar sens ċiviku li għandu jixprunana biex mhux biss nikkundannaw lil min iħammeġ iżda biex anke nagħtu sehmna għal pajjiż ambjentalment isbaħ.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 student jieħdu sehem fil-Malta Skills Championships 2026

PR261928

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 320 studen...

More Press Releases Right arrow