Skejjel Inklussivi
"It-trasformazzjoni meħtieġa trid titwettaq mill-għalliema, l-kapijiet ta' l-iskejjel u dawk kollha konċernati f'kull klassi ta' Malta u Għawdex. Il-Gvern kellu r-responsabbilita' li jagħti d-direzzjoni permezz tal-Kurrikulu u dan għamlu, kellu r-responsabbilita’ li jipprovdi l-finanzjament meħtieġ, u dan qed jagħmlu mill-aħjar li jista' permezz ta' pakkett li se jilħaq Lm6 miljun fis-sena, u kellu wkoll jinnegozja fteħim mal-MUT dwar il-kurrikulu u dan għamlu wkoll. L-impenn u l-vokazzjoni kollettiva ta' l-għalliema biex titwettaq il-bidla fil-klassijiet u l-iskejjel tagħna hi fattur determinanti għas-suċċess tar-riforma."
Dan qalu l-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea waqt it-tieni konferenza ta' ġurnata li saret fil-lukanda Dolmen, bħala parti mill-proċess ta' implimentazzjoni tal-Kurrikulu Nazzjonali.
Il-Kunsill Nazzjonali għall-Kurrikulu flimkien mal-Focus Group dwar l-Edukazzjoni Inklussiva organizzaw żewġ konferenzi għall-Kapijiet ta' l-Iskejjel tal-Knisja, Privati u ta' l-Istat u l-Education Officers, biex jikkomunikaw il-ħidma li saret f'dan il-qasam mill-istess Focus Group, kif ukoll biex jibda x-xogħol biex l-iskejjel tagħna isiru skejjel dejjem aktar inklussivi.
Fost affarijiet oħra, id-delegati ngħataw ktejjeb ippublikat mill-Focus Group dwar l-edukazzjoni inklussiva li jservi bħala gwida biex l-iskejjel ikunu jistgħu iwettqu proċess ta' evalwazzjoni, joħolqu pjani ta' żvilupp, jimplimentaw dan il-pjan u jagħmlu l-evalwazzjoni meħtieġa. Il-Ktejjeb jismu "Creating Inclusive Schools - Guidelines for the Implimentation of the National Curriculum Policy on Inclusive Education".
Il-ktejjeb hu maħdum b'mod li l-iskejjel ikunu jistgħu jidentifikaw kemm l-iskola tagħhom hi skola inklussiva permezz ta' 43 indikatur ġenerali u bejn 6 u 12-il indikatur speċifiku għal kull indikatur ġenerali.
Id-delegati li qed jattendu l-Konferenzi nqasmu f'workshops biex ikunu jistgħu jesperimentaw u jifhmu aktar dwar kif jużaw id-dokument u l-indikaturi biex jagħmlu l-evalwazzjoni fl-iskejjel tagħhom u jkunu jistgħu jibdew il-proċess ta' implimentazzjoni.
Il-Kelliemi ewlieni kien l-Professur Mel Ainscow li għandu esperjenza vasta ta' programmi u riċerka f'dan il-qasam f'diversi pajjiżi. Il-Professur Ainscow hu ko-awtur tal-"Index for Inclusion: Developing Learning and Participation in Schools" li kien użat biex ġie żviluppat id-dokument għal Malta.
Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea qal li, f'pajjiżna qed ngħixu rivoluzzjoni silenzjuża fil-qasam edukattiv. L-iżviluppi qed isiru bl-involviment ta' kulħadd u mingħajr skossi. Il-Ministru qal li l-15-il Focus Group li twaqqfu biss sena ilu għamlu xogħol siewi ħafna biex żviluppaw programmi ta' azzjoni. Dan qed jiġi komunikat lill-iskejjel, lill-kapijiet, l-għalliema u l-ġenituri. Il-Ministru fakkar li fl-istess ħin qed issir reviżjoni tas-sillabi tas-suġġetti differenti bl-iskop li dawn jiriflettu l-prinċipji tal-Kurrikulu Nazzjonali.
Il-Ministru qal li hekk kif il-proċess biex kien ippublikat il-Kurrikulu Nazzjonali kien wieħed li involva lil kulħadd, issa wkoll l-implimentazzjoni tiegħu qed issir bit-tisħib ta' kulħadd. Il
-Ministru qal li l-għalliema u l-kapijiet ta' l-iskejjel u dawk kollha li għandhom interess fl-edukazzjoni jridu jkunu pro-attivi fil-proċess ta' l-implimentazzjoni.
Il-Ministru emfasizza li t-trasformazzjoni trid titwettaq mill-għalliema, l-kapijiet ta' l-iskejjel u dawk kollha konċernati f'kull klassi ta' Malta u Għawdex. Il-Gvern kellu r-responsabbilita' li jagħti d-direzzjoni permezz tal-Kurrikulu u dan għamlu, kellu r-responsabbilita li jipprovdi l-finanzjament meħtieġ u dan qed jagħmlu mill-aħjar li jista' permezz ta' pakkett li se jilħaq Lm 6 miljun fis-sena, u kellu ukoll jinnegozja fteħim mal-MUT dwar il-kurrikulu u dan għamlu wkoll. L-impenn u l-vokazzjoni kollettiva ta' l-għalliema biex
titwettaq il-bidla fil-klassijiet u l-iskejjel tagħna hi fattur determinanti għas-suċċess tar-riforma.
Il-Ministru temm jawgura li kull min hu involut fl-edukazzjoni jieħu interess f'dan il-proċess, għax jekk wieħed mill-imsieħba f'dan is-settur jonqos, il-probbabilita' hi li l-proċess kollhu jbati u finalment ibatu t-tfal. Hu qal li jemmen ħafna fil-kapaċita ta' l-edukaturi Maltin u li l-edukaturi għandu jkollhom fiduċja sħiħa fil-potenzjal tagħhom biex iwettqu l-bidla li hemm bżonn.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928