Servizz ta' KwalitÀ Biex Int Tinqeda Aħjar
Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni għandha d-dmir li tiżgura li t-tfal Maltin ikollhom Edukazzjoni xierqa. Id-Dipartiment ta’ l-Operat, wieħed minn dawn is-sitt Dipartimenti fi ħdan id-Diviżjoni ta’ Edukazzjoni, jieħu fuq spallejh sehemhu minn dawn ir-reponsabbiltajiet. Ħarsa ħafifa lejn is-servizzi li dan id-Dipartiment joffri lill-pubbliku malajr turi kemm hi wiesgħa l-firxa tal-ħidma li jwettaq.
Fost affarijiet oħra, dan id-Dipartiment jieħu ħsieb:
- Jagħti direzzjoni lill-iskejjel Primarji u Sekondarji statali, minbarra l-iskejjel Speċjali
- Jara li r-regoli jkunu jinftiehmu u li jitwasslu b’komunikazzjoni tajba
- Jara li jkollna skejjel ta’ kwalità
- Jara li jkun hemm għalliema professjonali fl-iskejjel
- Jara li jkun hemm komunikazzjoni tajba bejn l-iskejjel, id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, kif ukoll bejn l-iskejjel, il-kunsilli skolastiċi u l-ġenituri.
Id-Direttur tad-Dipartiment ta' l-Operat (Operations Department), Dr. Cecilia Borg, qalet li l-ħidma tad-Dipartiment ta’ l-Operat timmira li jkun hawn edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd u li jara li kull tifel u tifla fl-iskejjel tal-Gvern għandu dak li jinħtieġ biex jieħu edukazzjoni tajba.
X’qed iwiegħed id-dipartiment fil-Quality Service Charter?
L-ewwel u qabel kollox - li jagħti servizz ta’ KWALITÀ.
- Billi jagħti għajnuna fil-pront lil min jitlob is-servizz u li kull informazzjoni li jirċievi titqies bħala nformazzjoni kunfidenzjali.
- Billi l-ambjent jinżamm nadif u akkoljenti
- Billi meta jitwieġeb it-telefon, l-uffiċjali jidentifikaw ruhhom mill-ewwel, u jippruvaw jaqdu lill-klijenti tagħhom fil-pront, b’manjieri xierqa u b’rispett
- Billi l-ittri li jirċievu jintbgħatu tweġiba għalihom fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol. Meta l-materja tkun teħtieġ investigazzjoni fit-tul, tintbagħat twegiba sħiħa fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol.
- Billi jsir dak kollhu possibbli biex l-applikazzjonijiet għal talbiet speċjali għad-dħul fl-iskejjel, jiġu pproċessati minn ta’ l-anqas erba’ ġimgħat qabel tibda l-iskola. Fil-kas tat-tfal tal-Kindergarten, il-ġenituri jkunu nfurmati permezz tal-Kunsilli Lokali meta għandhom jirregistraw it-tfal.
- Billi jsir dak kollhu possibbli biex it-trasport tat-tfal lejn u mill-iskola jkun wieħed regolari, effiċenti u serju.
- Billi jaħdem biex kull skola jkollha Kunsill Skolastiku u li dan jimxi fuq ir-regoli diġà mwaqqfa.
- Billi kull informazzjoni li tingħata tkun ċara, korretta u aġġornata.
Għal dan is-servizz kollu, il-ħaddiema u d-dipartiment:
- Marbutin li jagħtu opportunitajiet indaqs lil kulħadd
- Marbutin li jkollhom l-informazzjoni meħtieġa u li jkunu ddedikati fix-xogħol u mħarrġin sew fil-proċeduri tad-Dipartiment
- Marbutin li jwieġbu għat-talbiet li jsiru mingħand il-klijenti bl-aktar mod effettiv u professjonali
- Marbutin li jipprovdu għajnuna professjonali lill-għalliema billi japplikaw riċerka, idejat u żviluppi moderni
- Marbutin li jipprovdu għajnuna u pariri meta jkunu qed jaqdu lill-klijenti.
Dr. Borg qalet li barra minn hekk, b’dan iċ-Charter għal Servizz ta’ Kwalità, il-wegħda tad-dipartiment li jaghti servizz lill-pubbliku, se ssir waħda pubblika, u b’ hekk il-klijenti tiegħu, jiġifieri t-tfal, il-ġenituri u l-għalliema, ser ikunu jafu sew x’ għandhom jistennew mid-Dipartiment ta’ l-Operat.
Il-ħaddiema fid-Dipartiment, iwiegħdu li qed jidħlu għal dan il-proġett: BIEX INT TINQEDA AĦJAR.
Il-Ministru Louis Galea, qal li fil-Ministeru tiegħu, illum hemm diġà seba' Quality Service Charters f'diversi oqsma. Hu qal li b'dawn iċ-Charters qed niżguraw li kull min juża s-servizzi li joffru d-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, jingħataw servizz tajjeb, effiċjenti, fil-ħin u mingħajr ma wieħed ikollu joqgħod idur minn post għal ieħor.
Il-Ministru qal li minbarra t-titjib li qed isir f'kull dipartiment, il-Gvern qed jinvesti ħafna biex ikun jista joffri s-servizzi tiegħu permezz ta' l-Internet u dan biex il-pubbliku jkun jista jinqeda anke mill-kumdità tad-dar tiegħu stess. Il-Gvern qed jara wkoll li jiżdied l-aċċess għall-internet u l-e-mail permezz ta' diversi inizjattivi fosthom dak ta' tagħlim b'xejn għall-pubbliku fl-iskejjel statali filgħaxija.
Il-Ministru tenna li l-Gvern preżenti ħadem tul is-snin biex is-servizz pubbliku jtejjeb l-effiċjenza tiegħu u jgħolli l-livell ta' sodisfazzjon tal-pubbliku. Dan seħħ permezz tal-politika ta' deċentralizzazzjoni u permezz tal-ħidma kontinwa ta' ristrutturar u evalwazzjoni tas-servizzi li joffri l-istess Gvern.
Il-Ministru temm jgħid li filwaqt li l-Gvern qed jimplimenta l-E-Government irid jara li kulħadd ikollu aċċess u jingħata servizz ta' kwalità u għalhekk hemm bżonn li kull dipartiment jaħdem biex itejjeb is-servizz li joffri lill-pubbliku.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928