Ħidma kbira favur ambjent aħjar u pajjiż aktar nadif
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li s-suġġett magħżul din is-sena għall-kampanja Clean Up the World - "il-komunita’ tiegħek, id-dinja tagħna", jwassalna biex nifhmu kemm kienet għażla għaqlija li għamel il-Gvern preżenti meta waqqaf il-Kunsilli Lokali fil-pajjiż.
Francis Zammit Dimech qal dan meta flimkien mas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ta’ l-Intern u l-Ambjent, il-perit George Pullicino, nhedew il-kampanja Clean Up the World.
Dr Zammit Dimech qal li permezz tal-Kunsilli Lokali r-residenti tal-lokalitajiet saru aktar konxji mhux biss mill-indafa tal-belt jew raħal fejn jgħixu iżda wkoll minn dak kollu li hemm madwarhom: il-bini storiku, il-kampanja, il-widien.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-fatt li llum il-Kunsilli Lokali huma responsabbli mill-indafa tal-lokalitajiet tagħhom ma jfissirx li l-Gvern mhux jagħti sehmu ukoll biex pajjiżna jinżamm aktar nadif fl-art, fl-arja u fil-baħar.
Francis Zammit Dimech fakkar li fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kien hemm diversi strutturi marbuta mat-tindif u t-tisbiħ ta’ l-ambjent madwarna. Hu qal li
- Il-Unit għall-Immaniġġjar ta’ l-Iskart u Inizjattivi Sostenibbli hu responsabbli milli jikkordina u jimplimenta l-Istrateġija għall-Immaniġġjar ta’ Skart Solidu għall-Gżejjer Maltin.
- Is-Sezzjoni għall-Parks u Konservazzjoni tal-Pajsaġġ hi responsabbli mill-iżvilupp u mmaniġġjar tal-parks nazzjonali kif ukoll xogħol ġenerali ta’ tindif, tisbiħ u ħarsien fil-pajsaġġ u l-kampanja ta’ pajjiżna. Din is-sezzjoni qed tieħu ħsieb ukoll li twettaq programm ta’ afforestazzjoni.
- Il-Unit għal Servizz u Tisbiħ hu responsabbli minn tindif ta’ culverts, tindif u tiswijiet ta’ catchment pits, tiswija u bdil ta’ kaptelli ta’ kanali tax-xita, qtugħ ta’ ħaxix, tneħħija ta’ posters, tibjid, tikħil u żebgħa ta’ ħitan, roundabouts u centre-strips u tiswija ta’ ħitan.
- Is-Sezzjoni kontra t-tniġġiż taż-Żejt mill-baħar tikkoordina l-entitajiet kollha fil-korpi parastatali, fi ħdan il-Gvern u s-settur privat sabiex tipprevjeni, tikkontrolla u tiġġieled kontra kull tip ta’ tniġġiż ta’ żejt, speċjalment fil-baħar li jdawwar il-kosta ta’ Malta u Għawdex.
- Id-Dipartiment tad-Drenaġġ hu responsabbli mis-sistema tad-drenaġġ mal-bliet u l-irħula ta’ pajjiżna, biex din is-sistema tinżamm dejjem fi stat ta’ manutenzjoni, biex isiru estensjonijiet fejn is-sistema tkun għadha ma twasslitx u biex ma jkunx hemm tniġġiż fil-baħar. Barra mid-Dipartiment tad-Drenaġġ hemm ukoll is-Sewerage Master Plan Implementation Unit li taħdem biex ikun hemm l-infrastruttura meħtieġa biex id-drenaġġ kollu f’pajjiżna jissaffa qabel jintefa’ fil-baħar.
- Id-Dipartiment għall-Immaniġġjar ta’ l-Iskart u l-Implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija jiġbor fih ħafna mill-attivitajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart, primarjament is-Sezzjoni għad-Disponiment ta’ l-Iskart, is-Sezzjoni għar-Riċiklaġġ u s-Sezzjoni ta’ l-Indafa Pubblika.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-ħidma li jagħmlu dawn id-dipartimenti u taqsimiet hi waħda impressjonanti. Hu fakkar li matul is-sena li għaddiet
- Ingħata bidu għal Proġett Skart li għandu l-kompitu li jimplimenta l-Istateġija għall-Immaniġġjar ta’ l-Iskart Solidu. Din l-istrateġija hi mibnija fuq 56 azzjoni li minnhom diġa twettqu 11 filwaqt li l-bqija bdew jitwettqu.
- Il-kampanja ta’ tneħħija ta’ tankijiet u white goods mill-għelieqi f’Malta issa qabdet ritmu tajjeb u diġa tneħħew aktar minn 5,000 tank li tbattlu u tgħaffġu. Matul is-sena li għaddiet is-Sezzjoni għall-Parks u Konservazzjoni tal-Pajsaġġ għamlet manutenzjoni ta’ aktar minn 44 metru kubu ta’ ħitan tas-sejjieħ u neħħiet 95 metru kubu ta’ skart goff. Din is-sezzjoni qiegħda wkoll twettaq xogħlijiet ta’ tisbiħ fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, fil-Park Reġjonali ta’ Ħaż-Żabbar u fl-inħawi ta’ Għar Ħasan. Is-sezzjoni bdiet ukoll programm ta’ afforestazzjoni f’Pembroke u se tagħmel xogħol simili fil-Mellieħa.
- Il-Unit għal Servizz u Tisbiħ neħħa 1,934 trakk materjal li jammontaw għal 12,912 il-tunnellata materjal minn Marsaskala, Ħal Far, il-Mosta, Wied il-Kbir, l-Imrieħel, Bormla, ix-Xgħajra u minn diversi bnadi oħrajn.
- Is-Sezzjoni kontra t-Tniġġiż taż-Żejt fil-Baħar ħadet azzjoni f’10 inċidenti ta’ żjut li ntefgħu l-baħar jew li niġġsu l-kosta madwar Malta.
- Id-Dipartiment tad-Drenaġġ wettaq ħidma fuq 59 estensjoni tas-sistema tad-drenaġġ, lista li ma tinkludix estensjonijiet oħra li jiġu implimentati mid-Dipartiment tat-Toroq għad-Dipartiment tad-Drenaġġ.
- Id-Dipartiment għall-Immaniġġjar ta’ l-Iskart u l-Implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ġabar 460 tunnellata ta’ karta u 33 tunnellata kartun li kollha ġew riċiklati lokalment.
- Barra minhekk id-Dipartiment kkonsolida s-servizz ta’ ġbir ta’ batteriji meta ġabar 8,030 kg ta’ batteriji. Matul is-sena li għaddiet ġew depositati fil-Magħtab 1,246,325 tunnellata ta’ skart li 83.55 fil-mija minnhom kien skart mis-settur tal-kostruzzjoni. 81,320 tunnellata minn dan l-iskart tkisser u tfarrak f’terrapien biex jintuża fit-twittija ta’ lantijiet u bħala s-saff ta’ l-aħħar fis-sit tal-Magħtab.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li dawn iċ-ċifri juru ftit mill-ħidma li l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qed iwettaq biex iżomm pajjiżna nadif. Hu qal li l-Ministeru kien qed jgħin b’kull mod lill-Kunsilli Lokali fil-ħidma tagħhom tant li kull sena jonfoq aktar minn Lm2miljun fi proġetti għad-diversi lokalitajiet f’Malta, proġetti li jinkludu tindif, tisbiħ, restawr u riabiltazzjoni.
Francis Zammit Dimech qal li l-ħidma tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kienet indirizzata lejn li l-lokalitajiet f’pajjiżna jinżammu aktar indaf u jissebbħu biex jitgawdew mir-residenti. Hu qal li f’din il-ħidma l-Gvern kien qed isib il-koperazzjioni tal-Kunsilli Lokali għaliex kien ċert li dawn kienu jemmnu li permezz ta’ din il-koperazzjoni l-komunita’ li fiha kienu jgħixu kienet id-dinja tagħhom li lkoll irridu nħarsu u ngħożżu biex il-Maltin kollha jitilgħu f’ambjent aktar f’saħħtu.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926