Left arrow Go Back

TAGHLIM B’XEJN TAL-KOMPJUTER U L-INTERNET GHALL-MALTIN KOLLHA

PR1410
Date Icon 12/10/2002

Frott ta’ politika ta’ Gvern li jaf fejn irid imur fil-ħolqien ta’ soċjeta inklussiva, minn Jannar, kull Malti ser ikollu e-mail address b’xejn.


Il-Ministru  tal-Ġustizzja u Gvern Lokali Austin Gatt illum  nieda l-inizjattiva myWeb, flimkien mal-Ministru tal-Edukazzjoni Dr. Louis Galea. “Permezz ta’ l-inizjattiva myWeb ser ngħallmu liċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin, l-ħiliet bażiċi fl-użu tat-teknoloġiji ta’l-informatika, billi nagħmlu użu mill-klassijiet tal-internet fl-iskejjel tagħna wara l-ħin ta’ l-iskola”, fisser Dr. Gatt. Huwa kompla jfisser li flimkien mal-MCAST ġie żviluppat kurriklulum intiż għall-dawk li qatt ma raw jew missew kompjuter b’idejhom, u li wara l-20 siegħa ta’ taħriġ dawn jkunu jafu jużaw il-kompjuter, jikkomunikaw permezz ta’l-email, u jinnavigaw fl-Internet. 

Dr. Gatt qal li llum fid-dinja hawn 559 miljun ruħ li għandhom aċċess regolari għall-internet. F’Malta l-ammont ta’ djar li għandhom aċċess għal-Internet huwa 50,000. 

Madanakollu, l-qasma diġitali hija realta globali li jista’ jkollha effetti f’pajjiżna wkoll. Ridna noqogħdu attenti li minħabba l-fatt li iktar ma dawn it-teknoloġiji jinfdu kull parti tal-ħajja tagħna, jikber ir-riskju li nħossu l-effetti ta’ din il-qasma.

Il-Gvern ħoloq il-Kummissjoni eMalta, mix-xejn bil-għan li din il-qasma ma tinbdilx f’purtiera tal-ħadid li tifred lil dawk li jafu minn dawk li ma jafux jużaw dawn it-teknoloġiji. 

Il-Ministru Gatt, fakkar kif il-Kumissjoni eMalta bdiet topera sena ilu, bi pjan strateġiku, li kien meqjus minn ħafna bħala wieħed ambizzjuż ħafna. Żewġ għanijiet tal-Kummissjoni kienu, il-ġlieda kontra l-qasma diġitali (digital divide) u it-tisħiħ tal-edukazzjoni fl-informatika fil-livelli kollha tas-soċjeta. 

Il-Ministru Gatt spjega li player important li jispikka fiż-żewġ għanijiet huma l-Kunsilli Lokali li “kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Ministeru tiegħi jemmnu li r-rwol tagħhom f’dan il-qasam huwa wieħed kruċjali”. Dr. Gatt kompla li  wara li flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, ġiet imfassla politika elettronika lokali, il-Kunsilli Lokali kollha, għax jemmnu fil-validita ta’ din il-politika, daħlu fi ftehim kuntrattwali mal-Kummissjoni u mal-Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali. Il-Ministru Gatt fisser li l-għan ta’ din il-politika huwa li jingħata  aċċess lil min m’għandux, filwaqt li nipprovdu l-ħiliet bażiċi li min irid jitgħallem. Madanakollu l-Gvern ried li dan kollu jsir b’mod inklussiv iżda f’qafas sostenibbli. 

Dr. Gatt fisser il-jum tal-lum bħala jum li fih “waħda mill-ħolmiet politiċi tiegħi issir realta’.” 

Dr. Gatt ħabbar ukoll li kull persuna li ser tlesti b’suċċess dan it-taħriġ bażiku, ser nagħtuha, eMail Box permanenti, u kont ta’l-Internet permanenti b’numru ta’ siegħat mħallsa. Dan kollu grazzi għall-Internet Service Provider li ser jintagħżel fil-jiem li ġejjin. 

Dr. Gatt saħaq li ma aħniex ser nieqfu hawn. B’risposta għal dawk li jaħsbu li l-Gvern m’għandux enerġija, mifxul, jew f’paniku, il-Ministru Gatt fisser il-pjan li l-Gvern għandu f’dan il-qasam, pjan li huwa intenzjonat li dan il-programm jilħaq aktar u aktar nies. Fost l-inizjattivi f’dan ir-rigward, il-Ministru Gatt irrefera għall-fatt li dan il-Course ser jiġi adattat għat-televiżjoni biex jkun jista’ jintwera fuq stazzjonijiet televiżivi, ser jiġi adattat għall-anzjani u l-persuni b’diżabilita u minn Novembru ser nagħtu aċċess għal-Internet b’xejn u lil kullħadd. 

Pass ieħor li ser jieħu dan il-Gvern huwa t-twettieq ta’ wegħda elettorali oħra tal-Partit Nazzjonalista, dik li f’ Jannar nagħtu s-servizz tal-email b’xejn lil kullħadd. Dan minbarra inizzjattivi oħra relatati mal-proġett tal-e-Government. 

Il-Ministru Gatt rringrazzja lil Ministru Louis Galea u l-Ministeru ta’l-Edukazzjoni għall-viżjoni u l-appoġġ kontinwu li ta lil dan il-proġett u li mingħajru żgur ma konniex naslu. Huwa rringrazzja wkoll lil MCAST b’mod partikolari li Juan Borg Manduca, id-Direttur tad-Dipartiment tal-ICT. Ringrazzjament ieħor mar lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u lill-Kumissjoni eMalta, li ħolqot, bniet u qed twettaq dan il-proġett. 

Fi tmiem id-diskors tiegħu il-Ministru Gatt saħaq li l-qasmiet soċjali huma realta, la jiddpendu mill-Gvern u lanqas mill-Oppożizzjoni, iżda iktar ma jgħaddi żmien qegħdin dejjem jiddependu fuq il-fenomenu tal-globalizzazzjoni. Il-Ministru Gatt saħaq fuq l-importanza tar-rwol li għandhom il-pariti politiċi., u kkritka l-fatt li l-Oppożizzjoni hija għal kollox assenti minn dan il-qasam. Huwa fisser id-differenza bejn il-partiti bħala abbiss. 

Il-Ministru Gatt fisser din l-inizjattiva bħala l-akbar arma biex “neqirdu mill-egħruq din il-qasma.” 

Minn naħa tiegħu l-Ministru ta’l-Edukazzjoni Louis Galea, fisser l-importanza ta’ din l-inizjattiva fil-kuntest tal-għan tal-Gvern li jfassal xibka ta’ edukazzjoni inklussiva. Il-ministru Galea faħħar ukoll, is-sinerġija li nibtet u li qed tagħti l-frott bejn iż-żewġ Ministeri, sinerġiji li qed jagħtu l-frott. Huwa faħħar ukoll il-mod li bih il-Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali qed joħloq is-sinerġiji neċessarji fi ħdan il-Gvern biex jiġi moderniżżat  il-mod li bih jaħdem il-Gvern. 

Dr. Galea fiehem kif fl-1994, il-Gvern Nazzjonalista kien ħa żewġ inizjattivi, in-National Strategy for Information Technology tal-Gvern, u fil-Ministeru tal-Edukazzjoni nibtet l-inizjattiva b’risq edukazzjoni inklussiva. 

Il-Ministru Galea, qal li f’ dawn l-aħħar tliet snin, saret rivoluzzjoni kbira b’ pass imgħaġġel f’ pajjiżna. 

Il-Kurrikulu Nazzjonali l-ġdid jaħseb biex l-iskejjel tagħna ma jibqgħux torrijiet tal-avorju maqtugħin mill-kommunita, imma jsiru skejjel tal-kommunita. Dr. Galea semma l-passi li ttieħdu biex l-iskejjel jinfetħu iktar, u biex l-investiment massiv li sar fl-iskejjel, jibqa jrendi wara l–ħin li jagħlqu l-iskejjel. Dr. Galea semma kif f’dawn l-aħħar snin intefqu iktar minn tmien miljun lira fl-iskejjel tagħna. Dan wassal biex f’ Malta għandna kompjuter għal kull sebgħa studenti, minbarra li kull student għandu l-email address tiegħu, u l-webspace tiegħu.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

More Press Releases Right arrow