iktar sistemi ta’ e-Government
Il-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali Austin Gatt, flimkien mal-Ministru għat-Trasport u Kommunikazzjoni Ċensu Galea illum niedew is-servizz elettroniku li permezz tiegħu aktar liċenzji ta’ Negozju, dawk li joħorġu mill-Awtorita’ Marittima, u mill-Awtorita’ dwar it-Trasport, jistgħu jitħallsu online, jew mill-Kunsilli Lokali. Dan huwa l-konkluzjoni ta’ proċess li permezz tiegħu l-Gvern wettaq il-migrazzjoni tal-Liċenzji tan-Negozju, minn idejn il-Pulizija għal għand l-awtoritajiet li jikkonċernawhom.
Fi ftit xhur, iktar minn ħamest elef persuna għamlu użu minn dan is-servizz.
Il-proċess kien inbeda fl-1994 meta kien tfassal il-proċess mill-Gvern prezenti, biex jiġi implimentat fl-1996, iżda għal xi raġuni, taħt il-Gvern precedenti ma kien sar xejn. Meta l-Gvern prezenti reġgħa ġie elett, il-proċess kellu jibda mill-ġdid.
Dr. Austin Gatt fid-diskors tiegħu, sostna li mill-1998 ‘l hawn sar xogħol kbir relatat ma’ l-aġġornament tal-liġijiet relattivi, kif ukoll il-ħolqien ta’ sistemi elettroniċi u xogħol relatat mat-tibdil fis-sistemi ta’ kif jaħdem is-servizz Ċivili, biex illum għandna sistema li permezz tagħha, l-liċenzji kollha marbutin man-negozji, jistgħu jiġġeddu permezz tal-Internet, jew inkella mill-Kunsilli Lokali. Dr. Austin Gatt sostna li dan wassal biex illum għandna sistemi li huma state of the art.
Dr. Austin Gatt kompla li l-qofol tal-ħsieb wara l-introduzzjoni ta’ l-eGovernment, huwa marbut mat-tibdil tal-mod ta’ kif jaħdem iċ-ċivil, biex is-servizzi jiġu provduti skond il-ħtiġijiet tal-klijenti.
Dan kien proċess fejn għall-ewwel darba rajna diversi awtoritajiet u dipartimenti tal-Gvern jitkellmu u jaħdmu flimkien. Kullħadd japprezza kemm fl-imgħoddi kien diffiċli biex dan iseħħ. Dan wassal biex minflok għamilna diversi sistemi, għal awtoritajiet separati, għamilna sistema waħda. Dr. Gatt saħaq li dan ifisser ukoll li l-Gvern iffranka madwar Lm 300,000 fi żvilupp ta’ sistemi teknoloġiċi. Iktar importanti minn hekk, kompla Dr.Gatt, huwa l-fatt li ċ-ċittadin, minflok ħames websites differenti, għandu sistema waħda li sservi għall-gvern u l-awtoritajiet kollha.
Dan huwa parti minn proċess. Fil-ġimgħat li ġejjin, ser jiġu mnedija numru ta’ servizzi li jiffaċilitaw ir-reġistrazzjoni għall-VAT, sistema ta’ Customer Care li tapplika għall-gvern kollu, sistema li tapplika u tħallas għall-eżamijiet kollha online, u sa’ l-aħħar ta’ Diċembru huwa ppjanat li nniedu sistema ta’ Registration & Authentication li tipprovdi Pin Code number li tipprovdi iktar sigurta liċ-ċittadin Malti fl-użu ta’ dawn is-sistemi. Dan ser ikun ifisser li nkunu mexjin b’mod tajjeb biex l-għan tal-Gvern, li sa l-aħħar ta’ Marzu, jkollna 90% tas-servizzi kollha tal-Gvern pprovduti online, nilħquh.
"Nemmen li dan kollu qed isir mhux biex naraw kemm għandna ‘websites’ u sistemi differenti, imma kemm ikollna servizz għaċ-ċittadin aċċessibbli faċilment, mingħajr ma jonfoq flus iċ-ċittadin, u ċ-ċittadin ikollu servizz iktar effiċjenti", kompla Dr. Gatt.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru ghat-Trasport u l-Komunikazzjoni, Ċensu Galea tkellem dwar il-faċilita’ u l-kumdita’ li jipprovdi servizz bħal dan lil dawk kollha li ser jibdew iħallsu l-liċenzji tagħhom minn fuq l-internet. Hu qal li f’Malta l-internet dejjem qed isir iktar aċċessibli u s-servizzi f’dan il-qasam dejjem qed jizdiedu. Il-Ministru Galea semma li l-aħħar statistici ppublikati juru li 25% mill-popolazzjoni għandha aċċess għall-internet u bis-saħħa tal-pjan ta’ liberalizzazzjoni ta’ dan is-settur li ilu li ġie implimentat għal diversi snin, il-konsumatur dejjem qed igawdi minn servizz u aċċesibilta’ aħjar għall-internet. Dan l-izvilupp għalhekk jinkwadra tajjeb ħafna ma’ l-introduzzjoni ta’ servizzi bħal ma tnedew illum u aktar ma jghaddi z-zmien, aktar ser ikun uzat minn medda ikbar ta’ nies.
l-Ministru Censu Galea sostna li dan huwa proċess importanti fejn parti oħra tal-Gvern ġiet moderniżżata. Huwa saħaq li llum għandna ammont sostanzjali ta’ servizzi governattivi, li jistgħu jinkisbu mill-kumdita tad-dar, jew mill-Kunsilli Lokali.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926